L-Ewwel Ktieb tas-Slaten
1 Issa r-Re David kien xjaħ sew, u għalkemm kienu jgħattuh bil-kutri, xorta kien iħoss il-bard. 2 Għalhekk, il-qaddejja tiegħu qalulu: “Sidna r-re, ħa jsibulek tfajla verġni, u din taqdik u tieħu ħsiebek. Hi timtedd ħdejk sabiex int iżżomm sħun.” 3 Huma fittxew tfajla sabiħa fit-territorju kollu t’Iżrael, u sabu lil Abisag is-Sunamija u ħaduha għand ir-re. 4 It-tfajla kienet sabiħa immens, u bdiet taqdi u tieħu ħsieb ir-re, imma r-re ma kellux relazzjoni sesswali magħha.
5 Sadanittant, Adonija bin Ħaggit beda jonora lilu nnifsu u jgħid: “Jien se nkun re!” Hu talab li jagħmlulu karru u li jkollu rikkieba taż-żwiemel u 50 raġel biex jiġru quddiemu. 6 Imma missieru qatt ma ffaċċjah* billi staqsieh: “Għala għamilt hekk?” Ukoll, hu kien gustuż ħafna, u ommu kienet wellditu wara Absalom. 7 Hu ħa l-parir taʼ Ġowab bin Seruja u Abjatar il-qassis, u dawn offrewlu l-għajnuna u l-appoġġ tagħhom. 8 Imma Sadok il-qassis, Benaja bin Ġeħojada, Natan il-profeta, Simgħi, Regħi, u l-gwerriera b’saħħithom taʼ David m’appoġġawx lil Adonija.
9 Maż-żmien, Adonija għamel sagrifiċċju taʼ nagħaġ, baqar, u annimali msemmnin ħdejn il-ġebla taʼ Żoħelet, viċin Għajn-rogel. Hu stieden lil ħutu kollha, it-tfal tar-re, u lill-irġiel kollha taʼ Ġuda li huma l-qaddejja tar-re. 10 Iżda lil Natan il-profeta, lil Benaja, lill-gwerriera b’saħħithom, u lil ħuh Salamun ma stidinhomx. 11 Imbagħad Natan qal lil Bat-seba, omm Salamun: “Taf li Adonija bin Ħaggit sar re, u sidna David ma jaf b’xejn? 12 Għalhekk, jekk jogħġbok, ħa nagħtik parir ħalli ssalva lilek innifsek u lil ibnek Salamun. 13 Mur għand ir-Re David u għidlu, ‘Sidi r-re, int kont ħliftli li ibni Salamun isir re warajk u joqgħod fuq it-tron tiegħek. Allura għala sar re Adonija?’ 14 Waqt li tkun għadek qed titkellem miegħu, nidħol jien warajk u nikkonferma kliemek.”
15 Għalhekk, Bat-seba daħlet għand ir-re fil-kamra tas-sodda. Ir-re kien xjaħ sew, u Abisag is-Sunamija kienet qed tieħu ħsiebu. 16 Imbagħad Bat-seba mielet u nxteħtet fl-art quddiem ir-re, u hu qalilha: “X’tixtieq?” 17 Wiġbitu: “Sidi, int ħliftli b’Ġeħova l-Alla tiegħek li ibni Salamun isir re warajk u joqgħod fuq it-tron tiegħek. 18 Imma Adonija sar re, u int ma taf b’xejn, sidi r-re. 19 Hu ssagrifika kwantità kbira taʼ barrin, annimali msemmnin, u nagħaġ. Hu stieden lit-tfal tiegħek kollha, lil Abjatar il-qassis, u lil Ġowab il-kap tal-armata, imma lil ibnek Salamun ma stidnux. 20 U issa, sidi r-re, għajnejn l-Iżraelin kollha huma fuqek biex tgħidilhom min se joqgħod fuq it-tron tiegħek warajk. 21 Inkella, sidi r-re, malli int tmut,* lili u lil ibni Salamun iqisuna tradituri.”
22 U waqt li kienet għadha qed tkellmu, daħal Natan il-profeta. 23 Minnufih qalu lir-re: “Hawn Natan il-profeta!” Hu daħal għand ir-re u nxteħet b’wiċċu sal-art quddiemu. 24 Imbagħad Natan qal: “Sidi r-re, jaqaw int għedt li Adonija se jsir re warajk u joqgħod fuq it-tron tiegħek? 25 Għax illum hu niżel jissagrifika kwantità kbira taʼ barrin, annimali msemmnin, u nagħaġ. Hu stieden lit-tfal tiegħek kollha, lill-kapijiet tal-armata, u lil Abjatar il-qassis. Huma qegħdin jieklu u jixorbu miegħu u jgħidu, ‘Ħa jkun imbierek ir-Re Adonija!’ 26 Imma lili, lil Sadok il-qassis, lil Benaja bin Ġeħojada, u lil ibnek Salamun ma stidinniex. 27 Sidi r-re, int tajtu l-permess biex joqgħod fuq it-tron tiegħek warajk? Għax fil-każ lili m’għedtlix b’dan.”
28 U r-Re David wieġeb: “Għajtuli lil Bat-seba.” U din daħlet u qagħdet quddiem ir-re. 29 Imbagħad ir-re qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li salvani* mid-diffikultajiet kollha, 30 li llum se nara li jsir bħalma ħliftlek b’Ġeħova l-Alla t’Iżrael, meta għedt, ‘Ibnek Salamun isir re warajja u joqgħod fuq it-tron minfloki!’” 31 Imbagħad Bat-seba mielet u nxteħtet wiċċha sal-art quddiem ir-re u qalet: “Ħa tkun imbierek għal dejjem, sidi r-Re David!”
32 Minnufih, ir-Re David qal: “Għajtuli lil Sadok il-qassis, lil Natan il-profeta, u lil Benaja bin Ġeħojada.” U dawn daħlu quddiem ir-re. 33 Ir-re qalilhom: “Ħudu magħkom lill-qaddejja tiegħi, u rikkbu lil ibni Salamun fuq il-bagħla tiegħi u niżżluh sa Giħon. 34 Sadok il-qassis u Natan il-profeta jidilkuh* hemmhekk bħala re fuq Iżrael. Wara, doqqu l-qarn u għidu, ‘Ħa jkun imbierek ir-Re Salamun!’ 35 Imbagħad, ejjew lura warajh, u hu jidħol u joqgħod fuq it-tron tiegħi. Hu jkun ir-re minfloki, u jien ninkarigah bħala mexxej fuq Iżrael u Ġuda.” 36 Fil-pront Benaja bin Ġeħojada qal lir-re: “Ammen! Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek jikkonferma dan, sidi r-re. 37 Bħalma Ġeħova kien miegħek, jalla jkun maʼ Salamun ukoll, u jalla jagħmel it-tmexxija tiegħu akbar minn tiegħek, sidi r-Re David.”
38 Imbagħad Sadok il-qassis, Natan il-profeta, Benaja bin Ġeħojada, u l-Keretin u l-Peletin niżlu u rikkbu lil Salamun fuq il-bagħla tar-Re David, u ħaduh Giħon. 39 Imbagħad Sadok il-qassis ħa l-qarn taż-żejt mit-tinda u dilek* lil Salamun, u bdew idoqqu l-qarn, u l-poplu kollu beda jgħajjat: “Ħa jkun imbierek ir-Re Salamun!” 40 Wara dan, in-nies kollha telgħu warajh, idoqqu l-flawt u jifirħu bil-kbir, tant li l-art theżżet bl-istorbju tagħhom.
41 Adonija u l-mistidnin kollha tiegħu semgħu dan hekk kif spiċċaw jieklu. Malli Ġowab semaʼ l-ħoss tal-qarn, hu qal: “Għala hemm dan l-istorbju kollu fil-belt?” 42 Waqt li kien għadu qed jitkellem, ġie Ġonatan bin Abjatar il-qassis. Imbagħad Adonija qal: “Idħol, għax int raġel tajjeb,* u żgur li għandek aħbar tajba.” 43 Imma Ġonatan wieġbu: “Le, għax sidna r-Re David għamel lil Salamun re. 44 Ir-re bagħat miegħu lil Sadok il-qassis, lil Natan il-profeta, lil Benaja bin Ġeħojada, u lill-Keretin u lill-Peletin, u rikkbuh fuq il-bagħla tar-re. 45 Imbagħad Sadok il-qassis u Natan il-profeta dilkuh* bħala re f’Giħon. Wara dan telgħu minn hemm jifirħu, u n-nies kollha fil-belt huma eċċitati. Dak kien l-istorbju li smajtu. 46 Iktar minn hekk, Salamun qagħad fuq it-tron tas-saltna. 47 Ħaġ’oħra, il-qaddejja tar-re daħlu għand sidna r-Re David biex jifirħulu, u qalulu, ‘Jalla l-Alla tiegħek jagħmel isem Salamun iktar glorjuż minn ismek, u jalla jagħmel it-tmexxija tiegħu akbar minn tiegħek!’ Għal dan, ir-re miel fuq is-sodda. 48 U r-re qal ukoll, ‘Jalla jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li llum inkariga lil xi ħadd biex joqgħod fuq it-tron tiegħi u ħallieni nara dan b’għajnejja stess!’”
49 U l-mistidnin kollha t’Adonija bdew jibżgħu ħafna u kull wieħed qam u telaq għal triqtu. 50 Anki Adonija beda jibżaʼ minħabba Salamun, għalhekk qam, mar fit-tabernaklu, u qabad mal-qrun tal-artal. 51 Lil Salamun wasallu dan ir-rapport: “Re Salamun, Adonija qed jibżaʼ minnek. Hu qabad mal-qrun tal-artal u qed jgħid, ‘M’iniex se nitlaq minn hawn sakemm sidi r-Re Salamun jaħlef li ma joqtolnix bix-xabla.’” 52 Għal dan, Salamun qal: “Jekk hu taʼ min jafdah, lanqas xagħra waħda ma taqagħlu fl-art, imma jekk jagħmel xi ħaġa ħażina, ikollu jmut.” 53 Għalhekk, ir-Re Salamun bagħat għalih biex iniżżluh mill-artal. Imbagħad daħal u miel quddiem ir-Re Salamun li qallu: “Mur lejn darek.”