L-Għanja taʼ Salamun
4 “Kemm int sabiħa, għażiża tiegħi!
Kemm int sabiħa!
Għajnejk huma bħal tal-ħamiem, taħt il-velu tiegħek.
Xagħrek hu bħal merħla mogħoż
Li nieżla mal-muntanji taʼ Gilegħad.
2 Snienek huma bojod u sbieħ,
Huma bħal merħla nagħaġ li għadhom kemm ġew imqaxxrin u maħsulin.
Kollha kemm huma għandhom waħda taqbel magħhom
U m’hemmx waħda weħidha.
3 Xofftejk huma bħal ħajta b’kulur aħmar jgħajjat,
U dak li tgħid hu pjaċevoli.
Il-wardiet taʼ wiċċek huma*
Bħal flieli taʼ rummiena taħt il-velu tiegħek.
4 Għonqok hu bħat-torri taʼ David,
Li hu mibni b’filati tal-ġebel.
Miegħu hemm imdendlin 1,000 tarka,
It-tarki tondi kollha tal-irġiel b’saħħithom.
6 “Jien se nitlaʼ fuq il-muntanja tal-mirra
U l-għolja tal-inċens abjad
Qabel ma jonfoħ ir-riħ u jitlaq id-dell.”
7 “Maħbuba tiegħi, kollok kemm int sabiħa,
M’hemmx difett fik.
8 Ejja miegħi mil-Libanu, għarusa tiegħi,
Ejja miegħi mil-Libanu.
Inżel minn fuq il-quċċata tal-Amana,*
Minn fuq il-quċċata tas-Senir u tal-Ħermon,
Minn fejn jgħixu l-iljuni, u mill-muntanji tal-leopardi.
9 Sraqtli qalbi, oħti, għarusa tiegħi,
Int sraqtli qalbi b’ħarsa waħda,
B’pendent wieħed tal-ġiżirana tiegħek.
10 Kemm huma sbieħ l-espressjonijiet tal-imħabba tiegħek, oħti, għarusa tiegħi!
L-espressjonijiet tal-imħabba tiegħek huma ħafna aħjar mill-inbid,
Ir-riħa tfuħ tal-fwieħa tiegħek tfuħ iktar minn kull tip taʼ ħwawar!
11 Għarusa tiegħi, xofftejk iqattru għasel pur.
Taħt ilsienek hemm għasel u ħalib.
U r-riħa tfuħ tal-ħwejjeġ tiegħek hi bħal dik tal-Libanu.
12 Oħti, għarusa tiegħi, int bħal ġnien imsakkar,
Ġnien imsakkar u għajn tal-ilma magħluqa.
13 Int bħal siġar fi ġnien li l-friegħi tagħhom mimlijin rummien,*
Bl-aqwa rummien u pjanti tal-ħenna u tal-ispikonardu,
14 L-ispikonardu u ż-żagħfran, il-qasab aromatiku u l-kannella,
Kull tip taʼ siġar tal-inċens abjad, tal-mirra u tas-sabbara,
U l-aqwa fwejjaħ.
15 Int bħal għajn tal-ilma fi ġnien, bir b’ilma ġieri,
U xmara li tiġi mil-Libanu.
16 Riħ mit-Tramuntana, qum;
Riħ min-Nofsinhar, idħol.
Onfħu b’ġentilezza fuq il-ġnien tiegħi.
Ħa tinfirex ir-riħa tfuħ tiegħu.”
“Ħa jiġi l-għażiż tiegħi
U jiekol fil-ġnien tiegħu l-aqwa frott.”