LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Awwissu pp. 8-13
  • Kun Ċert li Ġeħova Jħobbok

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Ċert li Ġeħova Jħobbok
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA HU IMPORTANTI TEMMEN LI ĠEĦOVA JĦOBBOK
  • X’SE JGĦINEK TKUN ĊERT LI ĠEĦOVA JĦOBBOK?
  • ĠESÙ JGĦINNA NKUNU KONVINTI LI ĠEĦOVA JĦOBBNA
  • AGĦMEL LI TISTAʼ BIEX TIBQAʼ KONVINT LI ĠEĦOVA JĦOBBOK
  • Ġeħova Jħobbok Ħafna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • X’Nitgħallmu mill-Fidwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • L-Imħabba Tgħinek Tibqaʼ Tipprietka!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Awwissu pp. 8-13

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 33

GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-Ragħaj tiegħi”

Kun Ċert li Ġeħova Jħobbok

“Ġbidtek bil-qalb tajba bl-imħabba.”—ĠER. 31:3.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se nitgħallmu għala huwa importanti li nemmnu li Ġeħova jħobbna u kif nistgħu nkunu iktar konvinti li jħobbna.

1. Int għala ddeċidejt li tiddedika ħajtek lil Ġeħova? (Ara wkoll l-istampa.)

TIFTAKAR meta ddedikajt ħajtek lil Ġeħova fit-talb? Int ħadt din id-deċiżjoni għax sirt tafu u tħobbu. Inti wegħedtu li minn dakinhar ’il quddiem l-iktar ħaġa importanti għalik se tkun li taqdih u li se tibqaʼ tħobbu “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u b’saħħtek kollha.” (Mrk. 12:30) Minn dak iż-żmien, sirt tħobb lil Ġeħova ħafna iktar. Allura jekk xi ħadd isaqsik, “Vera tħobb lil Ġeħova?” kif twieġeb? Mill-ewwel tgħid, “Jien inħobbu iktar minn kull ħaġa oħra li teżisti!”

Grupp taʼ stampi: Oħt qed tiftakar meta ddedikat ħajjitha lil Ġeħova u tgħammdet. 1. Hi qiegħda bilqiegħda fil-kampanja titlob. 2. Hi qed titgħammed fi xmara.

Tiftakar kemm kont tħobb lil Ġeħova meta ddedikajt lilek innifsek lilu u tgħammidt? (Ara paragrafu 1)


2-3. Ġeħova minn xiex iridna nkunu konvinti, u x’se naraw f’dan l-artiklu? (Ġeremija 31:3)

2 Avolja aħna nafu li nħobbu ħafna lil Ġeħova, forsi m’aħniex ċerti jekk Ġeħova jħobbx lilna. Jistaʼ jkun li nħossu li ma jixirqilniex li jħobbna. Oħt li meta kienet żgħira ma ħassithiex maħbuba qalet: “Jien ċerta li nħobb lil Ġeħova b’qalbi kollha, imma ħafna drabi ma nkunx ċerta jekk hu jħobbnix.” X’jistaʼ jgħinek tkun taf kif Ġeħova jħossu dwarek?

3 Ġeħova jridek tkun konvint li hu jħobbok. (Aqra Ġeremija 31:3.) Fil-fatt, hu riedek issir tafu u ssir ħabib tiegħu, allura ġibdek lejh. Meta ddedikajt lilek innifsek u tgħammidt, hu tak rigal speċjali—l-imħabba u l-lealtà tiegħu. Dan ifisser li hu jħobbok ħafna u qatt mhu se jitilqek. Peress li Ġeħova għandu mħabba u lealtà għall-qaddejja tiegħu kollha, għalih huma “proprjetà speċjali.” (Mal. 3:17) Allura int speċjali ħafna għalih ukoll. Ġeħova jridek tkun konvint li jħobbok daqs kemm kien l-appostlu Pawlu. Hu kiteb: “Jien konvint li xejn ma jistaʼ jisseparana mill-imħabba t’Alla, la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li ġejjin, la l-qawwiet, la l-għoli, la l-fond, u lanqas xi ħolqien ieħor. L-ebda ħaġa ma tistaʼ tisseparana mill-imħabba li Alla wriena.” (Rum. 8:​38, 39) F’dan l-artiklu se naraw għala hu importanti li nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna u x’nistgħu nagħmlu biex inkunu iktar konvinti.

