Ġożwè
21 Il-kapijiet tal-familji tal-Leviti issa resqu lejn Elegħażar il-qassis, Ġożwè bin Nun, u l-kapijiet tal-familji tat-tribujiet t’Iżrael, 2 u kellmuhom f’Silo fl-art taʼ Kangħan, u qalulhom: “Permezz taʼ Mosè, Ġeħova kkmanda li aħna ningħataw bliet biex ngħixu fihom, flimkien mal-art taʼ madwarhom għall-annimali tagħna.” 3 Għalhekk, skont il-kmand taʼ Ġeħova, l-Iżraelin taw lil-Leviti dawn il-bliet u l-art taʼ madwarhom minn wirthom.
4 Ix-xorti telgħet għall-familji tal-Keħatin, u l-Leviti li kienu jiġu minn Aron il-qassis ingħataw bix-xorti 13-il belt mit-tribù taʼ Ġuda, mit-tribù taʼ Simegħon, u mit-tribù taʼ Benjamin.
5 U għall-Keħatin li kien baqaʼ, tqassmu* għaxart ibliet mill-art tat-tribù t’Efrajm, tat-tribù taʼ Dan, u taʼ nofs it-tribù taʼ Manasse.
6 U għall-Gersonin, tqassmu 13-il belt mill-art tat-tribù taʼ Issakar, tat-tribù t’Aser, tat-tribù taʼ Naftali, u taʼ nofs it-tribù taʼ Manasse fil-Basan.
7 Għall-Merarin skont il-familji tagħhom, tqassmu 12-il belt mill-art tat-tribù taʼ Ruben, tat-tribù taʼ Gad, u tat-tribù taʼ Żebulun.
8 Wara li l-Iżraelin tellgħu x-xorti, huma taw lil-Leviti dawn il-bliet u l-art taʼ madwarhom għall-annimali, bħalma kien ikkmanda Ġeħova permezz taʼ Mosè.
9 Għalhekk, mit-tribù taʼ Ġuda u mit-tribù taʼ Simegħon, huma taw dawn il-bliet li jissemmew hawn taħt, 10 u ngħataw lit-tfal t’Aron mill-familji tal-Keħatin mil-Leviti, għax huma telgħu l-ewwel bix-xorti. 11 Huma tawhom Kirjat-arba (Arba kien missier Għanak), jiġifieri Ħebron, fir-reġjun muntanjuż taʼ Ġuda, u l-art taʼ madwarha għall-annimali. 12 Imma l-għelieqi tal-belt u l-irħula tagħha kienu tawhom lil Kaleb bin Ġefunne.
13 U lit-tfal t’Aron il-qassis tawhom Ħebron, jiġifieri l-belt tar-refuġju għal dak li joqtol. Tawhom ukoll Libna, 14 Ġattir, Estemogħa, 15 Ħolon, Debir, 16 Għajn, Ġutta, u Bet-xemex. B’kollox, disat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali mit-tribù taʼ Ġuda u taʼ Simegħon.
17 U mit-tribù taʼ Benjamin: Gibegħon, Geba, 18 Għanatot, u Għalmon. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
19 Il-bliet kollha li ngħataw lil dawk li jiġu minn Aron, il-qassisin, kienu 13-il belt bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
20 U l-familji tal-Keħatin li kien għad baqaʼ fost il-Leviti ngħataw bix-xorti bliet mill-art tat-tribù t’Efrajm. 21 Huma tawhom Sikem, jiġifieri l-belt tar-refuġju għal dak li joqtol, fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. Tawhom ukoll Geżer, 22 Kibsajim, u Bet-ħoron. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
23 U mit-tribù taʼ Dan: Elteke, Gibbeton, 24 Ajjalon, u Gat-rimmon. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
25 U minn nofs it-tribù taʼ Manasse: Tagħnak u Gat-rimmon. B’kollox, żewġt ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
26 Il-bqija tal-familji tal-Keħatin b’kollox irċivew għaxart ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
27 U minn nofs it-tribù taʼ Manasse, il-Gersonin mill-familji tal-Leviti rċivew Golan fil-Basan, jiġifieri l-belt tar-refuġju għal dak li joqtol, u wkoll Begħstera. B’kollox, żewġt ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
28 U mit-tribù taʼ Issakar: Kisjon, Daberat, 29 Ġarmut, u Għajn-gannim. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
30 U mit-tribù t’Aser: Misal, Għabdon, 31 Ħelkat, u Reħob. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
32 U mit-tribù taʼ Naftali: Kedes fil-Galilija, jiġifieri l-belt tar-refuġju għal dak li joqtol, u wkoll Ħammot-dor u Kartan. B’kollox, tlett ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
33 Il-bliet kollha tal-Gersonin skont il-familji tagħhom kienu 13-il belt bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
34 U l-familji tal-Merarin, il-bqija tal-Leviti, irċivew mit-tribù taʼ Żebulun: Ġoknegħam, Karta, 35 Dimna, u Naħalal. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
36 U mit-tribù taʼ Ruben: Beser, Ġaħas, 37 Kedemot, u Mefgħat. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
38 U mit-tribù taʼ Gad: Ramot f’Gilegħad, jiġifieri l-belt tar-refuġju għal dak li joqtol. Kif ukoll Maħanajm, 39 Ħesbon, u Ġagħżer. B’kollox, erbat ibliet bl-art taʼ madwarhom għall-annimali.
40 Il-bliet kollha li tqassmu lill-Merarin skont il-familji tagħhom, jiġifieri l-bqija mill-familji tal-Leviti, kienu 12-il belt.
41 Il-bliet kollha tal-Leviti f’nofs it-territorju tal-Iżraelin kienu 48 belt bl-art taʼ madwarhom għall-annimali. 42 Kull waħda minn dawn il-bliet kellha art madwarha għall-annimali—hekk kienu dawn il-bliet kollha.
43 Għalhekk, Ġeħova ta lill-Iżraelin l-art kollha li kien ħalef li jagħti lil missirijiethom, u ħaduha f’idejhom u ssetiljaw fiha. 44 Iktar minn hekk, Ġeħova ppermetta li jgħixu fil-paċi fl-art li tahom, bħalma kien ħalef lil missirijiethom, u ħadd mill-għedewwa tagħhom ma setaʼ jegħlibhom. Ġeħova tahom l-għedewwa kollha f’idejhom. 45 Ma kienx hemm wegħda* li ma seħħitx mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova għamel lill-poplu t’Iżrael, kollha seħħew.