Eżekjel
30 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:*
“Ibku u għidu, ‘X’waħda din, daqt jasal il-jum!’
3 Għax il-jum hu qrib, iva, il-jum taʼ Ġeħova hu viċin.
Dan se jkun jum bis-sħab, żmien biex il-popli jiġu ġġudikati.
4 Se tiġi xabla kontra l-Eġittu, u l-Etjopja se tippanikja meta jinqatlu n-nies fl-Eġittu;
Il-ġid tiegħu se jittieħed u l-Eġittu se jinqered bil-pedament b’kollox.
5 In-nies tal-Etjopja, Put, Lud, u n-nies minn popli differenti,
U taʼ Kub, flimkien man-nies tal-art tal-patt,*
Se jmutu kollha bix-xabla.”’
6 Hekk jgħid Ġeħova:
‘Dawk li jappoġġaw l-Eġittu se jmutu wkoll,
U hu se jitlef is-saħħa li hu kburi ħafna biha.’
“‘Se jmutu bix-xabla minn Migdol sa Swene,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 7 ‘Huma se jsiru l-iktar pajjiżi abbandunati u l-bliet tiegħu se jsiru l-iktar bliet li se jkunu ħerba. 8 U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta nqabbad nar fl-Eġittu u jitkissru dawk kollha li jingħaqdu miegħu. 9 Dakinhar se nibgħat messaġġiera bil-vapuri biex l-Etjopja, li tafda fiha nfisha, titriegħed. In-nies tagħha se jippanikjaw f’dak il-jum li ġej fuq l-Eġittu, għax dan żgur se jiġri.’
10 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se nġib fit-tmiem lill-folol tan-nies tal-Eġittu permezz tar-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja. 11 Hu u s-suldati tiegħu, l-iktar nies kattivi tal-popli, se jinġiebu biex jeqirdu l-art. Huma se jużaw ix-xwabel tagħhom kontra l-Eġittu u jimlew l-art b’dawk maqtula. 12 Jien se nbiddel il-kanali tan-Nil f’art niexfa u se nagħti* l-art tagħhom f’idejn nies mill-agħar. L-art u kulma fiha se nagħmilhom ħerba permezz tal-barranin. Jien stess, Ġeħova, tkellimt.’
13 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien se neqred ukoll l-idoli moqżieża* u nneħħi l-allat li ma jiswew għal xejn taʼ Nof.* Mhux se jkun hemm iżjed kap mill-art tal-Eġittu, u se nġiegħel in-nies jibżgħu fl-art tal-Eġittu. 14 Se nagħmel ħerba f’Patros, inqabbad nar f’Sogħan, u nġib ġudizzju f’No.* 15 Se nuri r-rabja kbira tiegħi f’Sin, il-fortizza tal-Eġittu, u se neqred il-popolazzjoni taʼ No. 16 Jien se nqabbad nar fl-Eġittu. Sin se tiġi maħkuma mill-biżaʼ, No se jidħol l-għadu fiha, u Nof* se tiġi attakkata fid-dawl tax-xemx. 17 Iż-żgħażagħ t’On* u Pibeset se jmutu bix-xabla, u n-nies tal-bliet tagħhom se jmorru fil-jasar. 18 Meta nkisser il-madmad tal-Eġittu f’Teħafneħes, il-ġurnata se tiddallam. Il-qawwa li hu kburi ħafna biha se tiġi fix-xejn, is-sħab se jgħattih, u n-nies fil-bliet tiegħu se jmorru fil-jasar. 19 Jien se nġib ġudizzju fuq l-Eġittu, u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”
20 Fis-sebaʼ jum tal-ewwel xahar tal-11-il sena, irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 21 “Bin il-bniedem, jien ksirt id il-Fargħun ir-re tal-Eġittu. Din mhux se tiġi marbuta biex tfiq jew infaxxata biex hu jkun b’saħħtu biżżejjed ħalli jaqbad ix-xabla.”
22 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jien kontra l-Fargħun ir-re tal-Eġittu. Se niksirlu jdejh, kemm dik b’saħħitha u anki l-miksura, u nwaqqagħlu x-xabla minn idu. 23 Imbagħad se nferrex lill-Eġizzjani fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi. 24 Jien se nsaħħaħ idejn* ir-re taʼ Babilonja u nagħtih ix-xabla tiegħi f’idu, u se nikser idejn il-Fargħun, u hu se jgħajjat bl-uġigħ quddiemu* bħal raġel li qed imut. 25 Jien se nsaħħaħ idejn ir-re taʼ Babilonja, imma l-idejn tal-Fargħun se jsiru bla saħħa; u n-nies se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta npoġġi x-xabla tiegħi f’id ir-re taʼ Babilonja u jxejjirha kontra l-art tal-Eġittu. 26 Imbagħad se nferrex lill-Eġizzjani fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi; u se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”