GĦALA HU IMPORTANTI TEMMEN LI ĠEĦOVA JĦOBBOK

4. Satana liema gidba jridna nemmnu, u aħna x’nistgħu nagħmlu biex niqfulu?

4 Jekk nemmnu li Ġeħova jħobbna, se nkunu nistgħu nżommu sod kontra “l-pjanijiet qarrieqa tax-Xitan.” (Efes. 6:11) Satana jrid li nieqfu naqdu lil Ġeħova u jipprova jagħmel kulma jistaʼ biex jirnexxilu. Mod wieħed kif jagħmel dan hu billi jġegħelna nemmnu li Ġeħova ma jħobbniex. Imma din hi gidba. Il-Bibbja tqabbel lil Satana maʼ ljun. Iljun jattakka annimal meta l-iktar ikun dgħajjef. B’mod simili, Satana spiss jattakkana meta nħossuna dgħajfin, għajjenin, inkunu mdejqin minħabba xi ħaġa li ġrat fil-passat, ikollna l-problemi, jew nibżgħu minn x’jistaʼ jiġri fil-futur. (Prov. 24:10) Hu jagħmel hekk għax tant iridna naqtgħu qalbna li mbagħad nieqfu naqdu lil Ġeħova. Imma aħna nistgħu niqfulu billi nagħmlu kulma nistgħu biex inkunu konvinti li Ġeħova jħobbna.—1 Pt. 5:​8, 9; Ġak. 4:7.

5. Għala nixtiequ nħossu li Ġeħova jħobbna u li aħna speċjali għalih?

5 Jekk nemmnu li Ġeħova jħobbna, se nersqu eqreb tiegħu. Għala nistgħu ngħidu hekk? Għax hu ħalaqna b’mod li nħossu li għandna nħobbu lil oħrajn u nkunu nixtiequ li oħrajn iħobbu lilna. Meta xi ħadd jurina li jħobbna, aħna niġu mmotivati biex nuruh li nħobbuh ukoll. Allura iktar ma nħossu li Ġeħova jħobbna u li aħna speċjali għalih, iktar se nħobbuh. (1 Ġw. 4:19) U iktar ma nħobbuh, iktar se jħobb lilna. Dan narawh b’mod ċar minn dak li tgħid il-Bibbja: “Ersqu qrib t’Alla, u hu jersaq qrib tagħkom.” (Ġak. 4:8) X’nistgħu nagħmlu biex inkunu konvinti għalkollox li Ġeħova jħobbna?

X’SE JGĦINEK TKUN ĊERT LI ĠEĦOVA JĦOBBOK?

6. Jekk hu diffiċli għalik temmen li Ġeħova jħobbok, xi trid tagħmel?

6 Ibqaʼ itlob lil Ġeħova biex jgħinek tifhem għala jħobbok. (Luqa 18:1; Rum. 12:12) Jistaʼ jkun li jkollok titlob ħafna drabi fil-ġurnata biex jgħinek tara lilek innifsek bħalma jarak hu. Kultant tistaʼ tant tħoss li m’intix tajjeb biżżejjed li jkun diffiċli għalik temmen li Ġeħova jħobbok. Imma ftakar li hu ikbar minn qalbek. (1 Ġw. 3:​19, 20) Ġeħova jafek iżjed milli taf lilek innifsek u jara kwalitajiet tajbin li int ma tarax fik innifsek. (1 Sam. 16:7; 2 Kron. 6:30) Allura, “iftaħ qalbek miegħu” u itolbu jgħinek temmen li hu jħobbok. (Slm. 62:8) Imbagħad hu importanti li tagħmel l-affarijiet li ġejjin.

7-8. Is-Salmi kif jgħinuna nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna?

