ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 28
GĦANJA 88 Għarrafni triqatek
Għala Għandna Nitolbu l-Pariri t’Oħrajn?
“Dawk li jitolbu parir għandhom l-għerf.”—PROV. 13:10.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Xi rridu nagħmlu biex nibbenefikaw kemm nistgħu mill-pariri li nirċievu.
1. Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin u li jgħinuna nirnexxu? (Proverbji 13:10; 15:22)
ILKOLL kemm aħna nixtiequ nieħdu deċiżjonijiet tajbin u li jgħinuna nirnexxu. Il-Kelma t’Alla tgħidilna li biex nagħmlu dan irridu nitolbu pariri mingħand oħrajn.—Aqra Proverbji 13:10; 15:22.
2. Ġeħova x’wegħedna?
2 Ovvjament, l-iktar wieħed li jistaʼ jagħtina pariri tajbin hu Ġeħova. Għalhekk, għandna nitolbu lil Missierna tas-sema u ngħidulu biex jagħtina l-għerf. Ġeħova wegħedna li hu se jgħinna meta qal: “Se nżomm għajnejja fuqek biex nipproteġik u nagħtik il-pariri.” (Slm. 32:8) Dan il-kliem jurina li Ġeħova mhux biss itina l-pariri, imma wkoll jieħu interess persunali fina u jgħinna napplikaw il-pariri li jkun tana.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 F’dan l-artiklu se naraw kif il-Kelma t’Alla se tgħinna nwieġbu erbaʼ mistoqsijiet: (1) Jekk irrid li nibbenefika minn parir tajjeb, liema kwalitajiet għandi bżonn? (2) Min jistaʼ jagħtini parir tajjeb? (3) Kif nistaʼ nuri li vera rrid parir? (4) Għala m’għandix insaqsi lil oħrajn biex jieħdu deċiżjoni għalija?
LIEMA KWALITAJIET GĦANDEK BŻONN?
4. Biex nibbenefikaw minn parir tajjeb, liema kwalitajiet għandna bżonn?
4 Jekk irridu nibbenefikaw minn parir tajjeb, irridu nkunu umli u modesti. Irridu nammettu li aħna għandna bżonn l-għajnuna t’oħrajn biex nieħdu deċiżjoni tajba, speċjalment jekk inkunu f’sitwazzjoni ġdida. Ukoll, irridu nifhmu li aħna ma nafux kollox. Jekk ma nkunux umli u modesti, Ġeħova mhux se jkun jistaʼ jgħinna. B’hekk, il-pariri li jtina mill-Bibbja se jkunu qishom daħlu minn widna u ħarġu minn oħra għax ma narawx il-bżonn li napplikawhom. (Mik. 6:8; 1 Pt. 5:5) Imma jekk inkunu umli u modesti, se nkunu rridu nisimgħu u napplikaw dak li jgħidilna Ġeħova fil-Bibbja.
5. X’affarijiet irnexxielu jagħmel David li bihom setaʼ sar kburi?
5 Aħseb dwar x’tistaʼ titgħallem mill-eżempju tar-Re David. Avolja kien irnexxielu jagħmel ħafna affarijiet tal-għaġeb f’ħajtu, hu qatt ma sar kburi. Pereżempju, ħafna snin qabel ma sar re, kien magħruf bħala mużiċist bravu ħafna. Minħabba f’hekk, kien beda jdoqq għar-Re Sawl. (1 Sam. 16:18, 19) Ġeħova għażel lil David biex ikun ir-re li jmiss u tah l-ispirtu tiegħu. Dan għamlu raġel b’saħħtu ħafna. (1 Sam. 16:11-13) Hu kien sar popolari għax kien iġġieled kontra l-għedewwa taʼ Iżrael, bħall-ġgant Gulija. (1 Sam. 17:37, 50; 18:7) Li kieku David kien kburi setaʼ ħaseb li peress li rnexxielu jagħmel dawn l-affarijiet kollha, ma kellux bżonn il-pariri t’oħrajn. Imma David kien umli u m’għamilx hekk.
