Eżekjel
29 Fit-12-il jum tal-għaxar xahar tal-għaxar sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn il-Fargħun ir-re tal-Eġittu u pprofetizza kontrih u kontra l-Eġittu kollu. 3 Għid hekk, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*
“Jien kontrik, Fargħun tal-Eġittu,
Il-monstru kbir tal-baħar li qiegħed fil-kanali tax-Xmara Nil,*
Li qal, ‘Ix-Xmara Nil hija tiegħi.
Għamiltha għalija.’
4 Imma jien se nqiegħed ganċijiet fix-xedaq tiegħek u nġiegħel il-ħut tan-Nil jeħel miegħek.
Se noħorġok min-Nil flimkien mal-ħut li jkun weħel miegħek.*
5 Se nabbandunak fid-deżert, lilek u l-ħut kollu tan-Nil.
Int se taqaʼ f’nofs l-għelieqi, u ħadd mhu se jiġbrok u jidfnek.
Se nagħtik bħal ikel lill-bhejjem slavaġ u lill-għasafar.
6 Imbagħad in-nies kollha tal-Eġittu se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova,
Għax l-appoġġ li taw lill-poplu t’Iżrael kien bħal dak taʼ tibna.*
7 Meta qabduk minn idek, int tfarrakt,
U ċarrattilhom spallithom.
Meta straħu fuqek, int tkissirt,
U ġegħelt saqajhom* jitriegħdu.”
8 “‘Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Jien qed inġib xabla kontrik u se nneħħi minnek kemm bniedem u kemm annimal. 9 L-art tal-Eġittu se ssir post abbandunat u ħerba; u n-nies tagħha se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova, għax int għedt, ‘Ix-Xmara Nil hi tiegħi; jien dak li għamiltha.’ 10 Allura jien kontrik u kontra n-Nil, u l-art tal-Eġittu se nagħmilha ħerba u nnixxifha, u se nġibha art abbandunata, minn Migdol sa Swene u sal-fruntiera tal-Etjopja. 11 La nies u lanqas imrieħel mhu se jgħaddu minnha, u mhux se joqogħdu fiha nies għal 40 sena. 12 Se nagħmel l-art tal-Eġittu l-iktar art abbandunata fost il-pajjiżi, u l-bliet tagħha se jkunu l-iktar bliet abbandunati għal 40 sena. Jien se nferrex l-Eġizzjani fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi.”
13 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Wara 40 sena, se niġbor l-Eġizzjani mill-popli fejn kienu mxerrdin. 14 Jien se nġib l-ilsiera Eġizzjani lura fl-art taʼ Patros, lura fl-art li twieldu fiha, u hemmhekk se jsiru saltna mhux importanti. 15 L-Eġittu se jsir dgħajjef meta mqabbel maʼ saltniet oħrajn u mhux se jibqaʼ jiddomina popli oħra, u tant se nagħmel l-Eġizzjani ftit li mhux se jkunu jistgħu jikkontrollaw pajjiżi oħra. 16 Il-poplu t’Iżrael qatt iktar mhu se jerġaʼ jafda lill-Eġittu, imma se jfakkarhom fl-iżball li għamlu meta daru lejn l-Eġizzjani għall-għajnuna. U huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”’”
17 Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar tas-27 sena, jien irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 18 “Bin il-bniedem, ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ġiegħel l-armata militari tiegħu jattakkaw lil Tir. Is-suldati kollha waqgħalhom xagħarhom u spallejhom instelħu, imma hu u l-armata tiegħu ma rċivew l-ebda ħlas għax-xogħol li għamlu f’Tir.
19 “Allura hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Jien qed nagħti l-art tal-Eġittu lir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u hu se joħdilha l-ġid u jisirqilha ħafna affarijiet; u b’dan se jħallas lill-armata tiegħu.’
20 “‘Bħala kumpens għax-xogħol tiegħu kontra Tir, jien se nagħtih l-art tal-Eġittu, għax ħadmu għalija,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
21 “Dakinhar se nġiegħel li jkun hemm xi ħadd b’saħħtu* għall-poplu t’Iżrael, u jien se nagħtik opportunità biex titkellem fosthom; u huma se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.”