Numri
8 Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil Aron u għidlu, ‘Meta tixgħel is-sebaʼ lampi taʼ fuq il-gandlier, għandek tpoġġihom b’mod li jdawlu n-naħa taʼ quddiem il-gandlier.’” 3 Allura Aron xegħel il-lampi biex idawwal in-naħa taʼ quddiem il-gandlier, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 4 Hekk kien maħdum il-gandlier: Kien tad-deheb maħdum bil-martell; miz-zokk sal-petali tiegħu, kien maħdum bil-martell. Il-gandlier sar skont il-viżjoni li Ġeħova kien wera lil Mosè.
5 Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u qallu: 6 “Ħu l-Leviti minn fost l-Iżraelin, u naddafhom b’mod ċerimonjali. 7 Għandek tnaddafhom hekk: Roxx fuqhom ilma li jnaddaf id-dnub, u jridu jqaxxru s-suf taʼ ġisimhom kollu u xagħarhom bil-mus, jaħslu ħwejjiġhom, u jitnaddfu. 8 Imbagħad jieħdu barri żgħir* u l-offerta taċ-ċereali* taʼ dqiq fin imħallat biż-żejt li joffru miegħu, u int tieħu barri żgħir ieħor għal offerta għad-dnub. 9 U trid tippreżenta l-Leviti quddiem it-tinda tal-laqgħa u tiġbor lill-ġemgħa kollha tal-Iżraelin. 10 Meta tippreżenta l-Leviti quddiem Ġeħova, l-Iżraelin iridu jqiegħdu jdejhom fuq il-Leviti. 11 U Aron irid joffri* lil-Leviti quddiem Ġeħova bħala offerta li tiġi mxejra mingħand l-Iżraelin, u huma jagħmlu s-servizz taʼ Ġeħova.
12 “Imbagħad il-Leviti jqiegħdu jdejhom fuq l-irjus tal-barrin. Wieħed jiġi offrut bħala offerta għad-dnub u l-ieħor bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova biex issir tpattija għal-Leviti. 13 U qiegħed lil-Leviti quddiem Aron u t-tfal tiegħu. U Aron joffrihom* bħala offerta li tiġi mxejra lil Ġeħova. 14 U warrab lil-Leviti minn fost l-Iżraelin, u l-Leviti jsiru tiegħi. 15 Imbagħad, il-Leviti jidħlu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Dan hu l-mod kif għandek tnaddafhom u toffrihom* bħala offerta li tiġi mxejra. 16 Għax huma wħud mogħtijin lili minn fost l-Iżraelin. Jien se niħodhom għalija minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel* mill-Iżraelin. 17 Għax kull l-ewwel imwieled fost l-Iżraelin hu tiegħi, kemm bniedem u kemm annimal. Jien qaddisthom għalija dakinhar li qtilt lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu. 18 Jien se nieħu l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel mill-Iżraelin. 19 Nagħti l-Leviti lil Aron u lit-tfal tiegħu minn fost l-Iżraelin, biex jagħmlu s-servizz għan-nom tal-Iżraelin fit-tinda tal-laqgħa u biex jagħmlu tpattija għalihom. B’hekk ebda kastig ma jiġi fuq l-Iżraelin minħabba li jkunu resqu lejn il-post qaddis.”
20 Mosè, Aron, u l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin għamlu dak kollu li Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè dwar il-Leviti. 21 Għalhekk, il-Leviti tnaddfu b’mod ċerimonjali u ħaslu ħwejjiġhom, u wara Aron offriehom* bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. Imbagħad Aron għamel tpattija għalihom biex inaddafhom. 22 Minn dakinhar, il-Leviti daħlu biex jagħmlu s-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa quddiem Aron u t-tfal tiegħu. Sar eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè dwar il-Leviti.
23 Ġeħova issa kellem lil Mosè u qallu: 24 “Dan japplika għal-Leviti: L-irġiel minn 25 sena ’l fuq jingħaqdu mal-grupp li jaqdi fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 25 Imma meta jagħlqu 50 sena, jirtiraw mill-grupp tas-servizz u ma jaqdux iktar. 26 Huma jistgħu jgħinu lil ħuthom li qed jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet fit-tinda tal-laqgħa, imma m’għandhomx jagħtu servizz hemm. Hekk għandek tagħmel dwar il-Leviti u r-responsabbiltajiet tagħhom.”