Numri
18 Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: “Int, it-tfal tiegħek, u l-familja min-naħa taʼ missierek tbatu l-konsegwenzi għal kull regola tas-santwarju li tiksru, u int u t-tfal tiegħek tbatu l-konsegwenzi għal kull regola li tiksru li għandha x’taqsam max-xogħol tagħkom taʼ qassisin. 2 Ġib qrib lil ħutek tat-tribù taʼ Levi, it-tribù taʼ missirijietek, biex jingħaqdu miegħek u jagħtu servizz lilek u lit-tfal tiegħek quddiem it-tinda tat-Testimonjanza. 3 U jridu jagħmlu x-xogħol li tqabbadhom int u s-servizz kollu tat-tinda. Madankollu, ma jistgħux jersqu viċin l-għodod tal-post qaddis u lejn l-artal, sabiex la jmutu huma u lanqas intom. 4 Huma jgħinuk u jagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mat-tinda tal-laqgħa u s-servizz kollu tat-tinda, u ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jersaq lejkom. 5 Intom tridu tagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mal-post qaddis u l-artal, biex ma nkomplix nirrabja kontra l-poplu t’Iżrael. 6 Jien stess ħadt lil ħutek, il-Leviti, minn fost l-Iżraelin bħala rigal għalikom. Huma ngħataw lil Ġeħova biex jieħdu ħsieb is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 7 Int u t-tfal tiegħek responsabbli biex bħala qassisin tagħmlu d-dmirijiet tagħkom li għandhom x’jaqsmu mal-artal u maʼ dak li hemm wara l-purtiera,* u tridu tagħtu dan is-servizz. Jien tajtkom l-inkarigu taʼ qassisin bħala rigal, u kwalunkwe individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.”
8 Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “Jien stess inkarigajtek biex tieħu ħsieb il-kontribuzzjonijiet li jagħtuni. Jien tajt lilek u lit-tfal tiegħek sehem mill-affarijiet qaddisin kollha li jagħtu l-Iżraelin. Dan hu arranġament għal żmien twil. 9 Dan ikun tiegħek mill-offerti l-iktar qaddisa li jiġu maħruqin: kull offerta li jagħmlu, inkluż l-offerti taċ-ċereali,* l-offerti għad-dnub, u l-offerti għall-ħtija li jġibuli. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa għalik u għat-tfal tiegħek. 10 Għandek tieklu f’post mill-iktar qaddis. Jistaʼ jieklu kull raġel. Ikun xi ħaġa qaddisa għalik. 11 Anki r-rigali li jagħtu l-Iżraelin flimkien mal-offerti li jiġu mxejrin ikunu tiegħek. Tajthom lilek u lit-tfal tiegħek subien u bniet bħala arranġament għal żmien twil. Kull min hu nadif f’darek jistaʼ jikolhom.
12 “Jien nagħtik l-aħjar kollu taż-żejt, tal-inbid ġdid, u taċ-ċereali, jiġifieri l-ewwel prodott tagħhom, li huma jagħtu lil Ġeħova. 13 L-ewwel prodott minn kulma hemm f’arthom, li se jġibu lil Ġeħova, isir tiegħek. Kull min hu nadif f’darek jistaʼ jieklu.
14 “Kull ħaġa ddedikata* f’Iżrael għandha ssir tiegħek.
15 “Kull l-ewwel imwieled taʼ bniedem jew t’annimal li huma jippreżentaw lil Ġeħova, għandu jsir tiegħek. Madankollu, żgur li għandek tifdi* lill-ewwel imwieled tal-bniedem u tal-annimal mhux nadif. 16 Għandek tifdih bil-prezz tal-ħelsien meta jkollu xahar jew iktar, skont il-valur stmat taʼ ħames xwiekel* fidda, skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu 20 gera.* 17 Huwa biss l-ewwel ferħ tal-baqra, nagħġa, u mogħża li m’għandekx tifdi. Huma xi ħaġa qaddisa. Għandek troxx demmhom fuq l-artal, u x-xaħam tagħhom għandek taħarqu bħala offerta li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* lil Ġeħova. 18 U laħamhom għandu jsir tiegħek, bħalma jsiru tiegħek is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq il-leminija. 19 Il-kontribuzzjonijiet qaddisin kollha li l-Iżraelin jagħtu lil Ġeħova, tajthom lilek u lit-tfal tiegħek subien u bniet, bħala arranġament għal żmien twil. Dan hu patt għal dejjem* quddiem Ġeħova għalik u għal dawk li se jiġu minnek.”
20 Ġeħova kompla jgħid lil Aron: “Mhux se jkollok wirt f’arthom, u ma jkollok ebda sehem minnha fosthom. Jien is-sehem u l-wirt tiegħek f’nofs l-Iżraelin.
21 “Jien tajt lit-tfal taʼ Levi kull għaxra fil-100 tal-prodott f’Iżrael bħala wirt għas-servizz li qed jagħmlu, is-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 22 L-Iżraelin m’għandhomx jibqgħu jersqu lejn it-tinda tal-laqgħa, inkella jagħmlu dnub u jmutu. 23 Il-Leviti stess jagħmlu s-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u jkunu huma li jbatu l-konsegwenzi tal-iżbalji li jagħmel il-poplu kontra l-post qaddis. Huma m’għandhomx jieħdu wirt fost l-Iżraelin. Din hi liġi li tibqaʼ matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. 24 Għax bħala wirt jien tajt lil-Leviti l-għaxra fil-100 li jagħtu n-nies t’Iżrael lil Ġeħova. Huwa għalhekk li għedtilhom, ‘M’għandkomx tieħdu wirt f’nofs l-Iżraelin.’”
25 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 26 “Għid lil-Leviti, ‘Se tirċievu mingħand l-Iżraelin l-għaxra fil-100 li tajtkom mingħandhom bħala l-wirt tagħkom, u tridu tagħtu minnha għaxra fil-100 bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova. 27 U din tkun ikkunsidrata bħala l-kontribuzzjoni tagħkom, bħallikieku kienet miċ-ċereali, l-inbid, jew iż-żejt tagħkom. 28 B’dan il-mod, intom ukoll tagħtu kontribuzzjoni lil Ġeħova minn kull għaxra fil-100 li tirċievu mingħand l-Iżraelin, u minnhom tridu tagħtu lil Aron il-qassis il-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova. 29 Intom tagħtu kull tip taʼ kontribuzzjoni lil Ġeħova mill-aqwa nett tar-rigali kollha li tingħataw bħala xi ħaġa qaddisa.’
30 “U għidilhom, ‘Meta intom il-Leviti tagħtu l-aħjar minnhom, imbagħad il-kontribuzzjoni tiġi kkunsidrata bħallikieku kienet miċ-ċereali, l-inbid, jew iż-żejt tagħkom. 31 Intom u n-nies taʼ darkom tistgħu tieklu l-bqija ta’ dak li tirċievu mill-Iżraelin fi kwalunkwe post, għaliex hu l-ħlas tagħkom għas-servizz li tagħmlu fit-tinda tal-laqgħa. 32 Sakemm tagħtu l-aħjar minnhom, ma tagħmlux dnub f’dan, u m’għandkomx tiddiżonoraw l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin, għax inkella tmutu.’”