Eżekjel
42 Imbagħad ħadni fil-bitħa taʼ barra tan-naħa tat-Tramuntana. Hu ħadni fil-blokka tal-kmamar tal-ikel li kienu ħdejn il-parti mhix mibnija, lejn it-Tramuntana tal-bini li qiegħed wara t-tempju.* 2 Id-daħla lejn it-Tramuntana kienet twila 100 kubitu* u wiesgħa 50 kubitu. 3 Din kienet bejn il-bitħa taʼ ġewwa, li kienet 20 kubitu wiesgħa, u bejn iċ-ċangaturi tal-bitħa taʼ barra. Il-kurituri kienu jħarsu lejn xulxin u kienu fuq tliet sulari. 4 Quddiem il-kmamar tal-ikel kien hemm passaġġ fuq ġewwa wiesaʼ għaxar kubiti u twil 100 kubitu,* u l-entratura tagħhom kienet tħares lejn it-Tramuntana. 5 Il-kmamar tal-ikel taʼ fuq tal-bini kienu idjaq minn dawk tas-sular t’isfel u tas-sular tan-nofs, għax il-kurituri ħadu iktar mill-ispazju tagħhom. 6 Huma kienu fuq tliet sulari, imma ma kellhomx kolonni bħall-kolonni li kien hemm fil-btieħi. Hu għalhekk li ttieħed iktar spazju minnhom milli mis-sular t’isfel u mis-sular tan-nofs.
7 Il-ħajt tal-ġebel taʼ barra qrib il-kmamar tal-ikel li kienu lejn il-bitħa taʼ barra u li kien iħares lejn il-kmamar tal-ikel l-oħrajn kien twil 50 kubitu. 8 It-tul tal-kmamar tal-ikel li kienu jħarsu lejn il-bitħa taʼ barra kien 50 kubitu, imma taʼ dawk li kienu jħarsu lejn it-tempju kien 100 kubitu. 9 Il-kmamar tal-ikel kellhom daħla fuq in-naħa tal-Lvant, li wieħed setaʼ jmur fihom mill-bitħa taʼ barra.
10 Kien hemm ukoll kmamar tal-ikel fuq in-naħa tan-Nofsinhar.* Il-ħajt tal-ġebel tal-bitħa kien fuq in-naħa tal-Lvant tagħhom. Dawn il-kmamar kienu viċin il-parti mhix mibnija u l-bini. 11 Kien hemm passaġġ quddiemhom bħalma kien hemm quddiem il-kmamar tal-ikel tat-Tramuntana. Dawn kellhom l-istess tul u l-istess wisaʼ, u huma kellhom l-istess ħruġ u l-istess pjanti. Id-daħliet tagħhom 12 kienu bħad-daħliet tal-kmamar tal-ikel li kienu lejn in-Nofsinhar. Kien hemm daħla fil-bidu tal-passaġġ maġenb il-ħajt tal-ġebel lejn il-Lvant, minn fejn wieħed setaʼ jidħol.
13 Imbagħad qalli: “Il-kmamar tal-ikel tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar li huma ħdejn il-parti mhix mibnija huma l-kmamar tal-ikel qaddisin, fejn il-qassisin li jaqdu lil Ġeħova jieklu mill-offerti l-iktar qaddisa. Hemmhekk huma jpoġġu l-offerti l-iktar qaddisa, jiġifieri l-offerta taċ-ċereali,* l-offerta għad-dnub, u l-offerta għall-ħtija, għax il-post hu qaddis. 14 Meta jidħlu l-qassisin, huma m’għandhomx joħorġu mill-post qaddis għall-bitħa taʼ barra bil-ħwejjeġ li jkunu qed jaqdu bihom, għax dawn qaddisin. Huma għandhom jilbsu ħwejjeġ oħrajn biex imorru fejn jistgħu joqogħdu n-nies.”
15 Meta lesta milli jkejjel in-naħa taʼ ġewwa tat-tempju, ħariġni mill-bieb li jħares lejn il-Lvant u kejjel id-dawra kollha.
16 Hu kejjel in-naħa tal-Lvant bil-qasba tal-kejl, u min-naħa s’oħra t-tul kien 500 qasba.*
17 Hu kejjel in-naħa tat-Tramuntana bil-qasba tal-kejl, u t-tul kien 500 qasba.
18 Hu kejjel in-naħa tan-Nofsinhar bil-qasba tal-kejl, u t-tul kien 500 qasba.
19 Hu dar lejn in-naħa tal-Punent u kejjel bil-qasba tal-kejl, u t-tul kien 500 qasba.
20 Hu kejjel l-erbaʼ naħat. Kien hemm ħajt mad-dawra kollha, li kull naħa kienet twila 500 qasba, biex jifred dak li hu qaddis minn dak li mhux.