7 Emmen dak li jgħid Ġeħova. Hu ta l-ispirtu tiegħu lill-irġiel li kitbu l-Bibbja, allura dak li kitbu dwaru nistgħu nemmnuh. F’wieħed mis-Salmi, David uża kliem sabiħ ħafna biex jispjega kemm Ġeħova jimpurtah minna. Hu qal: “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; hu jsalva lil dawk li huma mdejqin.” (Slm. 34:18) Meta tħossok imdejjaq, forsi tħossok waħdek u li ħadd ma jistaʼ jifhmek. Imma Ġeħova jwiegħdek li fi żminijiet bħal dawn, se jkun hemm biex jgħinek għax jaf li vera għandek bżonnu. F’​Salm ieħor, David kiteb: “Jekk jogħġbok, erfaʼ d-dmugħ tiegħi fil-flixkun tiegħek tal-ġilda.” (Slm. 56:8) Ġeħova jara meta tkun qed tbati minħabba xi problema. Bħalma kull qatra t’ilma fi flixkun hi importanti għal xi ħadd li qed jimxi fid-deżert, id-dmugħ tiegħek hu importanti għal Ġeħova u hu jiftakar kull darba li tibki. F’​Salm 139:3 naqraw: “[Int, Ġeħova,] taf dak kollu li nagħmel.” Ġeħova jara kulma tagħmel, imma l-iktar li jinnota hu l-affarijiet tajbin. (Lhud 6:10) Għala? Għax hu japprezza dak kollu li tagħmel biex togħġbu.a

8 Ġeħova niżżel dawn il-versi fil-Bibbja għax iridna nkunu ċerti kemm iħobbna u jimpurtah minna. Imma bħalma diġà rajna, Satana jridek temmen il-gidba li Ġeħova ma jħobbokx. Mela jekk kultant tibda tiddubita jekk Ġeħova jħobbokx, ieqaf ftit u saqsi lilek innifsek, ‘Lil min se nemmen? Lil Satana, “missier il-gidba,” jew lil Ġeħova, “l-Alla tal-verità”?’—Ġw. 8:44; Slm. 31:5.

9. Ġeħova xi jwiegħed lil dawk li jħobbuh? (Eżodu 20:​5, 6)

9 Aħseb kif Ġeħova jħossu dwar dawk li jħobbuh. Pereżempju, innota x’qal Ġeħova lil Mosè u lill-Iżraelin. (Aqra Eżodu 20:​5, 6.) Ġeħova wiegħed li se juri mħabba u lealtà maʼ dawk li jħobbuh. Minn dan il-kliem nistgħu nkunu ċerti li peress li Ġeħova hu leali, mhux se jinjora l-imħabba taʼ xi ħadd li jaqdih. (Neħ. 1:5) Mela jekk kultant tibda taħseb li Ġeħova ma jħobbokx, ieqaf u saqsi lilek innifsek, ‘Jien inħobbu lil Ġeħova?’ Jekk iva u qed tagħmel li tistaʼ biex togħġbu, tistaʼ tkun ċert li anki hu jħobbok ħafna. (Dan. 9:4; 1 Kor. 8:3) Dan ifisser li jekk int konvint li tħobb lil Ġeħova, m’għandekx għalfejn tiddubita jekk iħobbokx.

10-11. Ġeħova kif jixtieqek tqis il-fidwa? (Galatin 2:20)

10 Immedita dwar il-fidwa. Is-sagrifiċċju tal-mewt taʼ Ġesù hu l-aqwa rigal li Ġeħova ta lin-nies. (Ġw. 3:16) Imma Ġeħova bagħat lil Ibnu biex imut għalik ukoll? Iva! Aħseb fuq dak li għadda minnu l-appostlu Pawlu. Qabel ma sar Kristjan, hu għamel xi affarijiet ħżiena ħafna u wara kellu jkompli jiġġieled kontra xi nuqqasijiet li kellu. (Rum. 7:​24, 25; 1 Tim. 1:​12-14) Imma hu sar konvint li r-rigal tal-fidwa mingħand Ġeħova kien rigal għalih ukoll. (Aqra Galatin 2:20.) Ftakar li Ġeħova uża lil Pawlu biex jikteb dan il-kliem fil-Bibbja u kulma hemm fiha qiegħed hemm biex nitgħallmu minnu. (Rum. 15:4) Dal-kliem jurina kif Ġeħova jixtieq li int tħossok dwar il-fidwa, jiġifieri li hi rigal persunali mingħandu. Meta tibda tqis il-fidwa b’dan il-mod, se ssir iktar konvint li Ġeħova jħobbok.

11 Aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli bagħat lil Ġesù biex imut għalina. Imma hemm raġuni oħra għala Ġesù ġie fuq l-art. Din hi biex jgħid lin-nies il-verità dwar Alla li tinkludi kemm Ġeħova jħobb lit-tfal tiegħu.—Ġw. 18:37.

