ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 17
GĦANJA 99 Mirjadi t’aħwa
Qatt M’Aħna Waħedna
“Jien ngħinek verament.”—ISA. 41:10.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Erbaʼ modi kif Ġeħova jieħu ħsiebna.
1-2. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li meta niffaċċjaw il-provi qatt m’aħna waħedna? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
META nħabbtu wiċċna maʼ provi diffiċli, jaf inħossuna qisna qegħdin f’dgħajsa żgħira f’nofs taʼ baħar imqalleb. Però m’aħniex waħedna. Hemm xi ħadd lest biex jgħinna. Missierna tas-sema li jħobbna jara dak kollu li għaddejjin minnu. Hu jwegħedna li se jgħinna. Ġeħova għamel din il-wegħda mal-qaddejja leali tiegħu kollha: “Jien ngħinek verament.”—Isa. 41:10.
2 Dan l-artiklu se jurina kif Ġeħova jgħinna billi (1) jiggwidana, (2) jipprovdilna, (3) jipproteġina, u (4) jinkuraġġina. Ġeħova jassigurana li ngħaddu minn xiex ngħaddu f’ħajjitna, hu qatt mhu se jitlaqna u qatt mhu se jinsiena. Mela qatt m’aħna waħedna.
ĠEĦOVA JIGGWIDANA
3-4. Ġeħova kif jiggwidana? (Salm 48:14)
3 Aqra Salm 48:14. Ġeħova jaf li aħna għandna bżonn il-gwida tiegħu għax ma nafux immexxu lilna nfusna. Bħala l-qaddejja tiegħu, Ġeħova kif jiggwidana? Mod wieħed hu bil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. (Slm. 119:105) Permezz taʼ Kelmtu, Ġeħova jgħallimna nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nimitaw il-kwalitajiet tiegħu. Meta nobdu dak li tgħidilna l-Bibbja, ngħixu ħajja aħjar issa u jkollna t-tama li ngħixu għal dejjem.a Pereżempju, Ġeħova jgħallimna naħfru lil oħrajn u ma nibqgħux irrabjati, jgħallimna nkunu onesti f’kollox, u biex inħobbu lil xulxin b’qalbna kollha. (Slm. 37:8; Lhud 13:18; 1 Pt. 1:22) Meta nuru dawn il-kwalitajiet se nsiru ġenituri, irġiel u nisa miżżewġin, u ħbieb aħjar.
4 Apparti minn hekk, fil-Kelma tiegħu, Ġeħova qalilna dwar nies li għexu fil-passat li kellhom provi u sentimenti bħal tagħna. (1 Kor. 10:13; Ġak. 5:17) Meta naqraw dwar il-ħajja taʼ dawn in-nies u nitgħallmu minnhom, nibbenefikaw minn tal-inqas b’żewġ modi. L-ewwel, nindunaw li m’aħniex waħedna, anki oħrajn għaddew minn sitwazzjonijiet simili u rnexxielhom jissaportu. (1 Pt. 5:9) U t-tieni, nitgħallmu kif inkampaw mal-provi.—Rum. 15:4.
5. Ġeħova lil min juża biex jiggwidana?
5 Ġeħova juża wkoll lil aħwa rġiel u nisa biex jiggwidana.b Pereżempju, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, b’mod regulari jinkuraġġuna bit-taħditiet tagħhom li jsaħħulna l-fidi u jgħinuna biex nibqgħu magħqudin. (Atti 15:40, 41; 16:1-5) Anki l-anzjani tal-kongregazzjoni jgħinuna billi jieħdu interess sinċier f’kull pubblikatur. (1 Pt. 5:2, 3) Il-ġenituri jgħinu lil uliedhom iħobbu lil Ġeħova, jitgħallmu jaħsbu ħalli jieħdu deċiżjonijiet tajbin, u biex ikollhom imġiba u rutina spiritwali tajba. (Prov. 22:6) U l-aħwa nisa maturi jgħinu lit-tfajliet iżgħar bl-eżempju, bil-pariri li jagħtuhom, u billi jinkuraġġuhom bi mħabba.—Titu 2:3-5.
