Eżekjel
40 Fil-25 sena tal-eżilju tagħna, fil-bidu tas-sena, fl-għaxar jum tal-14-il sena wara li waqgħet il-belt, dakinhar stess bdiet taħdem fuqi l-qawwa taʼ Ġeħova, u ħadni l-belt. 2 Permezz taʼ viżjoni mingħand Alla, hu ġabni fil-pajjiż t’Iżrael u niżżilni fuq muntanja għolja ħafna, u fuqha, lejn in-Nofsinhar, kien hemm binja bħal belt.
3 Meta ħadni hemm, rajt raġel li kien jidher bħar-ram ileqq. F’idu kellu ħabel tal-kittien u qasba tal-kejl,* u kien wieqaf fil-bieb. 4 Ir-raġel qalli: “Bin il-bniedem, ħares u ismaʼ sew, u agħti kas kull ħaġa li nurik, għax għalhekk inġibt hawn. Għid lill-poplu t’Iżrael b’dak kollu li tara.”
5 U rajt ħajt mad-dawra taʼ barra tat-tempju.* F’id ir-raġel kien hemm qasba tal-kejl twila sitt kubiti (maʼ kull kubitu ġiet miżjuda wisaʼ taʼ id).* Hu beda jkejjel il-ħajt, u l-ħxuna tiegħu kienet daqs qasba u l-għoli tiegħu daqs qasba.
6 Imbagħad mar ħdejn il-bieb li jħares lejn in-naħa tal-Lvant u telaʼ t-taraġ tiegħu. Hu kejjel l-għatba tal-bieb u kienet wiesgħa qasba, u l-wisaʼ tan-naħa l-oħra kienet qasba wkoll. 7 Kull kamra tal-għassa kienet twila qasba u wiesgħa qasba, u kien hemm ħames kubiti bejn il-kmamar tal-għassa. L-għatba taʼ ħdejn l-intrata tal-bieb li tħares lejn in-naħa taʼ ġewwa kienet daqs qasba.
8 Hu kejjel in-naħa taʼ ġewwa tal-intrata tal-bieb u kienet daqs qasba. 9 Imbagħad kejjel l-intrata tal-bieb, li kienet tmien kubiti; u kejjel il-kolonni li qegħdin mal-ġenb tagħha, li kienu żewġ kubiti; u l-intrata tal-bieb kienet fuq in-naħa li tħares lejn in-naħa taʼ ġewwa.
10 Fuq kull naħa tal-bieb tal-Lvant kien hemm tliet kmamar tal-għassa. It-tlieta li huma kellhom l-istess daqs, u l-kolonni tal-ġnub taż-żewġ naħat kienu tal-istess daqs.
11 Imbagħad kejjel il-wisaʼ tad-daħla tal-bieb, li kienet għaxar kubiti; u t-tul tal-bieb kien 13-il kubitu.
12 L-ispazju quddiem il-kmamar tal-għassa kien mifrud b’ċint li kull naħa kien kubitu. Il-kmamar tal-għassa li kien hemm fuq iż-żewġ naħat kienu sitt kubiti l-waħda.
13 Imbagħad kejjel il-bieb mis-saqaf taʼ waħda mill-kmamar tal-għassa* sas-saqaf tal-oħra, u dan kien wiesaʼ 25 kubitu; daħla kienet faċċata taʼ daħla oħra. 14 Imbagħad kejjel il-kolonni tal-ġenb li kienu twal 60 kubitu, u kejjel ukoll il-kolonni tal-ġenb tal-bibien li kienu mad-dawra kollha tal-bitħa. 15 Minn quddiem id-daħla tal-bieb sa quddiem l-intrata, li tagħti fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-bieb, kien hemm 50 kubitu.
16 Kien hemm twieqi b’fetħa li tidjieq għall-kmamar tal-għassa u għall-kolonni tal-ġenb tagħhom li kienu ġewwa l-bieb fuq kull naħa. Fuq in-naħa taʼ ġewwa tal-intrati wkoll kien hemm it-twieqi fuq kull naħa. U kien hemm is-siġar tal-palm minquxin fuq il-kolonni tal-ġenb.