ĠESÙ JGĦINNA NKUNU KONVINTI LI ĠEĦOVA JĦOBBNA

12. Għala nistgħu nemmnu dak li Ġesù qal dwar Ġeħova?

12 Meta Ġesù kien fuq l-art kien jieħu pjaċir jgħid lin-nies dwar il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. (Luqa 10:22) Aħna nistgħu nemmnu dak li qal dwar Ġeħova għax Ġesù għex miegħu fis-sema għal biljuni taʼ snin qabel ġie fuq l-art. (Kol. 1:15) Ġesù esperjenza l-imħabba taʼ Ġeħova. Hu ra kif missieru wera li jħobb l-anġli leali u l-qaddejja tiegħu fuq l-art. Ġesù kif jgħinna nkunu ċerti li Ġeħova jħobbna?

13. Ġesù kif jixtieqna naraw lil Ġeħova?

13 Ġesù jrid li aħna nkunu nafu kif Ġeħova jħossu dwarna. Fl-Evanġelji, hu rrefera għal Ġeħova bħala “Missier” iktar minn 160 darba. U meta tkellem mad-dixxipli tiegħu, uża kliem bħal “Missierkom tas-sema” jew “Missierkom.” (Mat. 5:16; Luqa 12:30) Qabel Ġesù ġie fuq l-art, il-qaddejja t’Alla kienu jindirizzaw lil Ġeħova b’titli bħal “Alla li Jistaʼ Kollox,” “l-Iktar Għoli,” u “Ħallieq Grandjuż.” Imma Ġesù rrefera għal Ġeħova bħala “Missierna.” Dan jurina li Ġeħova jixtieq li l-qaddejja tiegħu jħossuhom qrib tiegħu, bħalma tifel iħossu qrib taʼ missieru. Mela Ġesù għallimna b’mod ċar li Ġeħova jħobbna bħalma missier iħobb lit-tfal tiegħu. Ejja naraw żewġ okkażjonijiet meta Ġesù uża l-kelma “Missier” biex jitkellem dwar Ġeħova.

14. Ġesù kif wera li kull wieħed minna hu importanti għal Missierna tas-sema? (Mattew 10:​29-31) (Ara wkoll l-istampa.)

14 L-ewwel, se naraw x’qal Ġesù f’​Mattew 10:​29-31. (Aqra.) L-għasafar tal-bejt qatt mhu se jħobbu jew jaqdu lil Ġeħova. Imma Ġesù qal li Missierna jaf fejn qiegħed kull għasfur. Jekk Ġeħova jimpurtah daqshekk minn għasfur żgħir, mela kemm iktar jimpurtah minna li naqduh u nħobbuh! Ġesù qal ukoll: “Alla jaf anki kemm għandkom xagħar f’raskom.” La Ġeħova jaf anki dettalji żgħar daqshekk dwarna, tistaʼ kun ċert li hu jimpurtah ħafna minnek. Nistgħu naraw li Ġesù jridna nkunu ċerti li kull wieħed minna hu importanti għal Missierna tas-sema.

Ġesù qed jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli tiegħu lejn għasfur tal-bejt li nieżel fl-art. Id-dixxipli tiegħu huma attenti għal li qed jgħidilhom.

Jekk Ġeħova jimpurtah u jaf fejn qiegħed kull għasafar tal-bejt, mela kemm iktar jimpurtah minnek li tħobbu u taqdih! (Ara paragrafu 14)


15. Dak li qal Ġesù fi Ġwanni 6:44 x’jgħallmek dwar Ġeħova?

15 Ejja naraw eżempju ieħor meta Ġesù rrefera għal Ġeħova bħala “Missier.” (Aqra Ġwanni 6:44.) Missierek tas-sema għenek issir tafu u tħobbu billi ġibdek lejh. Għala? Għax hu ra li għandek attitudni tajba. (Atti 13:48) Jistaʼ jkun li fi Ġwanni 6:​44, Ġesù kien qed jirreferi għal dak li qal Ġeħova f’​Ġeremija 31:3: “Ġbidtek bil-qalb tajba bl-imħabba.” (Ġer. 31:3; ara l-prinċipju f’​Ħosea 11:4.) Aħseb dwar xi jfisser dan. Missierna tas-sema li jħobbok, dejjem jara l-kwalitajiet tajbin fik li inti ma tarax.