6. Xi rridu nagħmlu biex nibbenefikaw mill-gwida taʼ Ġeħova?
6 Ġeħova tana dak kollu li għandna bżonn biex jiggwidana. Imma kif tistaʼ turi li tapprezza dak kollu li għamel għalik? Proverbji 3:5, 6 jgħid: “Afda f’Ġeħova b’qalbek kollha u tistrieħx fuq dak li taħseb int stess.” Meta tagħmel hekk, “hu se jurik it-triq it-tajba,” jiġifieri se jgħinek tevita ħafna problemi u se jgħinek tkun iktar ferħan. Kemm għandna għal xiex napprezzaw li Ġeħova tant iħobbna u jafna sew, li jagħti lil kull wieħed minna l-għajnuna li jkollna bżonn!—Slm. 32:8.
ĠEĦOVA JIPPROVDILNA
7. X’inhuma xi affarijiet li Ġeħova jipprovdilna? (Filippin 4:19)
7 Aqra Filippin 4:19. Apparti li jiggwidana b’mod spiritwali, Ġeħova jbierek ukoll l-isforzi tagħna biex ikollna l-ikel, il-ħwejjeġ, u post fejn ngħixu. (Mat. 6:33; 2 Tes. 3:12) Għalkemm huwa normali li ninkwetaw kif se jkollna dawn il-bżonnijiet, Ġeħova ma jridniex inkunu ansjużi żżejjed. (Ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż ma’ Mattew 6:25.) Għala? Għax Missierna qatt mhu se jitlaq lill-qaddejja leali tiegħu. (Mat. 6:8; Lhud 13:5) Mela meta jgħidilna li se jipprovdilna, aħna nistgħu nkunu ċerti li hu se jżomm kelmtu.
8. Ġeħova kif għen lil David?
8 Aħseb dwar kif Ġeħova għen lil David. Matul is-snin diffiċli li David kien qed jaħrab minn Sawl, Ġeħova pprovda lilu u lill-irġiel li kienu miegħu dak li kellhom bżonn biex jibqgħu ħajjin. Meta David qagħad jaħseb kif Ġeħova ħa ħsiebu matul is-snin, hu qal: “Jien kont żagħżugħ, u issa xjaħt, imma qatt ma rajt lil xi ħadd ġust jiġi abbandunat, jew lit-tfal tiegħu jittallbu għall-ħobż.” (Slm. 37:25) X’aktarx li anki inti, bħal David matul ħajtek rajt kif Ġeħova pprovda għalik u għall-aħwa matul żmien diffiċli.
9. Meta jseħħ xi diżastru, Ġeħova kif jipprovdi għan-nies tiegħu? (Ara wkoll l-istampi.)
9 Ġeħova anki jipprovdi għan-nies tiegħu meta jseħħ xi diżastru. Pereżempju, meta l-Kristjani tal-bidu f’Ġerusalemm iffaċċjaw ġuħ kbir, Kristjani minn postijiet oħra bagħtulhom l-għajnuna. (Atti 11:27-30; Rum. 15:25, 26) Anki llum, in-nies taʼ Ġeħova jgħinu lil ħuthom li jkunu fil-bżonn. Meta jseħħ xi diżastru, Ġeħova permezz tal-organizzazzjoni tiegħu jipprovdi l-ikel, l-ilma, il-ħwejjeġ, u l-mediċina lil dawk li jkunu ġew affettwati. Timijiet li jaħdmu fil-kostruzzjoni jsewwu d-djar u s-Swali tas-Saltna. U n-nies tiegħu jkunu pronti biex jinkuraġġixxu u jissapportjaw spiritwalment lil dawk kollha li jkunu ġew affettwati jew tilfu lil xi ħadd għażiż.c
Ġeħova kif jinkuraġġina meta niffaċċjaw diżastri? (Ara paragrafu 9)e
10-11. X’tgħallimt mill-esperjenza taʼ Borys?
