Eżekjel
28 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lill-mexxej taʼ Tir, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox*:
“Peress li qalbek tkabbret, int tibqaʼ tgħid, ‘Jien alla.
Jien noqgħod bilqiegħda fuq it-tron t’alla f’nofs taʼ baħar.’
Imma int sempliċi bniedem, u mhux alla,
Għalkemm taħseb li int alla.
3 Int taħseb li int iktar għaref minn Danjel,
U m’hemmx sigrieti moħbijin minnek.
4 Int sirt sinjur bl-għerf u bl-intelliġenza* tiegħek,
U bqajt iżżid id-deheb u l-fidda fil-post fejn iżżomm it-teżori tiegħek.
5 Peress li tinqalaʼ biex tinnegozja, akkwistajt ħafna ġid,
U qalbek tkabbret minħabba l-ġid tiegħek.”’
6 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:
“Peress li int taħseb li int alla,
7 Jien se nġib il-barranin kontrik, l-iktar nies kattivi tal-popli,
U huma se jużaw ix-xabla tagħhom, jeqirdu l-affarijiet sbieħ kollha li akkwistajt bl-għerf tiegħek,
U jħassru l-ġmiel tiegħek.
9 Lil min ikun qed joqtlok, se tibqaʼ tgħidlu, ‘Jien alla’?
Int se tkun sempliċi bniedem u mhux alla f’idejn dawk li se jiddiżonorawk.”’
10 ‘Int se tmut bħal nies mhux ċirkonċiżi mill-barranin,
Għax jien stess tkellimt,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
11 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 12 “Bin il-bniedem, kanta għanja taʼ swied il-qalb dwar ir-re taʼ Tir, u għidlu, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:
“Int kont l-eżempju tal-perfezzjoni,
Kollok għerf u bi sbuħija perfetta.
13 Int kont fl-Għeden, il-ġnien t’Alla.
Kont imżejjen b’kull ħaġra prezzjuża:
Rubin, topazju, u djaspru; krisolitu, oniċi, u ġada; żaffir, turkina, u żmerald;
Dawn kellhom id-deheb mad-dawra tagħhom biex jinżammu f’posthom.
Jien għamilthom dakinhar li ħlaqtek.
14 Jien inkarigajtek bħala l-kerubin magħżul* li għandu ġwinħajh miftuħin.
Int kont fuq il-muntanja qaddisa t’Alla u kont timxi qalb il-ġebel tan-nar.
15 Int kont perfett fl-imġiba tiegħek minn dakinhar li nħlaqt
Sakemm bdejt tagħmel affarijiet inġusti.
16 Peress li nnegozjajt ħafna,
Int bdejt taġixxi bil-vjolenza u tidneb.
Allura jien se nkeċċik mill-muntanja t’Alla u ma nibqax nittrattak bħala qaddis, u neqirdek,
Kerubin bi ġwinħajk miftuħin, jien se nneħħik minn ħdejn il-ġebel tan-nar fejn qiegħed.
17 Qalbek tkabbret minħabba s-sbuħija tiegħek.
Minħabba l-ġmiel mill-aqwa tiegħek, int m’aġixxejtx bl-għerf.
Jien se nwaddbek mal-art.
Se nitfgħek quddiem ir-rejiet ħalli jkunu jistgħu jaraw xi ġralek.
18 Int iddiżonorajt is-santwarju tiegħek bid-dnubiet serji u bin-negozju diżonest li għamilt.
Jien se nqabbad nar f’nofsok, u dan se jaħarqek għalkollox.
Se nġibek irmied fl-art quddiem dawk kollha li jħarsu lejk.
19 Dawk kollha fost il-popli li jafuk se jħarsu lejk iċċassati.
It-tmiem tiegħek se jiġi f’daqqa u se jkun tal-biżaʼ,
U int mhux se tibqaʼ teżisti għal dejjem.”’”
20 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 21 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn Sidon u pprofetizza kontriha. 22 Għandek tgħid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:
“Sidon, jien kontrik u se niġi gglorifikat f’nofsok;
U n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nagħmel ġudizzju fik u nitqaddes permezz tiegħek.
23 Se nibgħatlek il-mard* u se jkun hemm id-demm tan-nies imxerred fit-toroq tiegħek.
Ħafna se jinqatlu meta tiġi x-xabla kontrik minn kull naħa;
U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.
24 “‘“Imbagħad il-poplu t’Iżrael ma jibqax imdawwar minn għollieq li jweġġaʼ u xewk li jniggeż, jiġifieri minn uħud li jwaqqgħuhom għaċ-ċajt; u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’
25 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Meta nerġaʼ niġbor lill-Iżraelin minn fost il-popli li fihom ġew imxerrdin, jien niġi mqaddes fost il-ġnus. U huma se jgħixu fl-art tagħhom li jien tajt lill-qaddej tiegħi Ġakobb. 26 Huma se jgħixu b’moħħhom mistrieħ, jibnu djar, u jħawlu għelieqi bid-dwieli. Se jgħixu b’moħħhom mistrieħ meta jien inġib ġudizzju fuq dawk kollha taʼ madwarhom li jwaqqgħuhom għaċ-ċajt; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom.”’”