Eżekjel
41 Imbagħad ħadni fil-Qaddis* u kejjel il-kolonni tal-ġenb. Dawn kienu wesgħin sitt kubiti* fuq naħa u sitt kubiti fuq in-naħa l-oħra. 2 Id-daħla kienet wiesgħa għaxar kubiti, u l-ħitan tal-ġnub tad-daħla kienu ħames kubiti fuq naħa u ħames kubiti fuq in-naħa l-oħra. Hu kejjel it-tul tiegħu u kien 40 kubitu, u l-wisaʼ 20 kubitu.
3 Imbagħad hu daħal* u kejjel il-kolonna tal-ġenb tad-daħla, u din kellha ħxuna taʼ żewġ kubiti, u d-daħla kienet wiesgħa sitt kubiti. Il-ħitan tal-ġenb tad-daħla kienu* sebaʼ kubiti. 4 Imbagħad kejjel il-kamra li kienet tħares lejn il-Qaddis, u din kienet twila 20 kubitu u wiesgħa 20 kubitu. Hu qalli: “Din hi l-Iktar Qaddis.”
5 Imbagħad kejjel il-ħajt tat-tempju, u dan kellu ħxuna taʼ sitt kubiti. Il-kmamar tal-ġenb taʼ madwar it-tempju kienu wiesgħa erbaʼ kubiti. 6 Il-kmamar tal-ġenb kienu fuq tliet sulari, wieħed fuq l-ieħor, u kull sular kellu 30 kamra. Il-ħajt tat-tempju kien magħmul b’tali mod li l-kmamar tal-ġenb kellhom fejn iserrħu fuq il-ħajt mingħajr ma kellhom għalfejn iħaffru l-ħitan tat-tempju. Fuq iż-żewġ naħat tat-tempju kien hemm garigor li kien jitwessa’ hu u tielaʼ lejn il-kmamar taʼ fuq. 7 Il-wisaʼ kienet tiżdied minn sular għal sular hekk kif wieħed kien jitlaʼ mis-sular t’isfel għas-sular taʼ fuq nett billi jgħaddi mis-sular tan-nofs.
8 Jien rajt li kien hemm platform għoli mad-dawra kollha tat-tempju, u l-pedamenti tal-kmamar tal-ġenb kienu daqs qasba sħiħa, jiġifieri sitt kubiti, mill-art sal-kantuniera taʼ fuq. 9 Il-ħajt taʼ barra tal-kamra tal-ġenb kellu wisaʼ taʼ ħames kubiti. Kien hemm spazju* miftuħ mal-binja tal-kmamar tal-ġenb li kien parti mit-tempju.
10 Bejn it-tempju u l-kmamar tal-ikel kien hemm parti mhix mibnija li kienet wiesgħa 20 kubitu fuq kull naħa. 11 Kien hemm daħla bejn il-kmamar tal-ġenb u l-ispazju miftuħ fuq in-naħa tat-Tramuntana u daħla oħra fuq in-naħa tan-Nofsinhar. L-ispazju miftuħ kien wiesaʼ ħames kubiti mad-dawra kollha.
12 Il-bini li kien hemm fuq il-Punent li jħares lejn il-parti mhix mibnija kien wiesaʼ 70 kubitu u twil 90 kubitu. Il-ħajt tal-bini kellu ħxuna taʼ ħames kubiti mad-dawra kollha.
13 Hu kejjel it-tempju, u dan kien twil 100 kubitu. It-tul tal-parti mhix mibnija u tal-bini* bil-ħitan tiegħu wkoll kienu 100 kubitu. 14 Il-wisaʼ tal-faċċata tat-tempju li tħares lejn il-Lvant u l-parti mhix mibnija kienu 100 kubitu.
15 Hu kejjel it-tul tal-bini li kien faċċata tal-parti mhix mibnija fuq wara flimkien mal-kurituri fuq żewġ naħat, u kienu 100 kubitu.
Hu kejjel ukoll il-Qaddis, l-Iktar Qaddis, u l-intrati tal-bitħa, 16 kif ukoll l-għetiebi, it-twieqi b’fetħa li tidjieq, u l-kurituri li kienu f’dawn it-tliet naħat. Qrib l-għatba kien hemm pannelli tal-injam mill-art sat-twieqi; u t-twieqi kienu mgħottijin. 17 Hu kejjel kemm kienet kbira l-parti taʼ fuq id-daħla, ġewwa u barra tat-tempju, u l-ħajt sħiħ mad-dawra kollha. 18 Kien hemm kerubini u siġar tal-palm minquxin, b’siġra tal-palm bejn żewġ kerubini u kull kerubin kellu żewġ uċuħ. 19 Il-wiċċ taʼ bniedem kien iħares lejn siġra tal-palm fuq naħa u l-wiċċ taʼ ljun kien iħares lejn is-siġra tal-palm fuq in-naħa l-oħra. Dawn kienu minquxin hekk mat-tempju kollu. 20 Fuq il-ħitan tat-tempju kien hemm minquxin kerubini u siġar tal-palm, mill-art sa fuq id-daħla.
21 Il-koxox tal-bieb* tat-tempju kienu kwadri. Quddiem il-post qaddis kien hemm xi ħaġa bħal 22 artal tal-injam li kien għoli tliet kubiti u twil żewġ kubiti. Dan kellu pilastri fil-kantunieri u l-bażi* u l-ġnub tiegħu kienu magħmulin mill-injam. Imbagħad hu qalli: “Din hi l-mejda li hi quddiem Ġeħova.”
23 Il-Qaddis u l-Iktar Qaddis kellhom żewġ bibien kull wieħed. 24 Kull bieb kellu żewġ bibien u kull bieba kienet tintlewa fi tnejn. 25 Fuq il-bibien tat-tempju kien hemm imnaqqxin kerubini u siġar tal-palm, bħal dawk li kien hemm fuq il-ħitan. Kien hemm ukoll biċċa msaqqfa bl-injam quddiem l-intrata fuq barra. 26 Kien hemm ukoll twieqi b’fetħa li tidjieq u siġar tal-palm imnaqqxin tul iż-żewġ naħat tal-intrata, tul il-ġenb tal-kmamar tat-tempju, u fejn kien hemm imsaqqaf.