10 Ġeħova b’ġenerożità jipprovdi wkoll lin-nies li s’issa għadhom ma bdewx jaqduh. Anki aħna nipprovaw nimitaw lil Ġeħova u nfittxu għal modi kif inkunu qalbna tajba man-nies. (Gal. 6:10) Spiss, dan iwassal għal xhieda tajba. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Borys, surmast li jgħix fl-Ukrajna. Għalkemm Borys mhuwiex Xhud taʼ Ġeħova, hu dejjem tratta sew u b’rispett lill-istudenti Xhieda. Meta hu ddeċieda li jitlaq mir-raħal fejn kien jgħix minħabba l-gwerra biex imur f’post ieħor safe, l-aħwa għenuh. Iktar tard, hu attenda t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù. Meta qagħad jaħseb dwar x’għamlu l-aħwa miegħu, Borys qal: “Ix-Xhieda kienu vera qalbhom tajba miegħi u ħadu ħsiebi. Jien vera grat għalihom.”
11 Anki aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi nuru mħabba ma’ nies li jkunu fil-bżonn. Dan jinkludi anki lil dawk li ma jemmnux bħalna. (Luqa 6:31, 36) Aħna nittamaw li l-isforzi li nagħmlu biex nuruhom li nħobbuhom iwassluhom biex isiru dixxipli taʼ Kristu. (1 Pt. 2:12) Imma anki jekk ma jsirux, aħna nkunu ferħanin għax inkunu qed nagħtu lil oħrajn.—Atti 20:35.
ĠEĦOVA JIPPROTEĠINA
12. Ġeħova kif wiegħed li se jipproteġi lin-nies tiegħu bħala grupp? (Salm 91:1, 2, 14)
12 Aqra Salm 91:1, 2, 14. Illum, Ġeħova jwegħedna li se jipproteġina bħala grupp minn kull ħaġa li tistaʼ tagħmel ħsara l-ħbiberija tagħna miegħu. Ġeħova qatt mhu ħa jħalli lil Satana jwaqqafna milli nqimuh kif irid hu. (Ġw. 17:15) U matul “iż-żmien taʼ tbatija kbira,” aħna nistgħu nkunu konvinti għalkollox li Ġeħova se jżomm kelmtu, billi jipproteġina spiritwalment biex nibqgħu leali u jsalvana.—Riv. 7:9, 14.
13. Ġeħova b’liema modi jipproteġina bħala individwi?
13 Ġeħova kif jipproteġina bħala individwi? Permezz tal-Iskrittura, Ġeħova jgħinna nkunu nafu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Lhud 5:14) Meta ngħixu skont il-prinċipji tal-Bibbja, se nipproteġu l-ħbiberija tagħna miegħu u anki nieħdu deċiżjonijiet li jgħinuna nkunu ferħanin u ngħixu ħajja b’saħħitha. (Slm. 91:4) Barra minn hekk, Ġeħova jipproteġina permezz tal-kongregazzjoni. (Isa. 32:1, 2) Meta nqattgħu l-ħin maʼ wħud li jħobbu u jobdu lil Ġeħova fil-laqgħat, fis-service, u anka f’affarijiet biex nirrilassaw, se jgħinuna biex nevitaw influwenzi ħżiena u jinkuraġġuna.—Prov. 13:20.