17 Imbagħad ġabni fil-bitħa taʼ barra u rajt kmamar tal-ikel u ċangaturi mad-dawra tal-bitħa. Kien hemm 30 kamra tal-ikel fuq iċ-ċangaturi. 18 Il-wisaʼ taċ-ċangaturi li huma fil-ġenb tal-bibien kienu twal daqs il-bibien. Dawn iċ-ċangaturi kienu iktar baxxi mill-bitħa taʼ ġewwa.
19 Imbagħad hu kejjel id-distanza* minn quddiem il-bieb sad-dawramejt tal-bitħa taʼ ġewwa. Kien hemm 100 kubitu fuq il-Lvant u fuq it-Tramuntana.
20 Il-bitħa taʼ barra kellha bieb li jħares lejn it-Tramuntana. Hu kejjel it-tul u l-wisaʼ tiegħu. 21 Kien hemm tliet kmamar tal-għassa fuq kull naħa. Il-kolonni tal-ġenb tiegħu u l-intrata kienu daqs l-ewwel bieb. Dan kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 22 It-twieqi, l-intrata, u s-siġar tal-palm minquxin kienu l-istess daqs dawk li kien hemm fil-bieb tal-Lvant. In-nies setgħu jaslu ħdejh billi jitilgħu sebaʼ tarġiet, u l-intrata kienet quddiem it-taraġ.
23 Kien hemm bieb fil-bitħa taʼ ġewwa faċċata tal-bieb tat-Tramuntana u faċċata tal-bieb tal-Lvant. Hu kejjel kemm hemm bogħod minn bieb għal bieb, u kien hemm 100 kubitu.
24 Imbagħad ħadni lejn in-Nofsinhar u rajt bieb iħares lejn in-Nofsinhar. Hu kejjel il-kolonni tal-ġenb u l-intrata tiegħu, u dawn kienu daqs l-oħrajn. 25 Kien hemm twieqi fuq kull naħa tiegħu u fl-intrata, bħat-twieqi l-oħrajn. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 26 Kien hemm sebaʼ tarġiet li jwasslu ħdejh, u l-intrata tiegħu kienet quddiem it-taraġ. U kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq il-kolonni tal-ġenb, waħda fuq kull naħa.
27 Il-bitħa taʼ ġewwa kellha bieb iħares lejn in-Nofsinhar. Hu kejjel lejn in-Nofsinhar minn bieb għal bieb u kien hemm 100 kubitu. 28 Imbagħad daħħalni fil-bitħa taʼ ġewwa mill-bieb tan-Nofsinhar. Meta kejjel il-bieb tan-Nofsinhar kien l-istess daqs tal-oħrajn. 29 Il-kmamar tal-għassa, il-kolonni tal-ġenb, u l-intrata kienu l-istess daqs l-oħrajn. Kien hemm twieqi fuq kull naħa u fuq l-intrata. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 30 Il-bibien kollha li kienu jagħtu lejn il-bitħa taʼ ġewwa kellhom intrata. Kull intrata kienet twila 25 kubitu u wiesgħa ħames kubiti. 31 L-intrata tal-bieb kienet tħares faċċata tal-bitħa taʼ barra, u hemmhekk kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq il-ġnub tal-kolonni, u kien hemm tmien tarġiet li jwasslu ħdejh.
32 Meta daħħalni fil-bitħa taʼ ġewwa mil-Lvant, hu kejjel il-bieb u kien l-istess daqs tal-oħrajn. 33 Il-kmamar tal-għassa, il-kolonni tal-ġenb, u l-intrata kienu l-istess daqs bħall-oħrajn. Kien hemm twieqi fuq kull naħa u fl-intrata. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 34 L-intrata tal-bieb kienet faċċata tal-bitħa taʼ barra, u hemmhekk kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq il-ġnub tal-kolonni, u kien hemm tmien tarġiet li jwasslu ħdejh.
35 Imbagħad ħadni fil-bieb tat-Tramuntana u kejlu; kien daqs l-oħrajn. 36 Il-kmamar tal-għassa, il-kolonni tal-ġenb, u l-intrata tiegħu kienu daqs l-oħrajn. Kellu twieqi fuq kull naħa. Il-bieb kien twil 50 kubitu u wiesaʼ 25 kubitu. 37 Il-kolonni tal-ġenb tiegħu kienu jħarsu lejn il-bitħa taʼ barra, u kien hemm siġar tal-palm minquxin fuq iż-żewġ naħat tal-kolonni tal-ġenb, u tmien tarġiet iwasslu ħdejh.
38 Ħdejn il-kolonni tal-bibien kien hemm kamra tal-ikel bid-daħla tagħha, fejn kienu jaħslu l-offerti sħaħ tal-ħruq.
39 Kien hemm żewġ imwejjed fuq kull naħa tal-intrata tal-bieb fejn kienu jinqatlu l-annimali għall-offerti sħaħ tal-ħruq, għall-offerti tad-dnub, u għall-offerti għall-ħtija. 40 Fuq barra, fejn id-daħla tat-Tramuntana, kien hemm żewġ imwejjed. Kien hemm ukoll żewġ imwejjed in-naħa l-oħra tal-intrata tal-bieb. 41 Fuq kull naħa tal-bieb kien hemm erbaʼ mwejjed, b’kollox kien hemm tmien imwejjed, li fuqhom kienu jinqatlu l-annimali għas-sagrifiċċji. 42 L-erbaʼ mwejjed għall-offerti sħaħ tal-ħruq kienu magħmulin minn ġebel maqtugħ bl-għodda. Dawn kienu kubitu u nofs twal, kubitu u nofs wesgħin, u kubitu għoljin. Fuqhom kienu jinżammu l-għodda li kienu jintużaw biex jinqatlu l-annimali għall-offerti tal-ħruq u għas-sagrifiċċji. 43 L-ixkafef, li kienu wisaʼ taʼ id, kienu mwaħħlin mad-dawra kollha taʼ ġewwa tal-ħitan; u l-laħam tal-offerti kien jitpoġġa fuq l-imwejjed.
44 Fuq in-naħa taʼ barra tal-bieb taʼ ġewwa kien hemm il-kmamar tal-ikel għall-kantanti; huma kienu fil-bitħa taʼ ġewwa viċin il-bieb tat-Tramuntana li jħares lejn in-Nofsinhar. U kien hemm kamra tal-ikel oħra li kienet viċin il-bieb tal-Lvant li jħares lejn it-Tramuntana.
45 Hu qalli: “Din il-kamra tal-ikel li tħares lejn in-Nofsinhar hi għall-qassisin li jieħdu ħsieb is-servizzi li jsiru fit-tempju. 46 Il-kamra tal-ikel li tħares lejn it-Tramuntana hi għall-qassisin li jieħdu ħsieb is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mal-artal. Huma t-tfal taʼ Sadok, mil-Leviti li huma inkarigati biex jiġu quddiem Ġeħova biex jagħmlu x-xogħol tiegħu.”
47 Imbagħad kejjel il-bitħa taʼ ġewwa. Din kienet kwadra, twila 100 kubitu u wiesgħa 100 kubitu. L-artal kien quddiem it-tempju.
48 Imbagħad ġabni fl-intrata tat-tempju u kejjel il-kolonni tal-ġenb tal-intrata, u kull kolonna kellha ħames kubiti fuq naħa u ħames kubiti fuq in-naħa l-oħra. U l-wisaʼ tal-bieb kienet tliet kubiti fuq naħa u tliet kubiti fuq in-naħa l-oħra.
49 L-intrata kienet twila 20 kubitu u wiesgħa 11-il kubitu.* In-nies kienu jaslu ħdejha billi jitilgħu t-taraġ. Kien hemm kolonni ħdejn il-pilastri tal-ġenb, waħda fuq kull naħa.