Lamentazzjonijiet
א [Alef]*
1 Ġerusalemm kienet mimlija nies, imma issa spiċċat waħedha.
Il-belt kienet importanti* fost il-popli, imma saret bħal armla.
Minkejja li kienet prinċipessa fost il-provinċji, hi ġiet imġiegħla tagħmel xogħol taʼ bilfors!
ב [Bet]
2 Hi tibki fuq li tibki matul il-lejl, u d-dmugħ tagħha jċarċar mal-wardiet taʼ wiċċha.
Ħadd mill-maħbubin kollha tagħha mhu qed ifarraġha.
Sħabha kollha ttradewha; saru għedewwa tagħha.
ג [Gimel]
3 Ġuda* ttieħdet fl-eżilju; hi qed tbati u mġiegħla taħdem ħafna bħala lsira.
Hi għandha tgħix fost il-popli; imkien ma tistaʼ tistrieħ.
Dawk kollha li jippersegwitawha laħquha meta ma setgħetx tiddefendi lilha nfisha.
ד [Dalet]
4 Hemm id-dwejjaq fit-toroq li jagħtu għal Sijon, għax ħadd mhu ġej għall-festa.
Il-bibien kollha taʼ Sijon huma mkissrin; il-qassisin tagħha għandhom qalbhom maqsuma.
It-tfajliet* tagħha qed jibku, u hi qed tbati ħafna.
ה [Ħe]
5 L-għedewwa tagħha issa huma s-sidien* tagħha; huma ma jinkwetawx.
Ġeħova ġabilha l-inkwiet minħabba li għamlet ħafna dnubiet.
It-tfal tagħha ttieħdu bħala lsiera mill-għadu.
ו [Waw]
6 Il-belt taʼ Sijon tilfet il-ġmiel kollu tagħha.
Il-mexxejja tagħha huma bħal ċriev li m’għandhomx fejn jirgħaw,
U huma jimxu għajjenin quddiem dak li jrid jaqbadhom.
ז [Żajin]
7 Fiż-żmien meta kienet qed tbati u n-nies tagħha ma kellhomx fejn joqogħdu,
Ġerusalemm tiftakar fl-affarijiet prezzjużi kollha li kellha żmien twil ilu.
Meta l-għadu ħa taħt idejh lin-nies tagħha u ma kellha lil ħadd min jgħinha,
L-għedewwa tagħha rawha u ħadu pjaċir* bil-waqgħa tagħha.
ח [Ħet]
8 Ġerusalemm dinbet bil-kbir.
Hu għalhekk li saret xi ħaġa diżgustanti.
Dawk kollha li kienu jonorawha qed jittrattawha b’diżrispett, għax rawha għarwiena.
Hi mweġġgħa u ddur lura bil-mistħija.
ט [Tet]
9 Il-ħwejjeġ tagħha huma mtebbgħin.
Hi ma ħasbitx dwar il-futur tagħha.
Il-waqgħa tagħha kienet tal-għaġeb; m’hemm ħadd min ifarraġha.
Hi tgħid, “Ġeħova, ara t-tbatija tiegħi, għax l-għadu qed jiftaħar.”
י [Jod]
10 L-għadu ħadilha t-teżori kollha tagħha.
Hi rat popli jidħlu fis-santwarju tagħha,
Dawk li int ikkmandajt li m’għandhomx jidħlu fil-kongregazzjoni tiegħek.
כ [Kaf]
11 In-nies kollha tagħha qed jibku; qed ifittxu l-ħobż.
Huma taw l-affarijiet prezzjużi li kellhom biex ikollhom xi ħaġa x’jieklu, sempliċiment biex jibqgħu ħajjin.*
Ġeħova, ħares u ara li jien sirt bħal mara* li ma tiswa għal xejn.
ל [Lamed]
12 Intom li tgħaddu minn ħdejn it-triq, mhu xejn dan għalikom?
Ħarsu u araw!
Jaqaw hemm xi wġigħ bħall-uġigħ li ġejt ikkastigata bih jien,
Bħal dak li Ġeħova ġegħelni nbati meta kien irrabjat ħafna?
מ [Mem]
13 Hu bagħat nar mis-sema biex jaħraq kull għadma li għandi.
Firex xibka għal saqajja; ġegħelni ndur lura.
Hu għamilni bħal mara mwarrba.
Il-ħin kollu nħossni ma niflaħx.
נ [Nun]
14 Hu rabat id-dnubiet tiegħi m’għonqi bħal madmad, hu stess rabathom.
Poġġiehom fuq għonqi, u spiċċajt bla saħħa.
Ġeħova tani f’idejn dawk li ma nistax negħleb.
ס [Samek]
15 Ġeħova ħa lill-irġiel b’saħħithom kollha minn ġo nofsi.
Hu ġabar in-nies kontrija biex ifarrak iż-żgħażagħ tiegħi.
Ġeħova għaffeġ lill-verġni bint Ġuda fil-post fejn jintgħasar l-inbid.
ע [Għajn]
16 Qed nibki minħabba dawn l-affarijiet; għajnejja mtlew bid-dmugħ.
Għax kull min jistaʼ jfarraġni jew jgħinni* qiegħed ’il bogħod minni.
It-tfal tiegħi huma mwarrbin, għax l-għadu rebħilna.
פ [Pe]
17 Sijon fetħet idejha biex jgħinuha; m’għandha lil ħadd min ifarraġha.
Ġeħova kkmanda lil dawk kollha li huma madwar Ġakobb biex jaġixxu bħala l-għedewwa tiegħu.
Ġerusalemm saret bħal xi ħaġa diżgustanti għalihom.
צ [Sade]
18 Ġeħova hu ġust f’dak li jagħmel, għax jien irribellajt kontra l-kmandamenti tiegħu.
Isimgħu, intom in-nies kollha, u araw l-uġigħ tiegħi.
It-tfajliet u l-ġuvintur tiegħi marru fl-eżilju.
ק [Kof]
19 Jien għajjatt lill-maħbubin tiegħi, imma huma ttradewni.
Fil-belt, il-qassisin u l-anzjani tiegħi spiċċaw fix-xejn
Waqt li bdew ifittxu għall-ikel biex jibqgħu ħajjin.*
ר [Rex]
20 Ġeħova, ara l-inkwiet kbir li għandi.
Jien iddisprata.*
Qalbi muġugħa, għax jien irribellajt għalkollox.
Barra, ix-xabla qed toqtol it-tfal tiegħi u anki ġewwa d-dar, in-nies qed imutu.
ש [Xin]
21 In-nies semgħu l-biki tiegħi; m’hemm ħadd biex ifarraġni.
L-għedewwa kollha tiegħi semgħu bl-inkwiet tiegħi.
Huma qed jifirħu, għax int ġibt dan fuqi.
Imma se jasal iż-żmien li int tkellimt dwaru meta huma se jsiru bħali.
ת [Taw]
22 Jalla tinduna bil-ħażen kollu tagħhom, u jalla tittrattahom bl-aħrax,
Bħalma ttrattajt lili bl-aħrax minħabba d-dnubiet kollha tiegħi.
Għax jien imdejqa ħafna, u qalbi muġugħa.