14. (a) Alla għala mhux dejjem ineħħilna l-provi? (b) Skont Salm 9:10, minn xiex nistgħu nkunu ċerti? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
14 Fil-passat, Ġeħova ġieli pproteġa lin-nies tiegħu biex ma jweġġgħux jew ma jmutux. Però m’għamilx dan dejjem. Il-Bibbja tgħallimna li “affarijiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekk. 9:11) Ukoll, kemm fil-passat u kemm illum, Ġeħova ppermetta li wħud mill-qaddejja tiegħu jiġu ppersegwitati u anki jmutu biex joħroġ lil Satana taʼ giddieb. (Ġob 2:4-6; Mat. 23:34) Għalkemm Ġeħova forsi ma jneħħilniex il-provi, nistgħu nkunu ċerti li hu qatt mhu se jitlaq lil dawk li jħobbuh.d—Slm. 9:10.
ĠEĦOVA JINKURAĠĠINA
15. Kif niġu inkuraġġiti permezz tat-talb, il-Kelma t’Alla, u l-laqgħat? (2 Korintin 1:3, 4)
15 Aqra 2 Korintin 1:3, 4. Xi kultant aħna nħossuna anzjużi u inkwetati u meta jmutilna xi ħadd inħossuna mdejqin. Forsi bħalissa għaddej minn sitwazzjoni diffiċli li ġġiegħlek tħossok waħdek. Hemm xi ħadd li jifhmek? Iva, Ġeħova. Hu mhux biss iħoss dak li għaddej minnu, imma jinkuraġġik kull meta tkun għaddej minn xi prova. Kif? Meta tiftaħ qalbek miegħu bit-talb, hu jagħtik il-paċi “li l-bnedmin ma jistgħux jifhmuha.” (Flp. 4:6, 7) Ukoll, nistgħu niġu inkuraġġiti meta naqraw kliem Ġeħova fil-Bibbja. Fiha Ġeħova jgħidilna kemm iħobbna u jagħtina l-għerf u t-tama. U fil-laqgħat niġu inkuraġġiti mill-Bibbja u nkunu maʼ ħutna li jħobbuna.
16. X’titgħallem mill-esperjenza taʼ Nathan u Priscilla?
16 Nistgħu naraw kemm Ġeħova jinkuraġġina permezz tal-Bibbja billi naraw l-esperjenza taʼ Nathan u Priscilla li jgħixu l-Istati Uniti. Xi snin ilu, iddeċidew li jmorru joqogħdu fejn kien hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi. Nathan jgħid: “Aħna konna ċerti li Ġeħova se jbierek l-isforzi tagħna.” Però, xħin waslu fl-inkarigu l-ġdid tagħhom, inqalgħulhom problemi taʼ saħħa u anki problemi biex isibu xogħol li bih ikollhom biżżejjed flus biex jgħixu. Priscilla u Nathan kellhom imorru lura d-dar, imma xorta baqaʼ jkollhom problemi finanzjarji. Nathan jgħid: “Bdejt nipprova nifhem għala Alla ma berikniex bħalma ħsibna li se jagħmel u anki bdejt naħseb għamiltx xi ħaġa ħażina.” Maż-żmien, huma ndunaw li meta kellhom bżonn, Ġeħova ma telaqhomx. Nathan ikompli jgħid: “F’dak iż-żmien diffiċli, il-Bibbja tatna ħafna inkuraġġiment u gwida, qisha ħabib tal-qalb. Meta ffokajna fuq kif Ġeħova kien qed jgħinna nissaportu din il-prova minflok fuq il-prova nfisha, tgħallimna li Ġeħova dejjem se jkompli jgħinna fil-futur.”
