Tkun Int Minn taʼ Quddiem Biex Tonora lil Oħrajn?
“Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.”—RUM. 12:10.
1. X’m’għadux komuni f’ħafna partijiet tad-dinja?
F’XI partijiet tad-dinja hija drawwa li t-tfal żgħar jinżlu għarkopptejhom b’rispett biex jonoraw lill-adulti meta jkunu fil-kumpanija tagħhom. B’dan il-mod, ma jkunux jidhru itwal minn dawk li huma akbar minnhom. F’dawn il-komunitajiet, jitqies ukoll bħala diżrispett jekk tifel jew tifla tagħti daharha lil xi adult. Għalkemm f’diversi kulturi r-rispett jintwera b’modi differenti, dan il-wiri taʼ rispett ifakkarna fil-Liġi Mosajka. Din inkludiet il-kmand: “Quddiem ix-xagħar griż għandek tqum [b’rispett], u uri konsiderazzjoni lejn il-persuna taʼ raġel xiħ.” (Lev. 19:32) B’sogħba, f’ħafna postijiet m’għadux komuni li jintwera unur lil oħrajn. Fil-fatt, id-diżrispett huwa komuni llum.
2. Il-Kelma t’Alla lil min tgħidilna biex nonoraw?
2 Il-Kelma t’Alla tqisha bħala xi ħaġa prezzjuża ħafna li nonoraw lil oħrajn. Tgħidilna biex nonoraw lil Ġeħova u lil Ġesù. (Ġw. 5:23) Niġu kmandati wkoll biex nonoraw lill-membri tal-familja u lil sħabna fit-twemmin kif ukoll lil xi wħud barra l-kongregazzjoni. (Rum. 12:10; Efes. 6:1, 2; 1 Pt. 2:17) X’inhuma xi modi li bihom nuru li nonoraw lil Ġeħova? Kif nonoraw, jew nirrispettaw b’mod profond, lil ħutna Kristjani rġiel u nisa? Ejja nikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet u xi mistoqsijiet oħrajn relatati magħhom.
Onora lil Ġeħova u lil Ismu
3. Liema hu mod importanti wieħed kif nonoraw lil Ġeħova?
3 Mod importanti wieħed kif nonoraw lil Ġeħova hu billi nuru rispett xieraq lejn ismu. Wara kollox, aħna “poplu għal ismu.” (Atti 15:14) Huwa verament unur li nġorru l-isem taʼ Ġeħova, l-Alla li Jistaʼ Kollox. Il-profeta Mikea qal: “Il-popli kollha, min-naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna, min-naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.” (Mik. 4:5) Aħna “nimxu f’isem Ġeħova” billi nistinkaw biex ngħixu kull ġurnata b’tali mod li jirrifletti tajjeb fuq l-isem li nġorru. Bħalma Pawlu fakkar lill-Kristjani f’Ruma, jekk ma ngħixux fi qbil maʼ l-aħbar tajba li nippridkaw, l-isem t’Alla jiġi “mkasbar,” jiġifieri, inġibu fuqu fama ħażina.—Rum. 2:21-24.
4. Kif tqisu l-privileġġ li tagħti xiehda dwar Ġeħova?
4 Aħna nonoraw ukoll lil Ġeħova bix-xogħol tax-xandir tagħna. Fil-passat, Ġeħova stieden lill-membri tal-ġens taʼ Israel biex ikunu x-xhieda tiegħu, imma huma ma wettqux dan l-irwol. (Is. 43:1-12) Huma spiss taw daharhom lil Ġeħova u “weġġgħu lill-Qaddis taʼ Israel.” (Salm 78:40, 41) Eventwalment, il-ġens tilef il-favur taʼ Ġeħova kompletament. Iżda, illum aħna grati għall-privileġġ li nagħtu xiehda dwar Ġeħova u li ngħarrfu lil ismu. Nagħmlu hekk għaliex inħobbuh u nixxennqu li jitqaddes ismu. Kif nistgħu ma nippridkawx meta nafu l-verità dwar Missierna tas-sema u l-iskopijiet tiegħu? Inħossuna bħalma ħassu l-appostlu Pawlu meta qal: “Il-bżonn iġegħelni. Tassew, gwaj għalija jekk ma nxandarx l-aħbar tajba!”—1 Kor. 9:16.
