Eżekjel
22 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, lest int li tgħid il-ġudizzju kontra* l-belt li hi ħatja taʼ qtil u li tgħidilha dwar l-affarijiet diżgustanti kollha tagħha? 3 Għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Int belt li toqtol ħafna nies u se jasallek iż-żmien li tiġi ġġudikata. Int tniġġes lilek innifsek bl-idoli moqżieża* li tagħmel, 4 sirt ħatja bil-qtil li tagħmel, u m’għadekx nadifa bl-idoli moqżieża tiegħek. Int qed tgħaġġel il-ġudizzju tiegħek, u dan daqt se jiġri. Huwa għalhekk li l-popli se jmaqdruk u l-pajjiżi kollha se jwaqqgħuk għaċ-ċajt. 5 Belt b’isem ħażin u mimlija inkwiet, il-pajjiżi li huma viċin u ’l bogħod minnek se jwaqqgħuk għaċ-ċajt. 6 Kull kap t’Iżrael li hemm fik juża l-awtorità tiegħu biex joqtol. 7 In-nies li hemm fik jittrattaw lil missierhom u lil ommhom b’diżrispett. Huma jqarrqu bir-residenti barranin, u jittrattaw ħażin lill-orfni* u lin-nisa romol.”’”
8 “‘Int tiddisprezza l-postijiet qaddisin tiegħi u tiddiżonora l-liġi tiegħi dwar is-Sabat. 9 Fik hemm nies li jimmalafamaw u li huma determinati li joqtlu. Fik jieklu mis-sagrifiċċji fuq il-muntanji u jibqgħu jaġixxu b’mod oxxen. 10 Fik in-nies jiddiżonoraw is-sodda taʼ missierhom,* u jisforzaw mara biex jagħmlu magħha waqt li ma tkunx nadifa meta jkollha t-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar. 11 Fik raġel jaġixxi b’mod diżgustanti mal-mara taʼ ħaddieħor, xi ħadd ieħor jiddiżonora lill-mara tat-tifel b’kondotta oxxena, u jerġaʼ ħaddieħor jabbuża lil oħtu, it-tifla taʼ missieru stess. 12 Fik hemm dawk li jaċċettaw it-tixħim biex jinqatlu nies innoċenti. Int issellef bl-imgħax jew bi profitt,* u tisraq il-flus mingħand ħaddieħor. Iva, int insejtni għalkollox,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
13 “‘Jien iddiżgustat minħabba l-qligħ diżonest li għamilt u minħabba li fik inqatlu nies innoċenti. 14 Se tibqaʼ kuraġġuż* u jdejk se jibqgħu b’saħħithom fiż-żmien meta nieħu azzjoni kontrik? Jien stess, Ġeħova, tkellimt u se nieħu azzjoni. 15 Jien inxerrdek fost il-popli u nferrxek fost il-pajjiżi, u se nwaqqaf il-kondotta mhux nadifa tiegħek. 16 U int se tiġi ddiżonorata quddiem il-popli u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova.’”
17 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 18 “Bin il-bniedem, għalija l-poplu t’Iżrael saru bħall-ħmieġ tal-metall li ma jiswa għal xejn. Huma kollha bħar-ram, il-landa, il-ħadid, u ċ-ċomb ġo forn. Huma saru bħall-ħmieġ tal-fidda.
19 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Minħabba li lkoll kemm intom sirtu bħall-ħmieġ tal-metall li ma jiswa għal xejn, qed niġborkom flimkien f’Ġerusalemm. 20 Bħalma wieħed jiġbor il-fidda, ir-ram, il-ħadid, iċ-ċomb, u l-landa ġo forn biex iġiegħel in-nar jonfoħ fuqhom u jdewwibhom, hekk ukoll se niġborkom flimkien fir-rabja u l-korla tiegħi, u se nonfoħ fuqkom u ndewwibkom. 21 Se niġborkom flimkien u nonfoħ fuqkom in-nar tar-rabja kbira tiegħi, u intom se ddubu fil-belt. 22 Bħalma l-fidda ddub ġo forn, hekk intom se ddubu fiha; u se jkollkom tkunu tafu li jien stess, Ġeħova, urejtkom ir-rabja kbira tiegħi.’”
23 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 24 “Bin il-bniedem għidilha, ‘Int art li la se titnaddaf u lanqas mhu se tagħmel xita fuqek dakinhar li nkun irrabjat ħafna. 25 Il-profeti tagħha qed jikkonfoffaw fiha, bħal iljun jgħajjat li jċarrat dak li jaqbad. Huma qed jibilgħu n-nies.* Huma qed jaħtfu l-ġid u l-affarijiet prezzjużi. Fiha għamlu ħafna nisa romol. 26 Il-qassisin tagħha kisru l-liġi tiegħi, u huma jibqgħu jiddiżonoraw il-postijiet qaddisin tiegħi. Ma jagħmlu l-ebda differenza bejn dak li hu qaddis u dak li hu komuni, jonqsu milli jgħidu x’inhu nadif u x’mhuwiex, u jirrifjutaw li jobdu l-liġi tiegħi dwar is-Sabat; u jien ġejt iddiżonorat fosthom. 27 Il-mexxejja taʼ ġo fiha huma bħal ilpup li jċarrtu dak li jaqbdu; huma jxerrdu d-demm u joqtlu n-nies* biex jagħmlu qligħ diżonest. 28 Imma l-profeti tagħha jaħbu l-affarijiet ħżiena li jagħmlu bħal xi ħadd li jiksi l-ħajt bil-ġir. Huma jaraw viżjonijiet li ma jkunux veri u jbassru l-gideb, u jgħidu: “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,” meta jien, Ġeħova, ma nkun għedt xejn. 29 In-nies tal-pajjiż imbroljaw u serqu, ittrattaw ħażin lil dawk fil-bżonn u l-foqra, u serqu lir-residenti barranin u m’għamlux ġustizzja magħhom.’
30 “‘Kont qed infittex lil xi ħadd fosthom li jistaʼ jirranġa l-ħajt tal-ġebel jew li jistaʼ joqgħod fil-parti tal-ħajt li hu mkisser biex jiddefendi l-pajjiż, ħalli jien ma neqirdux, imma ma sibt lil ħadd. 31 Allura se nikkastigahom minħabba li jien irrabjat. Jien se neqridhom b’rabja li hi bħan-nar. Jien se nġib fuqhom stess il-konsegwenzi taʼ kif aġixxew,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”