17. Oħt jisimha Helga kif irċiviet l-inkuraġġiment? (Ara wkoll l-istampa.)
17 Ġeħova jinkuraġġina wkoll permezz tal-aħwa. Nistgħu naraw dan mill-eżempju taʼ Helga li tgħix fl-Ungerija. Għal ħafna snin, minħabba l-problemi diffiċli li ffaċċjat, ħassitha dipressa u li ma tiswa għal xejn. Imma meta tħares lura, hi tirrealizza li Ġeħova uża lill-aħwa tal-kongregazzjoni biex jinkuraġġuha. Hi tgħid: “Ġeħova dejjem għenni meta ħassejt li ma niflaħx iktar minħabba x-xogħol, meta kelli bżonn nieħu ħsieb lit-tifel peress li kien marid, u provi oħra. Ġeħova żamm kelmtu kuljum dawn l-aħħar 30 sena u dejjem inkuraġġieni. Ħafna drabi għamel dan permezz taʼ kliem inkuraġġanti mingħand l-aħwa. Spiss meta l-iktar li kelli bżonn, irċivejt xi messaġġ, xi kard, jew l-aħwa faħħruni taʼ li kont qed nagħmel.”
Ġeħova kif jistaʼ jużak biex tinkuraġġixxi lil oħrajn? (Ara paragrafu 17)
18. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn?
18 Aħna għandna l-privileġġ li nimitaw lil Alla tagħna Ġeħova billi ninkuraġġixxu lil oħrajn. Kif nistgħu nagħmlu dan? Nistgħu nisimgħuhom bil-paċenzja, ninkuraġġuhom bi kliemna, u ngħinuhom b’modi prattiċi. (Prov. 3:27) Għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninkuraġġixxu lil kull min qed ibati inkluż lil dawk li għadhom mhux jaqdu lil Alla. Meta jmutilhom xi ħadd li jħobbu, jimirdu, jew ikunu anzjużi, aħna nitkellmu magħhom, nisimgħuhom, u naqsmu magħhom xi skritturi inkuraġġanti mill-Bibbja. Meta nimitaw lil Ġeħova, “l-Alla li jinkuraġġixxi f’kull sitwazzjoni,” mhux biss inkunu qed ngħinu lil ħutna jissaportu l-provi, imma anki nistgħu ngħinu lil dawk li għadhom mhux Xhieda jkunu jridu jitgħallmu dwaru.—Mat. 5:16.
ĠEĦOVA DEJJEM HEMM GĦALINA
19. Ġeħova x’jagħmel għall-qaddejja leali tiegħu, u aħna kif nistgħu nimitawh?
19 Ġeħova jimpurtah ħafna minn dawk kollha li jħobbuh. Meta ngħaddu minn żmien diffiċli, hu qatt mhu se jitlaqna. Bħalma ġenitur jimpurtah u jħobb lit-tfal tiegħu, Ġeħova jimpurtah mill-qaddejja leali tiegħu. Hu jiggwidana, jipprovdilna, jipproteġina, u jinkuraġġina. Aħna nistgħu nimitaw lil Missierna tas-sema billi nissapportjaw u ninkuraġġixxu lil oħrajn waqt il-provi tagħhom. F’din id-dinja se niffaċċjaw diffikultajiet u affarijiet li jweġġgħu l-qalb, imma nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova dejjem se jkun hemm għalina. Wara kollox, hu wegħedna: “Tibżax, għax jien miegħek.” (Isa. 41:10) Din il-wegħda tgħinna nkunu konvinti li qatt m’aħna waħedna.
GĦANJA 100 Ilqagħhom bl-ospitalità
a Ara l-artiklu “Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 t’April 2011.
b Ara paragrafi 11-14 tal-artiklu “Ibqaʼ Imxi maʼ Dak li Jgħid Ġeħova” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Frar 2024.
c Biex tara eżempji reċenti taʼ kif noffru għajnuna fid-diżastri, mur fuq jw.org u agħfas fuq LIBRERIJA > SERJE T’ARTIKLI > KIF JINTUŻAW ID-DONAZZJONIJIET TIEGĦEK? > GĦAJNUNA FID-DIŻASTRI.
d Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Frar 2017.
e X’TURINA L-ISTAMPA: Aħwa fil-Malawi jirċievu ikel, affarijiet li għandhom bżonn, u inkuraġġiment mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova wara diżastru naturali.