5. Il-fidi f’Ġeħova kif inhi relatata maʼ li jkollna rispett lejh?
5 Is-salmista David stqarr: “Dawk li jafu ismek jafdaw fik, għax int żgur ma titlaqx lil dawk li jfittxuk, O Ġeħova.” (Salm 9:10) Jekk aħna verament nafu lil Ġeħova u nuru rispett lejn ismu minħabba dak li jirrappreżenta, se nafdaw fih sewwasew bħalma fdaw fih il-qaddejja leali tiegħu tal-qedem. Il-fatt li jkollna din il-fiduċja u l-fidi f’Ġeħova jerġaʼ hu mod ieħor kif nonorawh. Innota kif il-Kelma t’Alla tagħmel konnessjoni bejn li nafdaw f’Ġeħova u li nirrispettawh. Meta Israel tal-qedem naqas li jafda Fih, Ġeħova staqsa lil Mosè: “Kemm se jdumu dawn in-nies ma jurunix rispett, u kemm se jdumu jirrifjutaw li jpoġġu l-fidi fija minkejja s-sinjali kollha li wettaqt fosthom?” (Num. 14:11) Min-naħa l-oħra, rispett lejn Ġeħova jindika fidi fih. Billi nafdaw f’Ġeħova biex jipproteġina u jwiżinna saħansitra matul il-provi, aħna nuru li nirrispettawh.
6. Xi jqanqalna biex nuru rispett profond lejn Ġeħova?
6 Ġesù indika li r-rispett lejn Ġeħova jrid jiġi mill-qalb. Meta kellem lil dawk li l-qima tagħhom ma kinitx sinċiera, Ġesù kkwota lil Ġeħova bħala li qal: “Dan il-poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni.” (Mt. 15:8) Ir-rispett sinċier lejn Ġeħova jinbet minn imħabba mill-qalb lejh. (1 Ġw. 5:3) U aħna nżommu wkoll f’moħħna l-wegħda taʼ Ġeħova: “Dawk li jonorawni nonorahom.”—1 Sam. 2:30.
Dawk li Qed Imexxu Juru Rispett Lejn Oħrajn
7. (a) Aħwa li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà għala għandhom jonoraw lil dawk li tqiegħdu taħt il-ħarsien tagħhom? (b) Pawlu kif wera rispett lejn sħabu fit-twemmin?
7 L-appostlu Pawlu wissa lil sħabu fit-twemmin: “Kunu minn taʼ quddiem biex tonoraw lil xulxin.” (Rum. 12:10) Aħwa rġiel li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni għandhom jagħtu l-eżempju—‘ikunu minn taʼ quddiem’—f’li jonoraw lil dawk li tqiegħdu taħt il-ħarsien tagħhom. F’dan ir-rigward, dawk li għandhom responsabbiltajiet kbar jagħmlu sew li jsegwu l-eżempju li ta Pawlu. (Aqra l-1 Tessalonikin 2:7, 8.) L-aħwa rġiel fil-kongregazzjonijiet li żar Pawlu kienu jafu li qatt ma kien se jitlobhom jagħmlu affarijiet li hu stess ma kienx lest li jagħmilhom. Pawlu wera rispett lejn sħabu fit-twemmin, u mill-banda l-oħra hu kiseb ir-rispett tagħhom. Meta Pawlu qal: “Għaldaqstant nitlobkom bil-ħrara: imitaw lili,” nistgħu nkunu ċerti li ħafna wieġbu favorevolment minn jeddhom minħabba l-eżempju mill-aħjar li tahom.—1 Kor. 4:16.
8. (a) Liema hu mod importanti wieħed kif Ġesù wera rispett lejn id-dixxipli tiegħu? (b) Illum, l-indokraturi kif jistgħu jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù?
8 Mod ieħor kif ħu responsabbli juri rispett lejn dawk li tqiegħdu taħt il-ħarsien tiegħu hu billi jagħtihom raġunijiet għal dak li qed jitlob minnhom jew għad-direzzjonijiet li jagħtihom. Billi jagħmel hekk, hu jkun qed jimita lil Ġesù. Per eżempju, meta qal lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu għal iktar ħaddiema biex jintbagħtu fil-ħsad, Ġesù qalilhom għala. Hu qal: “Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-ħrara lil Sid il-ħsad biex jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu.” (Mt. 9:37, 38) Bl-istess mod, meta qal lid-dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu għassa,’ hu tahom raġuni. Hu qal: “Għax ma tafux f’liema jum ġej il-Mulej tagħkom.” (Mt. 24:42) Għal darba wara l-oħra, lid-dixxipli tiegħu, Ġesù ma qalilhomx biss x’għandhom jagħmlu imma wkoll għala għandhom jagħmluh. B’dan il-mod, hu wriehom rispett u dinjità. X’eżempju mill-aħjar biex isegwuh l-indokraturi Kristjani!
Irrispetta l-Kongregazzjoni taʼ Ġeħova u d-Direzzjoni Tagħha
9. Lil min nonoraw ukoll meta nuru rispett lejn il-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja u lejn ir-rappreżentanti tagħha? Spjega.
9 Biex nonoraw lil Ġeħova għandna bżonn ukoll nonoraw il-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja, flimkien mar-rappreżentanti tagħha. Meta nagħtu kas il-pariri Skritturali li jiġu mill-klassi taʼ l-ilsir leali, aħna nkunu qed nuru rispett lejn l-arranġament taʼ Ġeħova. Fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu, l-appostlu Ġwanni ra li kellu bżonn jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu lejn dawk li wrew nuqqas taʼ rispett lejn uħud maħturin. (Aqra t-3 Ġwanni 9-11.) Il-kliem taʼ Ġwanni juri li ma kienx hemm biss nuqqas taʼ rispett lejn l-indokraturi individwali imma wkoll lejn it-tagħlim u d-direzzjoni tagħhom. B’ferħ, il-biċċa l-kbira mill-Kristjani ma kinux hekk. Waqt li l-appostli kienu ħajjin, il-fratellanza in ġenerali b’mod evidenti wriet rispett profond lejn dawk li kienu qed imexxu.—Flp. 2:12.
10, 11. Spjega mill-Iskrittura għala hu xieraq li xi wħud jingħataw awtorità fil-kongregazzjoni Kristjana.
10 Xi wħud irraġunaw li ladarba Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu “intom ilkoll aħwa,” m’għandux ikun hemm pożizzjonijiet t’awtorità fil-kongregazzjoni Kristjana. (Mt. 23:8) Madankollu, kemm l-Iskrittura Ebrajka u kemm l-Iskrittura Griega fihom għadd t’eżempji taʼ rġiel li eżerċitaw l-awtorità mogħtija lilhom minn Alla. L-istorja tal-patrijarki, l-imħallfin, u s-slaten fost l-Ebrej tal-qedem tipprovdi ħafna evidenza li Ġeħova jagħti direzzjoni permezz taʼ rappreżentanti umani. Meta n-nies m’onorawx b’mod xieraq lill-individwi maħturin, huma ġew dixxiplinati minn Ġeħova.—2 Slat. 1:2-17; 2:19, 23, 24.
11 Bl-istess mod, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu rrikonoxxew l-awtorità taʼ l-appostli. (Atti 2:42) Per eżempju, Pawlu ta direzzjoni lil ħutu. (1 Kor. 16:1; 1 Tess. 4:2) Minkejja dan, hu wkoll issottometta ruħu lejn dawk li kellhom l-awtorità fuqu. (Atti 15:22; Gal. 2:9, 10) Tabilħaqq, Pawlu kellu l-ħarsa xierqa lejn l-awtorità fil-kongregazzjoni Kristjana.
12. Liema lezzjoni li għandha żewġ aspetti rigward l-awtorità nistgħu nitgħallmu mill-eżempji Bibliċi?
12 Il-lezzjoni li nitgħallmu għandha żewġ aspetti. L-ewwel, huwa Skritturali li l-“ilsir leali u għaqli” permezz tal-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu jaħtar irġiel għal pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà, u xi rġiel jinħatru biex jeżerċitaw awtorità fuq irġiel maħturin oħrajn. (Mt. 24:45-47; 1 Pt. 5:1-3) It-tieni, ilkoll kemm aħna, inkluż l-irġiel maħturin, għandna nonoraw lil dawk li għandhom awtorità fuqna. Allura, x’inhuma xi modi prattiċi kif nistgħu nonoraw lil dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ indokrar fil-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja?
Nuru Rispett Lejn l-Indokraturi li Jivvjaġġaw
13. Illum, kif nistgħu nuru rispett lejn ir-rappreżentanti tal-kongregazzjoni Kristjana?
13 Pawlu stqarr: “Nitolbukom, aħwa, biex tistmaw lil dawk li qegħdin jaħdmu iebes fostkom u jippresiedu fuqkom fil-Mulej u jwissukom; u turuhom konsiderazzjoni kbira bl-imħabba għax-xogħol tagħhom. Żommu l-paċi bejnietkom.” (1 Tess. 5:12, 13) Żgur li l-indokraturi li jivvjaġġaw għandhom jingħaddu fost “dawk li qegħdin jaħdmu iebes.” Għalhekk, ejja nuruhom “konsiderazzjoni kbira.” Mod wieħed kif nagħmlu dan huwa billi nwieġbu b’qalbna kollha għall-pariri u l-inkuraġġiment tagħhom. Meta indokratur bħal dan jagħtina direzzjoni mingħand il-klassi taʼ l-ilsir leali, “l-għerf li ġej minn fuq” iqanqalna biex inkunu ‘lesti li nobdu.’—Ġak. 3:17.
14. Il-kongregazzjoni kif tagħti evidenza taʼ rispett mill-qalb lejn l-indokraturi li jivvjaġġaw, u xi jkun ir-riżultat?
14 Iżda, xi ngħidu jekk jgħidulna biex nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti minn dak li mdorrijin nagħmlu? Kultant, li nuru rispett jirrikjedi li niġġieldu kontra t-tendenza li noġġezzjonaw, “L-affarijiet ma nagħmluhomx hekk hawnhekk” jew, “Dan forsi jaħdem f’postijiet oħrajn imma mhux fil-kongregazzjoni tagħna.” Minflok, nistinkaw biex nobdu. Il-fatt li nżommu qrib f’moħħna li l-kongregazzjoni hi taʼ Ġeħova u li Ġesù hu l-Kap tagħha se jgħinna nagħmlu dan. Meta d-direzzjoni minn indokratur li jivvjaġġa tintlaqaʼ bil-ferħ u tiġi obduta mill-kongregazzjoni, ikun evidenti li hemm rispett mill-qalb. L-appostlu Pawlu faħħar lill-aħwa f’Korintu għall-ubbidjenza b’rispett li wrew lejn id-direzzjoni li ngħatat minn Titu, l-anzjan li kien qed iżurhom. (2 Kor. 7:13-16) Illum, nistgħu bl-istess mod inkunu ċerti li l-fatt li nkunu lesti li napplikaw il-gwida li nirċievu mingħand l-indokraturi li jivvjaġġaw jikkontribwixxi bil-kbir għall-ferħ li nesperjenzaw fix-xogħol taʼ l-ippridkar tagħna.—Aqra t-2 Korintin 13:11.
“Onoraw lil Kull Xorta taʼ Bnedmin”
15. X’inhuma xi modi li bihom nuru rispett lejn sħabna fit-twemmin?
15 Pawlu kiteb: “Tikkritikax bl-aħrax lil raġel xiħ. Għall-kuntrarju, wissih bħala missier, irġiel żgħażagħ bħala aħwa, nisa xjuħ bħala ommijiet, nisa żgħażagħ bħala aħwa bis-safa kollu. Onora lir-romol li huma romol tassew.” (1 Tim. 5:1-3) Iva, il-Kelma t’Alla twissina biex nonoraw lil kulħadd fil-kongregazzjoni Kristjana. Iżda, xi ngħidu jekk hemm differenza persunali bejnek u bejn ħuk jew oħtok? Iżommok lura dan milli twettaq l-obbligu tiegħek biex tirrispetta lil Kristjan sieħbek? Jew tistaʼ taġġusta l-attitudni tiegħek billi tirrikonoxxi l-kwalitajiet spiritwali taʼ dak il-qaddej t’Alla? Speċjalment dawk li għandhom l-awtorità għandhom dejjem iqisu lil ħuthom bir-rispett—qatt ma ‘jiddominaw fuq il-merħla.’ (1 Pt. 5:3) Tabilħaqq, fil-kongregazzjoni Kristjana, li hi identifikata mill-imħabba mill-qalb li teżisti fost il-membri tagħha, għandna għadd t’opportunitajiet biex nonoraw lil xulxin.—Aqra Ġwanni 13:34, 35.
16, 17. (a) Għala hu importanti li nirrispettaw mhux biss lil dawk li nippridkawlhom imma wkoll lil dawk li jopponuna? (b) Kif ‘nonoraw lil kull xorta taʼ bnedmin’?
16 Naturalment, aħna ma nurux rispett biss lejn dawk li huma parti mill-kongregazzjoni Kristjana. Pawlu kiteb lill-Kristjani taʼ żmienu: “Dment li għandna ż-żmien favorevoli għal dan, ħa nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd.” (Gal. 6:10) M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun taʼ sfida li napplikaw dan il-prinċipju jekk seħibna fuq ix-xogħol jew fl-iskola jittrattana ħażin. F’mumenti bħal dawn, jeħtieġ li niftakru l-kliem: “Titbaqbaqx minħabba dawk li jagħmlu l-ħażen.” (Salm 37:1) Il-fatt li napplikaw dan il-parir jgħinna nwieġbu bir-rispett saħansitra lil min jopponina. B’mod simili, meta nieħdu sehem fil-ministeru pubbliku, jekk inqisu lilna nfusna bl-umiltà nistgħu niġu megħjunin biex inwieġbu lil kulħadd “bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pt. 3:15) Anki d-dehra u l-ilbies tagħna jistgħu jindikaw li aħna nirrispettaw lil dawk li nippridkawlhom.
17 Tabilħaqq, kemm jekk qed nittrattaw maʼ sħabna fit-twemmin u kemm jekk maʼ dawk taʼ barra l-kongregazzjoni, aħna rridu nistinkaw biex napplikaw it-twissija: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin, ħobbu l-fratellanza kollha, ibżgħu minn Alla, onoraw lis-sultan.”—1 Pt. 2:17.
Kif Twieġeb?
Kif tistaʼ turi rispett xieraq lejn:
• Ġeħova?
• L-anzjani tal-kongregazzjoni u l-indokraturi li jivvjaġġaw?
• Kull membru tal-kongregazzjoni?
• Dawk li tippridkalhom?
[Stampa f’paġna 23]
Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu rrispettaw l-indokrar tal-ġemgħa li tiggverna
[Stampa f’paġna 24]
L-anzjani f’kull pajjiż jonoraw lill-indokraturi li jivvjaġġaw, li jinħatru mill-Ġemgħa li Tiggverna