ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 38
GĦANJA 120 Imitaw il-ħlewwa taʼ Kristu
Uri Rispett lil Oħrajn
“Li tkun irrispettat hu aħjar milli jkollok il-fidda u d-deheb.”—PROV. 22:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Għala għandna nuru rispett lil oħrajn u kif nistgħu nagħmlu dan meta jkun diffiċli.
1. Għala nieħdu pjaċir meta oħrajn juru li jirrispettawna? (Proverbji 22:1)
TIEĦU pjaċir meta oħrajn juruk rispett? Żgur li iva. Kulħadd għandu bżonn iħossu rrispettat, u dan jagħmilna ferħanin. Għalhekk il-Bibbja tgħid: “Li tkun irrispettat hu aħjar milli jkollok il-fidda u d-deheb”!—Aqra Proverbji 22:1.
2-3. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex nuru li nirrispettaw lil oħrajn, u x’se naraw f’dan l-artiklu?
2 Mhux dejjem insibuha faċli biex nuru li nirrispettaw lil oħrajn. Raġuni waħda hi li mingħajr ma rridu, faċli naraw l-imperfezzjonijiet f’nies oħra. Raġuni oħra hi li llum ngħixu f’dinja mimlija nies li ma jurux rispett. Imma aħna għandna nkunu differenti. Għala? Għax Ġeħova jridna nuru li nirrispettaw “lil kull tip taʼ nies.”—1 Pt. 2:17.
3 F’dan l-artiklu se naraw xi jfisser li nirrispettaw lil oħrajn u kif nuru li nirrispettaw lil (1) tal-familja, (2) l-aħwa, u (3) nies li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova. Se niffokaw fuq kif nuru rispett meta jkun diffiċli.
XI JFISSER LI TIRRISPETTA LIL OĦRAJN?
4. X’jiġifieri li tirrispetta lil oħrajn?
4 X’inhu r-rispett? F’xi lingwi, il-kliem rispett u unur imorru flimkien. B’liema mod? Ir-rispett jirreferi għal kif inqisu lil oħrajn. Meta nirrispettaw lil oħrajn nuru li jixirqilhom l-attenzjoni tagħna, forsi minħabba l-kwalitajiet tagħhom, l-affarijiet li jagħmlu, jew x’responsabbiltajiet għandhom. Imma l-unur jirreferi għal kif nittrattaw lil oħrajn. Meta nonoraw lil oħrajn inkunu qed nuruhom id-dinjità, li napprezzawhom, u li għalina huma importanti. Fi kliem ieħor, inkunu qed nuruhom li nirrispettawhom. Imma biex nuru unur veru, dan irid jiġi mill-qalb.
5. X’se jgħinna nuru li nirrispettaw lil oħrajn?
5 Ġeħova jridna nuru li nirrispettaw lil oħrajn, bħal pereżempju “dawk li qegħdin fl-awtorità.” (Rum. 13:1, 7) Imma xi nies jirraġunaw, “Jien lest li nirrispetta lil oħrajn jekk ikun jixirqilhom.” Imma aħna għandna nirraġunaw b’dan il-mod? Le. Bħala qaddejja taʼ Ġeħova nifhmu li aħna m’għandniex nirrispettaw lil oħrajn minħabba dak li jagħmlu biss. Aħna nirrispettawhom għax hekk jixtieq Ġeħova u aħna nixtiequ nagħmluh ferħan.—Ġoż. 4:14; 1 Pt. 3:15.
6. Nistgħu nuru li nirrispettaw lil xi ħadd li ma jirrispettaniex? Spjega. (Ara wkoll l-istampa.)
6 Xi wħud jaħsbu, ‘Nistaʼ nuri li nirrispetta lil xi ħadd li ma jirrispettanix?’ Iva. Ejja naraw xi eżempji. Ir-Re Sawl irrabja mat-tifel tiegħu Ġonatan quddiem oħrajn. (1 Sam. 20:30-34) Imma Ġonatan xorta wera rispett lejn missieru billi ġġieled fil-battalji għalih sal-aħħar. (Eżo. 20:12; 2 Sam. 1:23) Il-Qassis il-Kbir Għeli akkuża lil Ħanna li kienet fis-sakra. (1 Sam. 1:12-14) Imma Ħanna xorta kellmitu b’rispett, avolja l-Iżraelin kollha kienu jafu li Għeli ma kienx jiddixxiplina lit-tfal tiegħu. (1 Sam. 1:15-18; 2:22-24) U xi rġiel f’Ateni għajru lil Pawlu billi qalu li kien “iparla fil-vojt.” (Atti 17:18) Imma hu xorta tkellem magħhom b’rispett. (Atti 17:22) Minn dawn l-eżempji nistgħu naraw li meta nkunu nħobbu ħafna lil Ġeħova u ma nkunux irridu nweġġgħuh, se nuru rispett lejn oħrajn anki meta jkun diffiċli. Ejja naraw lil min għandna nuru rispett u għala.
Avolja Sawl tkellem ma’ Ġonatan b’diżrispett, Ġonatan baqaʼ jirrispetta lil missieru, li kien re, u ġġieled għalih (Ara paragrafu 6)
URI LI TIRRISPETTA LIL TAL-FAMILJA
7. X’jistaʼ jagħmilhielna diffiċli biex nuru rispett fil-familja?
7 L-isfida. Aħna nqattgħu ħafna mill-ħin tagħna ma’ tal-familja. Allura nafu t-tajjeb u l-ħażin tagħhom. Xi wħud tal-familja jaf ibatu minn xi marda li tagħmilha diffiċli biex nieħdu ħsiebhom, jew jistaʼ jkun li jbatu minn ansjetà kbira. Oħrajn fil-familja jaf jgħidu jew jagħmlu affarijiet li jweġġgħuna. Suppost, meta nkunu d-dar ma’ tal-familja nħossuna komdi. Però, meta dawk fil-familja ma jurux rispett lejn xulxin jistaʼ jibda jkun hemm ir-rabja, u allura l-familja ma tkunx magħquda. Dan nistgħu nqabbluh mal-artrite. Meta xi ħadd ikun marid bl-artrite, ma jkunx jistaʼ jċaqlaq ġismu sew minħabba l-uġigħ. U bl-istess mod, jekk tal-familja ma jirrispettawx lil xulxin, tistaʼ tinħoloq sfida biex tkun magħquda. Però, għalkemm ma tistaʼ tagħmel xejn biex tneħħi l-artrite, huwa possibbli li tal-familja jitgħallmu jkollhom u juru rispett lejn xulxin.
8. Għala hu importanti li nuru rispett lejn dawk fil-familja? (1 Timotju 5:4, 8)
8 Għala għandek turi rispett? (Aqra 1 Timotju 5:4, 8.) Fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju, Pawlu spjega kif membri tal-familja għandhom jieħdu ħsieb xulxin. Hu wera li r-raġuni primarja għala għandna nagħmlu dan mhijiex għax taʼ bilfors imma għax irridu ‘naqdu lealment lil Alla.’ Dan ifisser li nuru rispett lejn tal-familja għax inħobbu lil Ġeħova u għax dan hu parti mill-qima tagħna lejh. Ġeħova kien il-wieħed li għamel l-arranġament tal-familja. (Efes. 3:14, 15) B’hekk, meta nuru rispett lejn dawk tal-familja nkunu qed nuru rispett lejn Ġeħova, għax hu ħalaq il-familja. (Ara n-noti taʼ studju bl-Ingliż mal-1 Timotju 5:4.) Kemm hi raġuni importanti biex nuru rispett lejn dawk fil-familja tagħna!
9. Mara u raġel miżżewġin kif jistgħu juru li jirrispettaw lil xulxin? (Ara wkoll l-istampi.)
9 Kif għandek turi rispett. Raġel li jonora lil martu juri li hi prezzjuża għalih kemm meta jkunu waħedhom u kemm meta jkunu man-nies. (Prov. 31:28; 1 Pt. 3:7) Hu qatt m’għandu jsawwatha, iġegħelha tistħi quddiem in-nies, jew iġegħelha tħossha li mhix importanti. Ħu li jgħix l-Arġentina qal: “Minħabba l-marda li għandha, il-mara ġieli tgħidli affarijiet li jweġġgħuni. Meta tagħmel hekk, nipprova nżomm f’moħħi li dak li tkun qalet mhuwiex vera kif tħossha dwari. U meta s-sitwazzjoni tisħon, niftakar fl-1 Korintin 13:5 li jgħinni biex inkellimha b’rispett u ma nirrabjax magħha.” (Prov. 19:11) Mara tonora lir-raġel tagħha billi meta titkellem ma’ oħrajn dwaru titkellem b’mod li turi li tirrispettah. (Efes. 5:33) Hi ma tkellmux b’sarkażmu, twaqqgħu għaċ-ċajt, jew tgħajru. Mara miżżewġa tifhem li dawn l-affarijiet huma bħal sadid li jagħmlu ħsara kbira fiż-żwieġ. (Prov. 14:1) Oħt fl-Italja, li r-raġel tagħha jbati mill-ansjetà, qalet: “Ġieli nħoss li r-raġel tiegħi jinkwieta żżejjed. Fil-passat, taʼ spiss, dak li kont ngħid u l-mossi taʼ wiċċi kienu juru li kien qed idejjaqni. Imma li nkun m’aħwa li jitkellmu dwar oħrajn b’rispett vera jgħinni u nħossni mmotivata biex nuri iktar rispett lejn ir-raġel tiegħi.”
Meta nuru li nirrispettaw lil tal-familja, inkunu qed nonoraw il-wieħed li għamel l-arranġament tal-familja, Ġeħova (Ara paragrafu 9)
10. It-tfal kif jistgħu dejjem juru li jirrispettaw lill-ġenituri tagħhom?
10 Tfal u żgħażagħ, obdu r-regoli li jagħmlu l-ġenituri tagħkom. (Efes. 6:1-3) Uruhom li tirrispettawhom bil-mod kif tkellmuhom. (Eżo. 21:17) Meta jibdew jikbru, uruhom rispett billi tgħinuhom u agħmlu li tistgħu biex tieħdu ħsiebhom. Ara l-eżempju taʼ María,a li missierha mhuwiex Xhud taʼ Ġeħova. Meta marad, beda jagħmilhielha diffiċli biex tieħu ħsiebu għax kien jittrattaha ħażin. Hi tgħid: “Jien mhux biss tlabt lil Ġeħova biex jgħinni nħoss li rrid nirrispetta lil missieri, imma anki biex nurih li nirrispettah. Bdejt naħseb li jekk Ġeħova qed jgħidli biex nonora lill-ġenituri tiegħi, żgur se jgħinni biex nobdih. Maż-żmien fhimt li rrid nirrispetta lil missieri anki jekk hu ma jinbidilx.” Meta nonoraw lil oħrajn fil-familja, anki meta jkun diffiċli, inkunu qed nuru rispett lejn Ġeħova, il-wieħed li għamel l-arranġament tal-familja.
URI LI TIRRISPETTA LILL-AĦWA
11. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex nuru li nirrispettaw lill-aħwa?
11 L-isfida. L-aħwa jipprovaw jgħixu skont dak li nitgħallmu mill-Bibbja. Imma xorta kultant jittrattawna ħażin, jiġġudikawna, jew idejquna. Jekk xi ħu jtina raġuni biex ‘ingergru’ kontrih, nistgħu nsibuha diffiċli biex nirrispettawh. (Kol. 3:13) X’jistaʼ jgħinna biex nibqgħu nuruh rispett?
12. Għala hu importanti li nuru li nirrispettaw lill-aħwa? (2 Pietru 2:9-12)
12 Għala għandek turi rispett? (Aqra 2 Pietru 2:9-12.) Fit-tieni ittra tiegħu, Pietru kiteb li kien hemm xi aħwa li kienu qed jitkellmu b’diżrispett kontra “l-uħud glorjużi,” jiġifieri l-anzjani. L-anġli leali li raw x’għamlu u x’qalu dawn l-aħwa kif irreaġixxew? “Minħabba li jirrispettaw lil Ġeħova,” huma ma qalu xejn kontrihom. Din hi xi ħaġa vera interessanti! L-anġli perfetti għamlu ċert li ma jakkużawx lil dawn l-irġiel arroganti. Minflok, ħallew f’idejn Ġeħova biex jiġġudikahom hu. (Rum. 14:10-12; ara l-prinċipju f’Ġuda 9.) Aħna nistgħu nitgħallmu xi ħaġa mill-anġli. Jekk għandna nittrattaw lill-għedewwa taʼ Ġeħova b’rispett, kemm iktar għandna nuru rispett lejn l-aħwa li jħobbu lil Ġeħova! Aħna għandna nkunu “minn taʼ quddiem” biex nirrispettaw lill-aħwa. (Rum. 12:10) Meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru li nirrispettaw lil Ġeħova.
13-14. B’liema modi nistgħu nuru li nirrispettaw l-aħwa fil-kongregazzjoni? (Ara wkoll l-istampi.)
13 Kif għandek turi rispett. Anzjani, dejjem għallmu lil oħrajn bi mħabba. (Flm. 8, 9) Jekk ikollkom bżonn tagħtu parir lil xi ħadd, tkellmu miegħu b’qalb tajba u mhux meta tkunu frustrati. Aħwa nisa, intom tistgħu tgħinu biex l-aħwa jirrispettaw lil xulxin billi ma timmalafamawx lil oħrajn jew titkellmu negattiv dwar xi ħadd. (Titu 2:3-5) L-aħwa kollha fil-kongregazzjoni jistgħu juru li jirrispettaw l-anzjani billi jaħdmu magħhom u jirringrazzjawhom għax-xogħol iebes li jagħmlu biex jorganizzaw il-laqgħat, ix-xogħol tal-ippritkar, u biex jgħinu lil uħud li jkun għamlu “pass falz.”—Gal. 6:1; 1 Tim. 5:17.
14 Oħt jisimha Rose sabitha diffiċli biex tirrispetta anzjan li taha parir. Hi tgħid: “Jien kont iddiżappuntata għax ħassejt li ma kienx kellimni b’qalb tajba. Id-dar kont nitkellem negattiv dwaru. Ippruvajt ma nurix, imma ħassejt li hu mhux vera ried jgħinni u tajtx kas il-parir tiegħu.” X’għen lil Rose? Hi tgħid: “Fil-qari tal-Bibbja tiegħi qrajt l-1 Tessalonikin 5:12, 13. Jien indunajt li ma kontx qed nirrispetta lill-ħu, u b’hekk il-kuxjenza bdiet tniggiżni. Tlabt lil Ġeħova u għamilt riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna ħalli nsib informazzjoni biex tgħinni nbiddel l-attitudni tiegħi. Dan għenni nifhem li l-problema ma kinitx il-ħu imma li jien kont kburija. Issa naf li biex nirrispetta lil oħrajn irrid inkun umli. Xorta għadni qed naħdem iebes biex nirrispetta lil oħrajn, imma ċerta li Ġeħova hu ferħan bl-isforzi li qed nagħmel.”
L-aħwa kollha fil-kongregazzjoni jistgħu juru li jirrispettaw l-anzjani billi jaħdmu magħhom u jirringrazzjawhom għax-xogħol iebes li jagħmlu (Ara paragrafi 13-14)
URI LI TIRRISPETTA LIL DAWK LI MHUMIEX XHIEDA
15. Għala jistaʼ jkun diffiċli biex nuru li nirrispettaw nies li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova?
15 L-isfida. Meta nkunu service, niltaqgħu ma’ ħafna nies li ma jimpurtahomx minn Alla u l-Bibbja. (Efes. 4:18) Xi nies ma jkunux iridu jisimgħu l-messaġġ tal-Bibbja minħabba dak li jkunu tgħallmu meta kienu żgħar. Fuq ix-xogħol u l-iskola niltaqgħu ma’ nies li huma arroganti, u jistaʼ jkollna l-imgħallem jew xi għalliem li ma japprezzax ix-xogħol li nagħmlu. Maż-żmien forsi ma nibqgħux nirrispettawhom kemm suppost u ma nibqgħux nuruhom qalb tajba.
16. Għala hu importanti li nuru rispett lejn dawk li għadhom ma sarux jafu lil Ġeħova? (1 Pietru 2:12; 3:15)
16 Għala għandek turi rispett? Ftakar li Ġeħova jagħti kas kif nittrattaw lin-nies li għadhom ma sarux jafuh. L-appostlu Pietru fakkar lill-Kristjani li t-tajjeb li nagħmlu jistaʼ jġiegħel lil oħrajn “jigglorifikaw lil Alla.” Hu għalhekk qalilhom biex jispjegaw dak li jemmnu “bil-ħlewwa u b’rispett kbir.” (Aqra 1 Pietru 2:12; 3:15.) Kemm jekk Kristjan ikollu jispjega dak li jemmen lil xi mħallef u kemm jekk lil xi ħadd ieħor, dejjem għandu jagħmel dan b’rispett. Wara kollox, Ġeħova qed jara u jismaʼ dak li ngħidu u kif qed ngħiduh. Kemm hi raġuni importanti biex nuru rispett lejn dawk li mhumiex Xhieda!
17. Kif nistgħu nuru li nirrispettaw lil dawk li mhumiex Xhieda?
17 Kif għandek turi rispett. Meta nkunu qed nippritkaw irridu noqogħdu attenti li qatt ma nġiegħlu lin-nies iħossu li aħna aħjar minnhom peress li jafu ftit jew xejn dwar il-Bibbja. Minflok, irridu niftakru li huma prezzjużi għal Alla u nikkunsidrawhom aħjar minna. (Ħag. 2:7; Flp. 2:3) Jekk xi ħadd jgħajjarna b’dak li nemmnu, m’għandniex ngħajruh lura jew ngħidu xi ħaġa li biha nieħdu r-raġun imma nġegħluh jirrabja. (1 Pt. 2:23) Jekk tgħid xi ħaġa li jiddispjaċik li għedtha, itlob skuża mill-ewwel. Kif tistaʼ turi rispett lejn dawk li taħdem magħhom? Kun ħaddiem bieżel u pprova ara t-tajjeb fin-nies li taħdem magħhom u li taħdem għalihom. (Titu 2:9, 10) Veru li meta tkun onest u tagħmel xogħlok sew u mill-qalb jistaʼ jkun li ma togħġobx lin-nies kollha, imma żgur tkun qed togħġob lil Ġeħova!—Kol. 3:22, 23.
18. Għala hu tajjeb li nuru li nirrispettaw lil oħrajn?
18 Kemm għandna raġunijiet tajbin biex nuru li nirrispettaw lil oħrajn! Rajna li meta nuru li nirrispettaw lil tal-familja, inkunu qed nonoraw il-wieħed li għamel l-arranġament tal-familja, Ġeħova. Meta nuru li nirrispettaw lill-aħwa fil-kongregazzjoni, inkunu qed nonoraw lil Missierna tas-sema. U meta nuru rispett lejn dawk li mhumiex Xhieda, inkunu qed ngħinuhom biex forsi anki huma xi darba jonoraw lil Ġeħova wkoll. Anki jekk xi nies ma jurux li jirrispettaw lilna, hu importanti li aħna nuru li nirrispettaw lilhom. Għala? Għax Ġeħova se jberikna. Hu wegħedna: “Se nonora lil dawk li jonorawni.”—1 Sam. 2:30.
GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu
a Xi ismijiet ġew mibdulin.