Ġożwè
20 Imbagħad Ġeħova qal lil Ġożwè: 2 “Għid lill-Iżraelin, ‘Agħżlu għalikom il-bliet tar-refuġju li kellimtkom dwarhom permezz taʼ Mosè, 3 biex jaħrab fihom dak li joqtol lil xi ħadd mhux apposta jew b’aċċident.* Dawn iservukom bħala refuġju minn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm. 4 Hu għandu jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet, jieqaf fid-daħla taʼ bieb il-belt, u jippreżenta l-każ tiegħu lill-anzjani* taʼ dik il-belt. Imbagħad huma għandhom jilqgħuh fil-belt, jagħtuh post, u jgħix magħhom. 5 Jekk dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm jiġri warajh, huma m’għandhomx jagħtuh lil dak li qatel, għax hu qatel lil xi ħadd b’aċċident* u ma kienx jobogħdu qabel. 6 Hu għandu jgħix f’dik il-belt sakemm jgħaddi ġuri quddiem il-ġemgħa, u meta jinstab innoċenti, għandu jibqaʼ hemm sakemm imut il-qassis il-kbir li jkollu l-kariga dak iż-żmien. Imbagħad dak li qatel jistaʼ jerġaʼ lura fil-belt li ħarab minnha u jmur id-dar tiegħu.’”
7 Għalhekk, bħala bliet tar-refuġju huma qaddsu* lil Kedes fil-Galilija fir-reġjun muntanjuż taʼ Naftali, lil Sikem fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm, u lil Kirjat-arba, jiġifieri Ħebron, fir-reġjun muntanjuż taʼ Ġuda. 8 Fir-reġjun tal-Ġordan, fil-Lvant taʼ Ġeriko, huma għażlu lil Beser fid-deżert fuq il-pjanura fl-għoli mit-territorju tat-tribù taʼ Ruben, lil Ramot f’Gilegħad mit-territorju tat-tribù taʼ Gad, u lil Golan fil-Basan mit-territorju tat-tribù taʼ Manasse.
9 Dawn kienu l-bliet li ntgħażlu għall-Iżraelin kollha u għar-residenti barranin li jgħixu fosthom, biex kull min ikun qatel lil xi ħadd mhux apposta jkun jistaʼ jaħrab hemmhekk. B’hekk, ma jinqatilx minn dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm qabel ma jgħaddi ġuri quddiem il-ġemgħa.