It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
4 Meta Is-boset bin Sawl semaʼ li Abner kien miet f’Ħebron, qataʼ qalbu* u l-Iżraelin kollha tħawdu. 2 Kien hemm żewġt irġiel li jieħdu ħsieb il-gruppi taʼ ħallelin li kienu taʼ bin Sawl: wieħed kien jismu Bagħnah u l-ieħor Rekab. Dawn kienu t-tfal ta’ Rimmon il-Biroti, mit-tribù taʼ Benjamin. (Għax Birot ukoll kienet titqies parti minn Benjamin. 3 Il-Birotin ħarbu lejn Gittajm, u huma għadhom residenti barranin hemmhekk sal-lum.)
4 Issa Ġonatan bin Sawl kellu tifel jismu Mefiboset li kien izappap minn saqajh it-tnejn. Hu kellu ħames snin meta waslet l-aħbar minn Ġeżragħel li Sawl u Ġonatan mietu. Dik li kienet tieħu ħsiebu refgħetu u ħarbet, imma hi u taħrab ippanikjata, hu waqaʼ u baqaʼ jzappap.
5 It-tfal ta’ Rimmon il-Biroti, Rekab u Bagħnah, marru d-dar taʼ Is-boset fl-eqqel tas-sħana tal-jum, waqt ir-raqda tiegħu taʼ nofsinhar. 6 Huma daħlu fid-dar taparsi biex iġibu l-qamħ, u tawh daqqa taʼ xabla f’żaqqu u mbagħad ħarbu. 7 Meta kienu daħlu fid-dar, hu kien mimdud fuq is-sodda tiegħu fil-kamra tas-sodda, u huma qatluh u qatgħulu rasu. Imbagħad ħadu rasu u mxew il-lejl kollu fit-triq li tagħti għall-Għaraba. 8 U ħadu ras Is-boset lil David f’Ħebron u qalulu: “Hawn hi ras Is-boset bin Sawl, l-għadu tiegħek li pprova jiħodlok ħajtek. Sidi r-re, illum Ġeħova qed jagħtik il-vendetta fuq Sawl u dawk li jiġu minnu.”
9 Madankollu, David wieġeb lil Rekab u lil ħuh Bagħnah, it-tfal taʼ Rimmon il-Biroti, u qalilhom: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj, il-wieħed li ħelisni mid-diffikultajiet kollha, 10 li meta kien hemm wieħed li qalli li Sawl kien miet, u hu kien mingħalih li ġabli aħbar tajba, jien qtiltu f’Siklag. Dan kien il-premju li rċieva mingħandi! 11 Kemm iktar għandi nagħmel hekk meta nies mill-agħar qatlu raġel ġust f’daru stess fuq is-sodda tiegħu? M’għandix jien inżommkom responsabbli għal demmu u neqridkom?” 12 Imbagħad David ikkmanda liż-żgħażagħ biex joqtluhom. Dawn qatgħulhom idejhom u saqajhom u dendluhom ħdejn l-għadira f’Ħebron. Imma ras Is-boset ħaduha u difnuha fil-qabar t’Abner f’Ħebron.