It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
14 Issa Ġowab bin Seruja sar jaf li r-re xtaq ħafna jara lil Absalom. 2 Għalhekk, Ġowab bagħat iġib minn Tekogħa mara li jilħqilha, u qalilha: “Jekk jogħġbok, agħmel tabirruħek li qiegħda bil-vistu, ilbes ilbies tal-vistu, u tindilikx biż-żejt. Agħmilha taʼ mara li ilha bil-vistu għal żmien twil. 3 Imbagħad mur u għid lir-re dak li se ngħidlek.” U Ġowab qalilha x’għandha tgħid.*
4 Il-mara Tekogħija marret għand ir-re, inxteħtet wiċċha fl-art, u qaltlu: “Għinni re!” 5 Ir-re wiġibha: “X’ġara?” Qaltlu: “Jien armla; żewġi miet. 6 U jien, il-qaddejja tiegħek, kelli żewġt itfal, u bdew jiġġieldu bejniethom fl-għalqa. Ma kien hemm ħadd biex jifridhom, u wieħed attakka lill-ieħor u qatlu. 7 Issa l-familja kollha qamet kontrija, u qed jgħidu, ‘Agħtina lil dak li qatel lil ħuh, ħalli noqtluh u jpatti għall-ħajja taʼ ħuh, anki jekk dan ifisser li neqirdu l-werriet!’ Huma jridu joqtlu t-tifel li baqagħli. Hu l-aħħar tama tiegħi. Jekk jirnexxilhom, żewġi la jkollu isem u lanqas uħud li jiġu minnu fuq wiċċ l-art.”
8 Imbagħad ir-re qal lill-mara: “Mur lejn darek, u din il-kwistjoni nieħu ħsiebha jien.” 9 Għal dan, il-mara Tekogħija qalet lir-re: “Sidi r-re, ħa tkun il-ħtija fuqi u fuq dar missieri, u mhux fuq ir-re u t-tron tiegħu, li huma innoċenti.” 10 Imbagħad ir-re qal: “Jekk ikun hemm xi ħadd li jerġaʼ jkellmek dwar dan, ġibu għandi, u ma jdejqekx iktar.” 11 Imma hi qalet: “Jekk jogħġbok re, ftakar f’Ġeħova l-Alla tiegħek, biex dak li għandu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm ma jagħmilx ħsara billi jeqred lil ibni.” Għal dan qalilha: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li lanqas xagħra waħda taʼ ibnek ma taqaʼ fl-art.” 12 Il-mara issa qalet: “Jekk jogħġbok, ħallini ngħid xi ħaġa oħra, sidi r-re.” Għalhekk qalilha: “Tkellem!”
13 Il-mara qaltlu: “Sidi, allura għala ħsibt li tagħmel ħaġa bħal din kontra l-poplu t’Alla? B’dak li għedt, int sirt ħati, għax keċċejt lil ibnek u ma ġibtux lura. 14 Aħna żgur li mmutu u nkunu bħal ilma li jitferraʼ fl-art u li ma jistax jinġabar lura. Imma Alla mhux se jieħu l-ħajja taʼ xi ħadd, anzi jfittex raġunijiet biex iġib lura għandu lill-persuna li ġiet imkeċċija minn xi ħadd. 15 Jien ġejt ngħidlek dan, sidi r-re, għaliex in-nies beżżgħuni. Allura għedt, ‘Ħa nkellem lir-re. Għandu mnejn ir-re jaġixxi fuq dak li se nitolbu jien, l-ilsira tiegħu. 16 Ir-re forsi jismaʼ u jeħlisni minn idejn il-bniedem li qed jipprova jeqred lili u lill-uniku tifel li għandi mill-wirt li tana Alla.’ 17 Imbagħad jien għedt, ‘Jalla l-kelma taʼ sidi r-re tinkuraġġini,’ għax int taf tara d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin bħal anġlu tal-Alla l-veru. Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek ikun miegħek.”
18 Ir-re issa wiġibha: “Jekk jogħġbok, taħbili xejn minn dak li se nistaqsik dwaru.” Il-mara wiġbitu: “Għidli sidi r-re.” 19 Imbagħad ir-re staqsa: “Jaqaw Ġowab qabbdek tagħmel dan?” Hi wieġbet: “Iva. Daqskemm int ħaj,* sidi r-re, hekk ġara. Kien il-qaddej tiegħek Ġowab li qalli x’għandi nagħmel u ngħid.* 20 Il-qaddej tiegħek Ġowab għamel dan biex int tara l-kwistjoni b’mod differenti. Imma int sidi, għaref bħall-anġlu tal-Alla l-veru u taf b’kulma qed jiġri fl-art.”
21 Wara, ir-re qal lil Ġowab: “Tajjeb, se nagħmel kif qed tgħid. Mur ġib lura liż-żagħżugħ Absalom.” 22 Għal dan, Ġowab inxteħet wiċċu fl-art u faħħar lir-re. Hu qal: “Sidi r-re, illum naf li sibt il-ħniena f’għajnejk għaliex int aġixxejt fuq dak li tlabtek jien, il-qaddej tiegħek.” 23 Imbagħad Ġowab qam, mar il-Gesur, u ħa lil Absalom lejn Ġerusalemm. 24 Madankollu, ir-re qal: “Ħa jmur lura lejn daru, imma ma jistax jidher quddiemi.” Għalhekk, Absalom mar lura f’daru, u ma deherx quddiem ir-re.
25 Issa f’Iżrael kollu ma kienx hemm raġel ieħor li kien jiġi mfaħħar daqs Absalom għas-sbuħija tiegħu. Ma kellu ebda difett minn rasu sa saqajh. 26 Fi tmiem kull sena, hu kien iqaxxar xagħru għaliex kien ikun tqil ħafna għalih. Meta kien iqaxxru, xagħru kien jiżen 200 xekel* skont l-użin irjali.* 27 U Absalom kellu tliet subien u tifla jisimha Tamar. Din kienet mara sabiħa ħafna.
28 Absalom baqaʼ jgħix Ġerusalemm sentejn sħaħ, imma ma deherx quddiem ir-re. 29 Għalhekk, Absalom bagħat għal Ġowab biex jibagħtu għand ir-re, imma ma marx. Imbagħad bagħat għalih it-tieni darba, u xorta m’aċċettax li jmur. 30 Fl-aħħar, hu qal lill-qaddejja tiegħu: “L-għalqa taʼ Ġowab qiegħda ħdejn tiegħi, u fiha għandu xi xgħir.* Morru aħarquha.” Għalhekk, il-qaddejja t’Absalom ħarquha. 31 Għal dan, Ġowab mar id-dar t’Absalom u staqsieh: “Il-qaddejja tiegħek għala ħarquli l-għalqa?” 32 Absalom wieġbu: “Jien bgħatt għalik, imma int ma ġejtx. Jien ridt nibagħtek għand ir-re biex tgħidlu: ‘Għalfejn qgħadt niġi mill-Gesur? Kien ikun aħjar għalija li bqajt hemm. Issa ħallini nidher quddiemek re, u jekk jien ħati taʼ xi ħaġa, oqtolni.’”
33 Għalhekk, Ġowab daħal għand ir-re u qallu b’kollox. Wara, ir-re għajjat lil Absalom, u dan daħal għandu u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu. Imbagħad ir-re bies lil Absalom.