16. (a) Ġesù x’għallimna, u għala għandna nemmnuh? (b) X’se jgħinek tkun ċert li Ġeħova hu l-aqwa Missier għalik? (Ara l-kaxxa “Il-Missier li Lkoll Kemm Aħna Neħtieġu.”)

16 Meta Ġesù qal li Ġeħova hu Missierna, kien qed jgħid li Ġeħova mhux biss Missieru imma Missier kull wieħed minna wkoll. Ġesù jridek tkun ċert li Ġeħova jħobbok u jimpurtah ħafna minnek. Allura jekk kultant tiddubita jekk Ġeħova jħobbokx, ftakar f’dak li qal Ġesù u emmnu għax hu dejjem jgħid il-verità u hu l-iktar wieħed li jaf lil Ġeħova.—1 Pt. 2:22.

“Il-Missier li Lkoll Kemm Aħna Neħtieġu”

Dan il-kliem jidher fl-introduzzjoni tal-ktieb Ersaq Qrib Lejn Ġeħova. L-introduzzjoni tispjega x’inhu l-iskop taʼ dan il-ktieb. Din tgħid: “Se naraw kif Jehovah . . . hu l-Missier li lkoll kemm aħna neħtieġu. Peress li hu qawwi, ġust, għaref, u mimli mħabba, qatt ma jabbanduna lill-ulied leali tiegħu.”

Oħt li missierha trattaha ħażin ħafna tispjega kif dan il-ktieb għenha. Hi tgħid: “Il-ktieb għallimni li m’għandix għalfejn nibżaʼ meta nismaʼ l-kelma missier. Issa nifhem x’inhu missier tajjeb. Jien naf li Ġeħova jaċċettani bħala t-tifla tiegħu, u għalija hu Missieri.” Wara li qrat il-ktieb, oħt oħra qalet: “Ġeħova hu l-aqwa Missier li jistaʼ jkolli!”

Biex tkun iktar konvint li Ġeħova hu l-aqwa Missier li int jistaʼ jkollok, għax ma taqrax jew terġaʼ taqra dan il-ktieb?

AGĦMEL LI TISTAʼ BIEX TIBQAʼ KONVINT LI ĠEĦOVA JĦOBBOK

17. Għala rridu nkomplu nagħmlu li nistgħu biex nibqgħu konvinti li Ġeħova jħobbna?

17 Aħna rridu nkomplu nagħmlu li nistgħu biex nibqgħu konvinti li Ġeħova jħobbna. Bħalma rajna qabel, Satana wkoll qed jipprova jagħmel li jistaʼ biex iġegħelna nieqfu naqdu lil Ġeħova. Hu jrid jagħmilna tant dgħajfin li nibdew nemmnu li Ġeħova ma jħobbniex. Imma aħna m’għandniex nemmnu l-gideb taʼ Satana!—Ġob 27:5.

18. X’tistaʼ tagħmel biex tkompli tkun ċert li Ġeħova jħobbok?

18 F’dan l-artiklu rajna x’tistaʼ tagħmel biex tkun ċert li Ġeħova jħobbok. Tistaʼ titolbu biex jgħinek tifhem għala jħobbok u timmedita dwar versi li juru kemm Ġeħova jimpurtah minn dawk li jħobbuh. Ftakar li hu dejjem se jħobb lil xi ħadd li jħobbu u tinsiex li l-fidwa hi rigal għalik mingħand Ġeħova. Kun konvint li bħalma qal Ġesù, Ġeħova hu Missierek. Imbagħad jekk xi ħadd isaqsik: “Int ċert li Ġeħova jħobbok?” tkun tistaʼ twieġeb: “Iva! U jien nagħmel li nistaʼ kuljum biex nuri kemm inħobbu wkoll!”

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala hu importanti li nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna?

  • X’se jgħinna nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna?

  • Ġesù kif jgħinna nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna?

GĦANJA 154 Imħabba bla Tmiem

a Għal iktar skritturi inkuraġġanti li jgħinuk tkun ċert li Ġeħova jħobbok, ara s-suġġett “Dubji” fil-ktieb Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja