LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Novembru pp. 2-7
  • Kif Tibqaʼ Ferħan Meta Tkun Qed Tikber

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tibqaʼ Ferħan Meta Tkun Qed Tikber
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA JISTAʼ JKUN DIFFIĊLI NIBQGĦU FERĦANIN HEKK KIF NIKBRU
  • KIF TIBQAʼ FERĦAN
  • KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU
  • Apprezza lill-Aħwa Kbar fl-Età
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Ġeħova Jieħu Ħsieb b’Mod Teneru l-Qaddejja Tiegħu Mdaħħlin fiż-Żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • X’Titgħallem mill-Aħħar Kliem li Qalu Xi Rġiel Leali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Novembru pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 44

GĦANJA 138 Sbuħija fix-xagħar griż

Kif Tibqaʼ Ferħan Meta Tkun Qed Tikber

“Meta jixjieħu se jibqgħu jagħtu l-frott.”—SLM. 92:14.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Għala hu importanti li wħud kbar fl-età jibqgħu ferħanin u kif jistgħu jagħmlu dan.

1-2. Ġeħova kif iħares lejn il-qaddejja leali tiegħu li kibru fl-età? (Salm 92:​12-14; ara wkoll l-istampa.)

F’XI PAJJIŻI n-nies jaħsbu li hu unur li jikbru fl-età, imma f’xi pajjiżi oħra n-nies jagħmlu minn kollox biex ma jidhrux li qed jikbru. Pereżempju, jekk jaraw xi xagħra bajda jaqilgħuha. Imma jippruvaw kemm jippruvaw, ma jistgħux iwaqqfu l-proċess taʼ li jikbru fl-età.

2 Ġeħova kif iħares lejn il-qaddejja leali tiegħu li kibru fl-età? (Prov. 16:31) Hu jqabbilhom maʼ siġar sbieħ. (Aqra Salm 92:​12-14.) Għala jagħmel sens li jqabbilhom maʼ siġar? Siġar li jkollhom ħafna snin spiss ikunu sbieħ ħafna għax ikollhom ħafna fjuri u weraq. Pereżempju, fil-Ġappun insibu waħda mill-isbaħ siġar li jeżistu u li jgħixu għal eluf taʼ snin jisimha Japanese cherry. Bħal dawn is-siġar maturi, qaddejja kbar fl-età taʼ Ġeħova huma sbieħ ħafna f’għajnejh. Ġeħova ma jarax ix-xagħar griż. Hu japprezza l-kwalitajiet sbieħ tagħhom. Huma qdewh għal ħafna snin u baqgħu leali lejh kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin.

Koppja anzjana bilqiegħda fuq bank fi ġnien, imdawrin b’siġar taċ-cherry blossom.

Siġra ssir isbaħ iktar ma jgħaddi ż-żmien, u bl-istess mod, l-aħwa kbar fl-età għandhom kwalitajiet sbieħ u huma prezzjużi għal Ġeħova u għalina (Ara paragrafu 2)


3. Agħti eżempju taʼ kif Ġeħova uża wħud kbar fl-età biex iwettaq l-iskop tiegħu.

3 Għal Ġeħova, persuna tibqaʼ importanti għalih avolja tikber fl-età.a Fil-fatt, Ġeħova spiss uża wħud kbar fl-età biex iwettaq l-iskop tiegħu. Pereżempju, Sara kienet kbira fl-età meta Ġeħova qalilha li se jkollha tifel, u li minn dan it-tifel kien se joħroġ poplu kbir u jiġi l-Messija. (Ġen. 17:​15-19) Mosè wkoll kien kbir fl-età meta Ġeħova bagħtu biex joħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu. (Eżo. 7:​6, 7) U l-appostlu Ġwanni kien xiħ meta Ġeħova użah biex jikteb ħames kotba tal-Bibbja.

4. Skont Proverbji 15:​15, x’jistaʼ jgħin lill-uħud kbar fl-età jissaportu d-diffikultajiet? (Ara wkoll l-istampa.)

4 Meta nibdew nikbru, ħafna drabi jkollna ħafna problemi taʼ saħħa u dan jagħmel il-ħajja diffiċli. Oħt bi tbissima qalet: “Ix-xjuħija mhix tajba għal min jaqtaʼ qalbu.” (Aqra Proverbji 15:15.) Ġeħova jistaʼ jgħinek tkun ferħanb minkejja d-diffikultajiet. F’dan l-artiklu se naraw x’jistgħu jagħmlu wħud kbar fl-età biex jibqgħu ferħanin. Se naraw ukoll kif l-aħwa tal-kongregazzjoni jistgħu jgħinu lil dawn l-uħud. Imma l-ewwel ejja niddiskutu għala jistaʼ jkun taʼ sfida li tibqaʼ ferħan int u tikber fl-età.

L-istess koppja tal-istampa taʼ qabel taħt siġra taċ-cherry blossom qed iżommu id xulxin u jitbissmu.

Jekk tinnota u tapprezza l-affarijiet tajbin kollha li Ġeħova qed jagħmel għalik, se tkun tistaʼ tibqaʼ ferħan avolja jkollok il-problemi (Ara paragrafu 4)


GĦALA JISTAʼ JKUN DIFFIĊLI NIBQGĦU FERĦANIN HEKK KIF NIKBRU

5. X’jistaʼ jġiegħel lil uħud kbar fl-età jħossuhom skuraġġiti?

5 X’jistaʼ jġiegħlek tħossok skuraġġit? Forsi tħossok imdejjaq għax m’għadekx tistaʼ tagħmel dak li kont tagħmel qabel. Forsi tixtieq li għadek żgħir mimli saħħa. (Ekk. 7:10) Pereżempju, oħt jisimha Ruby tgħid: “Anki biex nilbes sirt inbati u nsibha diffiċli għax ma nistax niċċaqlaq kif irrid. Anki biex imqar ngħolli sieqi biex nilbes il-kalzetti sirt insibha diffiċli. Idejja jnemnmu u kollha artrite, allura affarijiet żgħar vera nsibhom ibsin biex nagħmilhom.” U Harold, li qeda f’Betel, jgħid: “Ġieli vera nirrabja għax m’għadnix nistaʼ nagħmel kulma kont nieħu pjaċir nagħmel. Meta kont żgħir kont b’saħħti ħafna u kont nieħu pjaċir nilgħab il-baseball. Oħrajn li kont nilgħab magħhom kienu jgħidu: ‘Qassmu lil Harold għax dejjem jgħinna nirbħu.’ Imma issa naħseb lanqas inwaddab il-ballun ma nistaʼ.”

6. (a) X’inhuma xi raġunijiet oħra għala xi wħud kbar fl-età jistgħu jħossuhom skuraġġiti? (b) X’jistaʼ jgħin lil xi ħadd kbir fl-età jiddeċiedi għandux jibqaʼ jsuq jew le? (Ara l-artiklu f’din il-ħarġa bl-isem “Għandi Nieqaf Insuq?”)

6 Tistaʼ tħossok skuraġġit għax qed ikollok tiddependi minn oħrajn, speċjalment jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tagħmel ċerti affarijiet. Forsi għandek bżonn lil xi ħadd jieħu ħsiebek jew ma tistax tibqaʼ tgħix waħdek. Jew qed tħossok diżappuntat minħabba li saħħtek jew il-vista qed tbatti sal-punt li ma tistax toħroġ waħdek jew issuq. Dawn l-affarijiet żgur li jġegħluk tħossok imdejjaq ħafna. Ftakar, int prezzjuż għal Ġeħova u għal oħrajn, avolja forsi għandek bżonn min jgħinek, ma tistax tgħix waħdek, jew m’għadekx tistaʼ ssuq. Kun ċert li Ġeħova jifhem kif tħossok. Ġeħova jaf kemm tħobb lilu u lill-aħwa u dan li jagħmlek prezzjuż għalih.—1 Sam. 16:7.

7. X’jistaʼ jgħin lil dawk li jħossuhom imdejqin għax jaħsbu li mhux se jibqgħu ħajjin sa ma tiġi Armageddon?

7 Forsi tħossok imdejjaq għax taħseb li mhux se jirnexxilek tibqaʼ ħaj sa ma tiġi Armageddon. Jekk ġieli tħossok hekk, x’jistaʼ jgħinek? Ipprova ftakar li Ġeħova għandu raġuni għala hu paċenzjuż u għadu ma qeridx din is-sistema. (Isa. 30:18) Għala? Għax din il-paċenzja qed tagħti lil miljuni taʼ nies iċ-ċans biex isiru jafuh u jaqduh. (2 Pt. 3:9) Allura, meta tħossok imdejjaq, ipprova ftakar li hemm nies li jistgħu jibbenefikaw mill-paċenzja taʼ Ġeħova qabel jiġi t-tmiem. Forsi wħud minnhom ikunu minn tal-familja tiegħek!

8. Meta wħud kbar fl-età jkunu morda jew muġugħin x’jistaʼ jkun li jagħmlu?

8 Hi x’inhi l-età tagħna, meta nkunu ma nifilħux jew muġugħin hemm iktar ċans li ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li wara jiddispjaċina. (Ekk. 7:7; Ġak. 3:2) Pereżempju, meta Ġob kien qed ibati beda jgħid kliem “bla ħsieb.” (Ġob 6:​1-3) Dan jistaʼ jiġri wkoll lil uħud kbar fl-età. Forsi minħabba xi marda jew mediċina li jieħdu jgħidu jew jagħmlu affarijiet li kieku ma jagħmlux. Ovvjament, ħadd m’għandu juża l-età jew is-saħħa bħala skuża biex ma jurix qalb tajba jew dejjem jistenna affarijiet minn oħrajn. U jekk tinduna li weġġajt lil xi ħadd b’dak li għedt, għandek titlob skuża mill-ewwel.—Mat. 5:​23, 24.

KIF TIBQAʼ FERĦAN

Fergħa tas-siġra taċ-cherry blossom; stampi żgħar juru kif aħwa kbar fl-età jistgħu jibqgħu ferħanin. L-istess stampi jidhru maʼ paragrafi 9-13.

Kif tistaʼ tibqaʼ ferħan avolja tbati għax tkun qed tikber fl-età? (Ara paragrafi 9-13)


9. Għala għandek tħalli lil oħrajn jgħinuk? (Ara wkoll l-istampi.)

9 Ħalli lil oħrajn jgħinuk. (Gal. 6:2) Għall-ewwel jaf issibha diffiċli. Oħt jisimha Gretl tgħid: “Ġieli nsibha diffiċli nistaqsi lil oħrajn biex jgħinuni għax ninkwieta li qed inkun taʼ piż għalihom. Għadda ż-żmien biex ma nibqax naħsibha b’dan il-mod u b’umiltà nammetti li għandi bżonn l-għajnuna.” Meta tħalli lil oħrajn jgħinuk tkun qed tagħtihom l-opportunità li jesperjenzaw il-ferħ. (Atti 20:35) U int se tkun ferħan xħin tara kemm iħobbuk u jixtiequ jieħdu ħsiebek.

Oħt anzjana qed iżżomm maʼ oħt iżgħar huma u jagħmlu x-xirja.

(Ara paragrafu 9)


10. Għala għandek tiftakar tirringrazzja lil oħrajn? (Ara wkoll l-istampa.)

10 Irringrazzja lin-nies li jgħinuk. (Kol. 3:15; 1 Tes. 5:18) Aħna napprezzaw meta oħrajn jagħmlu affarijiet tajbin għalina. Imma jistaʼ jkun li ninsew ngħidulhom grazzi. Però, meta nitbissmu u ngħidu grazzi se ngħinu lil dawk li jgħinuna jħossuhom apprezzati. Leah, li tieħu ħsieb aħwa kbar fl-età f’Betel, tgħid: “Waħda mill-aħwa nisa li nieħu ħsieb tħallili noti żgħar biex tirringrazzjani. Ma jkunux twal imma jkunu minn qalbha. Jien vera nieħu pjaċir naqra x’tiktibli u nkun ferħana li nara li hi tapprezza dak li nagħmel magħha.”

Oħt kbira fl-età qed tikteb kartolina biex tirringrazzja lil xi ħadd.

(Ara paragrafu 10)


11. Kif tistaʼ tgħin lil oħrajn? (Ara wkoll l-istampa.)

11 Agħmel dak li tistaʼ biex tgħin lil oħrajn. Meta tuża l-ħin u l-enerġija tiegħek biex tgħin lil oħrajn, se tiffoka iktar fuqhom u inqas fuq il-problemi tiegħek. Proverbju Afrikan iqabbel lil nies kbar fl-età maʼ kotba li jgħinu lil oħrajn bit-tagħlim li fihom. Imma kotba li jibqgħu fuq l-ixkaffa ma jistgħux jgħallmu lin-nies. Bl-istess mod, nies iżgħar minnek jistgħu jitgħallmu minnek jekk taqsam magħhom dak li taf. Staqsihom mistoqsijiet u mbagħad ismagħhom ħalli ssir tafhom. Għidilhom kif Ġeħova għenek f’ħajtek u kif meta jobduh se jkunu ferħanin. Meta tagħmel dawn l-affarijiet, se tkun ferħan għax tkun qed tgħin u tinkuraġġixxi lil uħud iżgħar.—Slm. 71:18.

Ħu kbir fl-età qed jismaʼ sew lil ħu żagħżugħ li qed jiftaħ qalbu.

(Ara paragrafu 11)


12. Skont Isaija 46:​4, Ġeħova xi jwiegħed li se jagħmel għal uħud kbar fl-età? (Ara wkoll l-istampa.)

12 Itlob lil Ġeħova biex itik is-saħħa. Ġieli jaf tħossok għajjien jew dgħajjef u dan iġiegħlek tħossok skuraġġit. Imma ftakar li Ġeħova b’saħħtu ħafna. Il-Bibbja tgħid li hu “qatt ma jegħja jew ikun bla saħħa.” (Isa. 40:28) Allura, hu jistaʼ jagħtik is-saħħa kollha li għandek bżonn. (Isa. 40:​29-31) Fil-fatt, Ġeħova jwiegħed li se jgħinek. (Aqra Isaija 46:4.) U hu dejjem jagħmel dak li jwiegħed. (Ġoż. 23:14; Isa. 55:​10, 11) Meta titolbu u mbagħad tara kemm Ġeħova jħobbok u qed jgħinek b’mod personali, int se tkun ferħan.

Ħu kbir fl-età qed jitlob.

(Ara paragrafu 12)


13. Skont it-​2 Korintin 4:​16-18, xi rridu niftakru? (Ara wkoll l-istampa.)

13 Ftakar li mhux se tibqaʼ xiħ għal dejjem. Meta niftakru li s-sitwazzjoni hi temporanja jkun eħfef nissaportuha. Il-Bibbja taċċertana li x-xjuħija u l-mard se jispiċċaw. (Ġob 33:25; Isa. 33:24) Allura int tistaʼ tkun ferħan għax taf li fil-futur se terġaʼ tkun b’saħħtek u aħjar milli qatt kont. (Aqra 2 Korintin 4:​16-18.) Imma x’jistgħu jagħmlu oħrajn biex jgħinu?

Oħt kbira fl-età f’wheelchair qed taqra l-Bibbja. Hi qed timmaġina lilha nfisha fil-Ġenna tal-art meta tkun iżgħar u ma jkollhiex bżonn il-wheelchair.

(Ara paragrafu 13)


KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU

14. Għala hu importanti li żżur u ċċempel lill-aħwa kbar fl-età?

14 Żur u ċempel lill-aħwa kbar fl-età b’mod regolari. (Lhud 13:16) Dawn l-aħwa jħossuhom imdejqin għax ikunu ħafna ħin waħedhom. Ħu li ma jistax joħroġ mid-dar, jgħid: “Jien minn filgħodu sa filgħaxija ġewwa, allura nixbaʼ. Ġieli nħossni qisni ljun xiħ maqful f’gaġġa. Dan iġegħelni nħossni rrabjat u anzjuż.” Meta nżuru lill-aħwa kbar fl-età, nuruhom li huma importanti għalina u li nħobbuhom. Forsi lkoll kemm aħna ħsibna biex inċemplu jew immorru naraw lil xi ħu jew oħt u m’għamilnihiex. Aħna kollha għandna ħajja mgħaġġla. Allura x’jistaʼ jgħinna ‘nagħżlu l-iktar affarijiet importanti,’ bħal li nżuru lill-uħud kbar fl-età? (Flp. 1:10) Tistaʼ ssib t’għajnuna li tagħmel nota fil-kalendarju biex tiftakar tibgħat messaġġ jew iċċempel. Fl-iskeda tiegħek tistaʼ anki tagħmel il-ħin biex iżżurhom. Agħżel ġurnata meta se tmur biex ma tinsiex.

15. Uħud żgħar u wħud kbar x’jistgħu jagħmlu flimkien?

15 Jekk għadek żgħir forsi tgħid: “Fuq xiex se nitkellem, jew x’se nagħmel maʼ wħud kbar fl-età?” Imma toqgħodx tinkwieta. L-importanti hu li tkun ħabib tagħhom. (Prov. 17:17) Tkellem m’aħwa kbar fl-età qabel u wara l-laqgħa. Tistaʼ ssaqsihom x’inhu l-vers favorit tagħhom jew issaqsihom biex jgħidulek xi praspura li għamlu meta kienu għadhom żgħar. Tistaʼ anki tgħidilhom biex taraw il-JW Broadcasting® flimkien. Jew tistaʼ tgħinhom jagħmlu xi affarijiet li mhumiex kapaċi jagħmlu. Pereżempju, tistaʼ tara li l-mowbajl jew it-tablet tagħhom għandu l-aħħar updates. Jew li għandhom il-pubblikazzjonijiet aġġornati. Oħt jisimha Carol tgħid: “Mal-aħwa kbar fl-età offri li tagħmel affarijiet li tieħu pjaċir tagħmel. Għalkemm kbira fl-età xorta nieħu pjaċir ingawdi. Jien inħobb immur nixtri, niekol barra, u nieħu pjaċir inkun fil-ħolqien taʼ Ġeħova.” U oħt jisimha Maira tgħid: “Waħda mill-ħbieb tiegħi għandha 90 sena. Bejnietna hemm differenza taʼ 57 sena. Imma spiss ninsa li jien ħafna iżgħar minnha għax vera nieħu gost nidħaq u nara l-films magħha. U meta jkollna xi problema dejjem nieħdu l-parir taʼ xulxin.”

16. Għala jkun tajjeb li mmorru m’aħwa kbar fl-età meta jmorru għand it-tabib?

16 Mur magħhom għand it-tabib. Tistaʼ tmur twassalhom għal appuntament. Imma tistaʼ anki toqgħod magħhom biex tkun ċert li t-tobba u n-nurses jittrattawhom sew u jgħinuhom kif għandhom bżonn. (Isa. 1:17) Tistaʼ tgħinhom billi tieħu noti taʼ x’qed jgħid it-tabib. Oħt kbira fl-età jisimha Ruth tgħid: “Spiss meta mmur waħdi għand it-tabib ma jiħodnix bis-serjetà. Ġieli t-tobba jgħiduli: ‘M’għandek xejn. Qed timmaġina.’ Imma meta jiġi miegħi xi ħadd, it-tabib jittrattani ħafna aħjar. Jien nirringrazzjahom lill-aħwa li jieħdu l-ħin biex jiġu miegħi.”

17. B’liema modi tistaʼ tipprietka maʼ wħud kbar fl-età?

17 Ipprietka magħhom. Xi aħwa kbar fl-età ma jistgħux joħorġu fuq is-service minn dar għal dar. Allura forsi tistaʼ tistidinhom biex jiġu miegħek bit-trolley. Tistaʼ anki tara li jkollhom siġġu ħalli jpoġġu bilqiegħda ħdejn it-trolley. Jew tistaʼ toffri li tieħu lil xi ħu jew oħt kbira fl-età għal fuq studju jew forsi tara jekk tridx tmorru tagħmlu l-istudju għandha. Xi aħwa kbar fl-età jsibuha eħfef joħorġu service meta l-grupp tas-servizz jiltaqaʼ fid-dar tagħhom. Jekk dan hu l-każ, l-anzjani jistgħu jirranġaw biex jagħmlu l-grupp għandhom. Kulma nagħmlu biex nuru li nirrispettaw lil uħud kbar fl-età, Ġeħova japprezzah.—Prov. 3:27; Rum. 12:10.

18. X’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?

18 F’dan l-artiklu tgħallimna li Ġeħova jħobb lill-uħud kbar fl-età u huma importanti għalih. U l-aħwa kollha fil-kongregazzjoni jimitawh. Aħwa kbar fl-età, għalkemm għandkom ħafna problemi, Ġeħova se jgħinkom tibqgħu ferħanin. (Slm. 37:25) Kemm hu inkuraġġanti li tkunu tafu li fil-futur se tkunu iktar ferħanin minn qatt qabel. Imma xi ngħidu għal dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-familja li hu kbir fl-età, xi tfal, jew ħabib li hu marid. Kif jistgħu jibqgħu ferħanin? Fl-artiklu li jmiss se nwieġbu din il-mistoqsija.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Għala jistaʼ jkun diffiċli għall-aħwa kbar fl-età biex jibqgħu ferħanin?

  • L-aħwa kbar fl-età kif jistgħu jibqgħu ferħanin?

  • Kif nistgħu ngħinu lill-aħwa kbar fl-età tal-kongregazzjoni?

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

a Ara l-vidjow Uħud imdaħħlin fiż-żmien—Għandkom irwol importanti fuq jw.org u fuq JW Library®.

b ESPRESSJONI SPJEGATA: Aħna nistgħu nkunu vera ferħanin jekk ikollna ħbiberija mill-qrib maʼ Ġeħova. Hu se jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu u dan se jagħtina l-ferħ.—Gal. 5:22.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja