Imħallfin
21 Issa l-irġiel t’Iżrael kienu għamlu din il-ħalfa f’Mispa: “Ħadd minna mhu se jżewweġ lil bintu lil raġel minn Benjamin.” 2 Għaldaqstant, l-Iżraelin marru Betel, u qagħdu bilqiegħda hemmhekk quddiem l-Alla l-veru sa filgħaxija, u bkew biki kbir. 3 U bdew jgħidu: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, għala ġara dan f’Iżrael? Għala għandu jonqos tribù minn Iżrael illum?” 4 U l-għada, huma qamu kmieni u bnew artal hemmhekk biex joffru offerti tal-ħruq u offerti tal-paċi.
5 Imbagħad in-nies t’Iżrael qalu: “Min mit-tribujiet kollha t’Iżrael ma telax biex jiltaqaʼ quddiem Ġeħova?” Għax huma kienu għamlu ħalfa serja li żgur joqtlu lil min ma jitlax quddiem Ġeħova f’Mispa. 6 Allura n-nies t’Iżrael iddispjaċiehom għal dak li ġara lil ħuhom Benjamin. Huma qalu: “Illum tqaċċat tribù minn Iżrael. 7 X’se nagħmlu biex dawk li fadal ikollhom mara, issa li ħlifna lil Ġeħova li ma nżewġulhomx lill-bniet tagħna?”
8 Huma staqsew: “Min mit-tribujiet t’Iżrael ma telax quddiem Ġeħova f’Mispa?” U sabu li ħadd minn Ġabes-gilegħad ma kien mar fil-kampijiet fejn kien hemm il-kongregazzjoni. 9 Meta għoddew in-nies, indunaw li ma kien hemm ħadd min-nies taʼ Ġabes-gilegħad. 10 Għalhekk, il-ġemgħa bagħtet hemm 12,000 mill-iktar irġiel b’saħħithom u kkmandathom: “Morru u oqtlu n-nies taʼ Ġabes-gilegħad bix-xabla, anki lin-nisa u t-tfal. 11 Għandkom teqirdu lil kull raġel u mara, minbarra n-nisa verġni.” 12 Fost in-nies taʼ Ġabes-gilegħad sabu 400 tfajla verġni. Allura ħaduhom lejn il-kampijiet f’Silo, fl-art taʼ Kangħan.
13 Imbagħad, il-ġemgħa kollha wasslet messaġġ lill-Benjamini fuq il-blata taʼ Rimmon u offritilhom li jagħmlu paċi. 14 B’hekk, f’dak iż-żmien il-Benjamini marru lura lejn arthom u ngħataw in-nisa li kienu tħallew ħajjin minn Ġabes-gilegħad, imma ma kienx hemm biżżejjed. 15 U l-poplu ddispjaċieh minħabba dak li ġara lil Benjamin għax Ġeħova kien isseparah mit-tribujiet l-oħrajn t’Iżrael. 16 L-anzjani* tal-ġemgħa qalu: “X’għandna nagħmlu biex l-irġiel li fadal nagħtuhom mara, ladarba n-nisa kollha taʼ Benjamin ġew maqtulin?” 17 U komplew jgħidu: “Dawk li għadhom ħajjin minn Benjamin għandu jkollhom wirt, sabiex ma jinqeridx tribù minn Iżrael. 18 Imma aħna ma nistgħux nagħtuhom nisa mit-tfal tagħna, għax il-poplu t’Iżrael ħalef, ‘Misħut dak li jagħti mara lil Benjamin.’”
19 Imbagħad qalu: “Minn sena għal sena jkun hemm festa għal Ġeħova f’Silo, li hi fit-Tramuntana taʼ Betel, fil-Lvant tat-triq prinċipali li titlaʼ minn Betel għal Sikem, u fin-Nofsinhar taʼ Lebona.” 20 Għalhekk, huma kkmandaw lill-irġiel taʼ Benjamin: “Morru staħbew fl-għelieqi tad-dwieli. 21 U meta taraw it-tfajliet* taʼ Silo joħorġu jiżfnu,* kull wieħed minnkom għandu joħroġ mill-għelieqi tad-dwieli u jaħtaf mara mit-tfajliet taʼ Silo, u għandkom tmorru lura lejn l-art taʼ Benjamin. 22 U jekk missirijiethom jew ħuthom subien jiġu biex jipprotestaw kontrina, aħna ngħidulhom, ‘Ħennu għalina minħabba fihom, għax fil-gwerra aħna ma stajniex nieħdu mara għal kull wieħed minnhom u intom ma tistgħux tagħtuhom mara mingħajr ma tiksru l-ħalfa li għamiltu.’”
23 Għalhekk l-irġiel taʼ Benjamin għamlu preċiż hekk, u kull wieħed minnhom ħa mara min-nisa li kienu qed jiżfnu. Wara dan, marru lura lejn wirthom u reġgħu bnew il-bliet tagħhom u ssetiljaw fihom.
24 U f’dak iż-żmien l-Iżraelin inxterdu minn hemmhekk, kull wieħed lejn it-tribù u l-familja tiegħu, u telqu minn hemmhekk, kull wieħed lejn wirtu.
25 F’dawk il-jiem ma kienx hemm re f’Iżrael. Kull wieħed kien qed jagħmel skont ma jidhirlu li hu sewwa f’għajnejh.