Imħallfin
3 Ġeħova ħalla xi popli jibqgħu hemm sabiex jgħaddu minn prova lil dawk kollha f’Iżrael li ma kinux esperjenzaw xi waħda mill-gwerer taʼ Kangħan. 2 (Dan kien biex il-ġenerazzjonijiet tal-Iżraelin li ma kinux esperjenzaw il-gwerra, jiksbu l-esperjenza u jitgħallmu jiġġieldu.) 3 Dawn huma l-popli: il-ħames sidien tal-Filistin, il-Kangħanin kollha, is-Sidonin, u l-Ħiwwin li joqogħdu fuq il-Muntanja Libanu, mill-Muntanja Bagħal-ħermon sa Lebo-ħamat.* 4 Dawn il-popli tħallew hemm biex b’hekk l-Iżraelin juru jekk hux se jobdu l-kmandamenti li Ġeħova kien ta lil missirijiethom permezz taʼ Mosè. 5 Għalhekk, l-Iżraelin għexu fost il-Kangħanin, il-Ħittin, l-Amurrin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin. 6 L-Iżraelin kienu jiżżewġu lill-bniet taʼ dawn il-popli, u l-bniet tagħhom kienu jżewġuhom lis-subien taʼ dawn il-popli, u bdew jaqdu lil allathom.
7 Għalhekk, l-Iżraelin għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u nsew lil Ġeħova l-Alla tagħhom u kienu qed jaqdu lill-Bagħalim u l-arbli sagri.* 8 Għal dan, Ġeħova rrabja ħafna mal-Iżraelin, u hu tahom* f’idejn Kusan-risgħatajm ir-re tal-Mesopotamja.* L-Iżraelin qdew lil Kusan-risgħatajm għal tmien snin. 9 Meta l-Iżraelin għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, Ġeħova tahom salvatur biex jeħlishom: Għotnijel bin Kenaż, ħu Kaleb. Kenaż kien iżgħar minn Kaleb. 10 L-ispirtu taʼ Ġeħova ġie fuqu u hu sar l-imħallef t’Iżrael. Meta ħareġ għall-battalja, Ġeħova tah f’idu lil Kusan-risgħatajm ir-re tal-Mesopotamja,* u b’hekk rebaħ lil Kusan-risgħatajm. 11 Wara dan, l-art kienet fil-paċi* għal 40 sena. Imbagħad Għotnijel bin Kenaż miet.
12 U għal darb’oħra, l-Iżraelin bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Għalhekk, Ġeħova ħalla lil Għeglon ir-re taʼ Mowab jirbaħ lill-Iżraelin, għax għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. 13 Iktar minn hekk, hu ħa miegħu lill-Għammonin u l-Għamalekin. Huma attakkaw lil Iżrael u ħadu f’idejhom il-belt tas-siġar tal-palm. 14 L-Iżraelin qdew lil Għeglon ir-re taʼ Mowab għal 18-il sena. 15 Imbagħad l-Iżraelin għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, u Ġeħova tahom salvatur: Eħud bin Gera, Benjamini li kien xellugi. Maż-żmien, l-Iżraelin bagħtu permezz tiegħu t-taxxi li ried Għeglon ir-re taʼ Mowab. 16 Sadanittant, Eħud għamel xabla taqtaʼ ħafna twila kubitu* u rabatha taħt ħwejġu maʼ koxxtu l-leminija. 17 Hu mbagħad ta t-taxxi lil Għeglon ir-re taʼ Mowab. Issa Għeglon kien raġel oħxon ħafna.
18 Wara li Eħud tah it-taxxi, hu telaq man-nies li kienu ġarrewhom. 19 Imma kif wasal ħdejn l-istatwi mnaqqxin* f’Gilgal, hu dar lura u qal: “Għandi messaġġ sigriet għalik, re.” Għalhekk, ir-re qal: “Silenzju!” Għal dan, dawk kollha li kienu ħdejh ħarġu. 20 U Eħud mar ħdejh hekk kif kien bilqiegħda waħdu fil-kamra taʼ fuq tiegħu fejn kien hemm il-frisk. Imbagħad qallu: “Għandi messaġġ għalik mingħand Alla.” Għalhekk, hu qam minn fuq it-tron* tiegħu. 21 Imbagħad Eħud ħareġ ix-xabla minn maʼ koxxtu l-leminija b’idu x-xellugija u daħħalha b’ħeffa f’żaqq ir-re. 22 Ix-xabla daħlet bil-manku b’kollox, u x-xaħam ngħalaq fuqha, għax hu ma ġibidhiex lura minn ġo żaqqu, u ħareġ ħmieġu. 23 Eħud ħareġ u għalaq il-bibien tal-kamra taʼ fuq warajh u sakkarhom. 24 Wara li telaq, il-qaddejja marru lura u raw li l-bibien tal-kamra taʼ fuq kienu msakkrin. Għalhekk qalu: “X’aktarx qed jaqdi bżonnijietu* fil-kamra friska taʼ ġewwa.” 25 Wara ħafna ħin jistennew, ir-re xorta kien għadu ma fetaħx il-bibien tal-kamra, allura bdew jinkwetaw. Meta ħadu l-muftieħ u fetħu, raw lil sidhom mixħut fl-art mejjet!
26 Eħud ħarab waqt li huma kienu qed jistennew, għadda minn ħdejn l-istatwi mnaqqxin,* u wasal qawwi u sħiħ f’Segħira. 27 Meta wasal, hu daqq il-qarn fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. U l-Iżraelin niżlu miegħu minn hemm waqt li hu kien quddiemhom. 28 Imbagħad qalilhom: “Imxu warajja, għax Ġeħova ta f’idejkom lill-għedewwa tagħkom, il-Mowabin.” Għalhekk, marru warajh u ħadu f’idejhom l-ilmijiet baxxi tal-Ġordan biex ikollhom vantaġġ fuq il-Mowabin, u ma ħallew lil ħadd jaqsam. 29 F’dak iż-żmien qatlu madwar 10,000 Mowabi, ilkoll irġiel b’saħħithom u kuraġġużi. Lanqas wieħed ma ħarab. 30 Għalhekk, Iżrael għeleb lil Mowab dakinhar, u l-art kienet fil-paċi* għal 80 sena.
31 Warajh kien hemm Samgar bin Għanat, li qatel 600 raġel mill-Filistin b’niggieża tal-baqar. Hu wkoll salva lil Iżrael.