6. Kif nafu li David kien lest li jismaʼ mill-pariri t’oħrajn? (Ara wkoll l-istampa.)
6 Wara li sar re, David għażel ħbieb li setgħu jtuh pariri tajbin. (1 Kron. 27:32-34) Din ma kinitx sorpriża, għax anki qabel ma sar re, David dejjem kien lest li jismaʼ mill-pariri tajbin li jagħtuh oħrajn. Però, hu ma semax biss mill-pariri tal-irġiel. Hu anki semaʼ mill-parir taʼ mara jisimha Abigajl. Hi kienet il-mara taʼ Nabal, li kien raġel kburi, ingrat, u li ma jurix rispett. David b’umiltà aċċetta l-parir li tatu, u għax semaʼ mill-parir tagħha, evita li jagħmel żball kbir.—1 Sam. 25:2, 3, 21-25, 32-34.
Ir-Re David kien umli u semaʼ mill-parir taʼ Abigajl (Ara paragrafu 6)
7. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ David? (Ekkleżjasti 4:13) (Ara wkoll l-istampi.)
7 X’nistgħu nitgħallmu minn David? Pereżempju, jekk għandna xi talent jew għandna xi tip t’awtorità fuq oħrajn, qatt m’għandna naħsbu li nafu kollox u li m’għandniex bżonn il-pariri t’oħrajn. Bħal David, irridu nkunu lesti li nisimgħu minn parir tajjeb, jiġi mingħand min jiġi. (Aqra Ekkleżjasti 4:13.) Jekk nagħmlu dan, x’aktarx se nevitaw li nagħmlu żbalji kbar li jistgħu jweġġgħu lilna u lil oħrajn.
Kun lest li taċċetta parir, itihulek min itihulek (Ara paragrafu 7)c
MIN JISTAʼ JTIK PARIRI TAJBIN?
8. Ġonatan għala setaʼ jagħtih parir tajjeb lil David?
8 Ejja naraw xi ħaġa oħra li nistgħu nitgħallmu minn David. David staqsa għal pariri mingħand nies li kellhom ħbiberija tajba ma’ Ġeħova. Imma mhux hekk biss. Dawn in-nies kienu fehmu s-sitwazzjoni tiegħu sew. Pereżempju, meta David ried ikun jaf jekk ir-Re Sawl kienx lest li jagħmel paċi miegħu, David staqsa lit-tifel taʼ Sawl, Ġonatan, għal parir. Ġonatan għala setaʼ jagħtih parir tajjeb? Għax Ġonatan kellu ħbiberija tajba ma’ Ġeħova u anki kien jaf lil Sawl sew. (1 Sam. 20:9-13) Dan x’jgħallimna?
9. Meta jkollna bżonn parir, lil min ikun tajjeb nistaqsu? Agħti eżempju. (Proverbji 13:20)
9 Meta jkollna bżonn parir, ikun tajjeb li niħduh mingħand xi ħadd li għandu ħbiberija tajba ma’ Ġeħova kif ukoll li jifhem is-sitwazzjoni tagħna sew.a (Aqra Proverbji 13:20.) Pereżempju, ejja ngħidu li ħu żagħżugħ jixtieq jiżżewweġ. Min jistaʼ jagħtih parir tajjeb? Jekk isaqsi lil xi ħadd li mhux miżżewweġ, jistaʼ jkun li jagħtih parir tajjeb, jekk jagħtihulu mill-Bibbja. Imma jekk il-ħu żagħżugħ isaqsi lil xi koppja li jafuh sew u li ilhom jaqdu lil Ġeħova, x’aktarx se jagħtuh parir iktar utli. Huma mhux biss se jagħtuh parir mill-Bibbja, imma se jaqsmu miegħu dak li tgħallmu mill-esperjenza tagħhom.
10. Issa x’se naraw?
10 Għadna kemm iddiskutejna żewġ kwalitajiet li għandna bżonn u lil min għandna nsaqsu għal parir tajjeb. Issa ejja naraw kif nistgħu nuru li vera rridu parir u jekk għandniex insaqsu lil oħrajn biex jiddeċiedu għalina.
KIF TISTAʼ TURI LI VERA TRID PARIR?
11-12. (a) Kultant, persuna x’jistaʼ jkun li tagħmel? (b) Ir-Re Reħobogħam x’għamel meta kellu jieħu deċiżjoni importanti?
11 Kultant, persuna tistaqsi għal parir imma fir-realtà f’qalbha tkun diġà ddeċidiet x’se tagħmel. Kulma tkun trid hu li xi ħadd jaqbel magħha. Persuna bħal din mhux vera tkun trid parir, u jkun tajjeb li titgħallem minn dak li ġara lir-Re Reħobogħam.
12 Reħobogħam sar re taʼ Iżrael wara li missieru Salamun miet. In-nies kellhom ħafna ġid materjali imma ħassew li Salamun kien ġegħelhom jaħdmu iebes ħafna. Allura, marru għand ir-Re Reħobogħam u talbuh biex inaqqsilhom ix-xogħol. Reħobogħam qalilhom biex jagħtuh ċans ħalli jaħsibha qabel jieħu deċiżjoni. Għall-ewwel, hu għamel il-ħaġa t-tajba u talab il-parir tal-irġiel kbar fl-età li kienu għenu lil Salamun. (1 Slat. 12:2-7) Imma ma semax mill-parir li tawh. Għala? Jistaʼ jkun li kien diġà ddeċieda x’se jagħmel u kulma ried kien li jsib lil xi ħadd li jaqbel miegħu. Jekk dan kien il-każ, allura xħin staqsa lil sħabu għal parir u dawn qablu miegħu, hu ħa pjaċir. (1 Slat. 12:8-14) Reħobogħam mexa fuq il-parir li tawh iż-żgħażagħ li trabbew miegħu. Minħabba f’hekk, in-nies irribellaw u għażlu re ieħor. Minn dakinhar ’il quddiem, ir-Re Reħobogħam dejjem kellu l-problemi.—1 Slat. 12:16-19.
13. Kif nistgħu nkunu nafu jekk hux vera rridu l-parir t’oħrajn?
13 X’nitgħallmu mill-eżempju taʼ Reħobogħam? Nitgħallmu li meta nitolbu lil oħrajn għal parir, m’għandniex inkunu diġà ddeċidejna x’se nagħmlu. Irridu nkunu lesti li nisimgħu l-parir tagħhom. Allura tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Ġieli nitlob għal parir imma mbagħad ninjorah, għax ma jkunx dak li rrid nismaʼ?’ Ejja naraw eżempju.
14. Meta nitolbu parir, x’għandna niftakru? Agħti eżempju. (Ara wkoll l-istampa.)
14 Immaġina li ħu jiġi offrut xogħol b’paga tajba ħafna. Imma qabel ma jaċċetta, jistaqsi lil anzjan għal parir. Il-ħu jgħidlu li jekk jaċċetta x-xogħol se jkollu jsiefer u jkun ’il bogħod mill-familja għal xi żmien. L-anzjan ifakkru fil-prinċipju tal-Bibbja li l-iktar responsabbiltà importanti li għandu hi li jipprovdi spiritwalment għall-familja tiegħu. (Efes. 6:4; 1 Tim. 5:8) Imma l-ħu ma jaqbilx mal-anzjan. Allura, jibda jistaqsi lil oħrajn fil-kongregazzjoni sakemm isib lil xi ħadd li jgħidlu dak li jrid jismaʼ, jiġifieri li għandu jaċċetta dan ix-xogħol. Jekk jagħmel hekk, veru jrid parir? Jew diġà ddeċieda x’se jagħmel u kulma jrid hu li jsib lil min jaqbel miegħu? Irridu niftakru li l-qalb hi qarrieqa. (Ġer. 17:9) Allura, xi kultant, il-parir li l-iktar ikollna bżonn ma jkunx dak li nkunu nixtiequ nisimgħu.
Int vera qed tfittex għal parir tajjeb jew qed tfittex lil xi ħadd biex jaqbel miegħek? (Ara paragrafu 14)
GĦANDI NSAQSI LIL OĦRAJN BIEX JIEĦDU DEĊIŻJONI GĦALIJA?
15. X’għandna nevitaw, u għala?
15 Ġeħova ta lil kull wieħed u waħda minna r-responsabbiltà li niddeċiedu aħna x’se nagħmlu. (Gal. 6:4, 5) Kif iddiskutejna, persuna se tieħu deċiżjoni tajba jekk qabel tiddeċiedi, tara x’parir tagħti l-Kelma t’Alla u titlob parir mingħand Kristjan matur. Però, irridu noqogħdu attenti li ma nistaqsux lil oħrajn biex jieħdu d-deċiżjoni għalina. Xi wħud jaf jagħmlu dan billi jsaqsu lil xi ħadd li jafdaw, “Kieku int kont fis-sitwazzjoni tiegħi, x’tagħmel?” Oħrajn jaf ma jistaqsux, imma jagħmlu kif qed jagħmel ħaddieħor mingħajr ma jaħsbu sew fuq is-sitwazzjoni.
16. X’sitwazzjoni qamet f’Korintu, u min kellu r-responsabbiltà jiddeċiedi jikolx mill-laħam? (1 Korintin 8:7; 10:25, 26)
16 Aħseb dwar id-deċiżjoni li kull Kristjan fil-kongregazzjoni taʼ Korintu kellu jieħu. Din kienet dwar jekk kellhomx jieklu laħam li setaʼ kien ġie offrut lill-idoli. Lil dawk il-Kristjani, Pawlu qalilhom: “Nafu li idolu fir-realtà mhuwiex alla u li hemm Alla wieħed biss.” (1 Kor. 8:4) Minħabba dak li qalilhom Pawlu, xi Kristjani ddeċidew li setgħu jieklu laħam li jkunu xtraw mis-suq avolja jistaʼ jkun li kien ġie offrut lill-idoli. Xi Kristjani oħra ddeċidew li m’għandhomx jieklu dan il-laħam għax il-kuxjenza tagħhom ma tħallihomx. (Aqra 1 Korintin 8:7; 10:25, 26.) Jekk jiklux il-laħam jew le kienet deċiżjoni personali. Pawlu qatt ma qal lill-Korintin li jistgħu jiddeċiedu għal oħrajn jew jagħmlu bħalma qed jagħmel ħaddieħor. Kull wieħed minnhom kien ‘se jkollu jagħti kont lil Alla.’—Rum. 14:10-12.
17. X’jistaʼ jiġri jekk meta niġu biex nieħdu deċiżjoni nagħmlu kif qed jagħmel ħaddieħor? Agħti eżempju. (Ara wkoll l-istampi.)
17 Kif tistaʼ tiġri xi ħaġa simili llum? Ħu l-kwistjoni tal-frazzjonijiet tad-demm. Kull Kristjan irid jiddeċiedi hu jekk jaċċettax jew le dawn il-frazzjonijiet.b Forsi nsibu dan is-suġġett diffiċli biex nifhmuh, imma li nieħdu deċiżjonijiet bħal dawn hu parti minn dak li jitlob minna Alla, għax kull Kristjan hu responsabbli għall-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. (Rum. 14:4) Kieku kellna nagħmlu kif jagħmel xi ħadd ieħor, qatt mhu se nsiru maturi. Nistgħu nsiru maturi biss jekk nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. (Lhud 5:14) Allura, meta għandna nistaqsu lil Kristjan matur għal parir? Għandna nsaqsu wara li nkunu għamilna riċerka għalina nfusna imma xorta jkollna bżonn l-għajnuna biex naraw kif prinċipji tal-Bibbja japplikaw fis-sitwazzjoni tagħna.
Parir għandna nistaqsu għalih wara li nkunu għamilna riċerka (Ara paragrafu 17)
IBQAʼ SAQSI GĦAL PARIRI
18. Ġeħova x’għamel għalina?
18 Ġeħova wera kemm jafdana meta ħalla f’idejna biex niddeċiedu xi rridu nagħmlu. Hu tana l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u tana wkoll aħwa maturi li jistgħu jgħinuna nifhmu kif napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja. B’dawn il-modi, Ġeħova wera li jħobbna, bħal missier. (Prov. 3:21-23) X’nistgħu nagħmlu biex nuru li napprezzaw l-għajnuna tiegħu?
19. Kif nistgħu nkomplu nagħmlu lil Ġeħova ferħan?
19 Aħseb dwar dan: Il-ġenituri jieħdu pjaċir jaraw lit-tfal tagħhom jimmaturaw, jitgħallmu jirraġunaw, u jsiru qaddejja leali taʼ Ġeħova li jgħinu lil oħrajn. Bl-istess mod, Ġeħova jieħu pjaċir meta jarana nkomplu nimmaturaw spiritwalment, nitolbu għal pariri, u nieħdu deċiżjonijiet li bihom nuru kemm inħobbuh.
GĦANJA 127 It-tip taʼ persuna li għandi nkun
a Il-Kristjani ġieli jkollhom bżonn jieħdu pariri mingħand dawk li ma jaqdux lil Ġeħova. Dawn jistgħu jkunu dwar il-finanzi, is-saħħa, u affarijiet oħrajn.
b Għal iktar dettalji dwar dan is-suġġett, ara lezzjoni 39 punt 5 u l-parti “Ara Iżjed” fil-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!
c X’JURUNA L-ISTAMPI: Anzjan qed jagħti parir lil anzjan ieħor dwar il-mod kif tkellem waqt laqgħa li kellhom.