Eżekjel
44 U reġaʼ ħadni lejn il-bieb taʼ barra tas-santwarju li jħares lejn il-Lvant, u kien magħluq. 2 Imbagħad Ġeħova qalli: “Dan il-bieb għandu jibqaʼ magħluq. Ħadd m’għandu jiftħu, u l-ebda bniedem m’għandu jidħol minnu; għax jien Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, dħalt minnu, u għalhekk li għandu jibqaʼ magħluq. 3 Madankollu, il-kap se joqgħod bilqiegħda fil-bieb u jiekol il-ħobż quddiemi, Ġeħova, għax hu kap. Hu se jidħol mill-intrata tal-bieb u joħroġ minnha.”
4 Imbagħad ħadni mill-bieb tat-Tramuntana għal quddiem it-tempju. Meta ħarist, jien rajt li l-glorja taʼ Ġeħova kienet imliet it-tempju taʼ Ġeħova. Għalhekk, inżilt wiċċi mal-art. 5 Imbagħad Ġeħova qalli: “Bin il-bniedem, oqgħod attent, ara, u ismaʼ sew dak kollu li ngħidlek dwar ir-regoli u l-liġijiet tat-tempju tiegħi, Ġeħova. Oqgħod attent għad-daħla tat-tempju u għall-ħruġ kollu tas-santwarju. 6 Int għandek tgħid lill-poplu ribelluż t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Poplu t’Iżrael, għamiltu biżżejjed affarijiet moqżieża. 7 Meta fis-santwarju tiegħi ddaħħlu l-barranin li għandhom qalbhom mhux nadifa* u li mhumiex ċirkonċiżi, huma jiddiżonoraw it-tempju tiegħi. Intom tippreżentaw l-ikel tiegħi, jiġifieri x-xaħam u d-demm, waqt li qed tiksru l-patt tiegħi minħabba l-affarijiet moqżieża kollha tagħkom. 8 Intom ma ħadtux ħsieb l-affarijiet qaddisin tiegħi. Minflok, inkarigajtu lil oħrajn biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet fis-santwarju tiegħi.”’
9 “‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “L-ebda barrani li jgħix f’Iżrael li għandu qalbu mhux nadifa u li mhux ċirkonċiż ma jistaʼ jidħol fis-santwarju tiegħi.”’
10 “‘Imma l-Leviti li tbiegħdu ħafna minni meta l-poplu t’Iżrael tbiegħed minni minħabba l-idoli moqżieża* tagħhom, se jbatu l-konsegwenzi tad-dnubiet tagħhom. 11 U huma se jibdew jaqdu lili fis-santwarju tiegħi. Huma se jieħdu ħsieb il-bibien tat-tempju u jaqdu fit-tempju. Huma joqtlu l-annimali għall-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċju għan-nies, u joqogħdu quddiemhom biex jaqduhom. 12 Jien għollejt idejja kontrihom biex naħlef minħabba li qdew lin-nies li kienu qed iqimu l-idoli moqżieża tagħhom u minħabba li saru ostaklu u ġiegħlu l-poplu t’Iżrael jidneb,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘u huma se jbatu l-konsegwenzi tad-dnubiet tagħhom. 13 Huma mhux se jitħallew jersqu lejja biex jaqdu bħala l-qassisin tiegħi, jew jersqu lejn l-affarijiet qaddisa jew l-iktar affarijiet qaddisa tiegħi, u huma se jkollhom jistħu minħabba l-affarijiet moqżieża li għamlu. 14 Imma r-responsabbiltajiet tat-tempju se nagħtihom lilhom, biex jieħdu ħsieb is-servizz tiegħu u l-affarijiet kollha li jridu jsiru fih.’
15 “‘U l-qassisin Leviti, it-tfal taʼ Sadok, li kienu jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tas-santwarju tiegħi meta l-Iżraelin tbiegħdu minni, se jersqu lejja biex jaqduni, u se joqogħdu quddiemi biex joffruli x-xaħam u d-demm,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 16 ‘Huma l-uħud li se jidħlu fis-santwarju tiegħi, se jersqu lejn il-mejda tiegħi biex jaqduni, u se jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom biex jaqduni.
17 “‘Meta jidħlu fil-bibien tal-bitħa taʼ ġewwa, huma għandhom jilbsu ħwejjeġ tal-għażel. M’għandhomx jilbsu ħwejjeġ tas-suf meta jkunu qed jaqdu fil-bibien tal-bitħa taʼ ġewwa jew fiha. 18 Huma għandhom jilbsu turban tal-għażel fuq rashom, u qliezet qosra tal-għażel biex jgħattu ġenbejhom. M’għandhomx jilbsu ħwejjeġ li jġegħluhom jogħrqu. 19 Qabel joħorġu fil-bitħa taʼ barra, fejn ikun hemm in-nies, huma għandhom ineħħu l-ħwejjeġ li jkunu qed jaqdu bihom u jpoġġuhom fil-kmamar tal-ikel qaddisin. Imbagħad huma għandhom jilbsu ħwejjeġ oħrajn, biex b’hekk ma jqaddsux lin-nies bil-ħwejjeġ tagħhom. 20 Huma m’għandhomx iqaxxru xagħarhom jew iħalluh jitwal. Huma għandhom jaqtgħu xagħarhom. 21 Il-qassisin m’għandhomx jixorbu nbid meta jidħlu fil-bitħa taʼ ġewwa. 22 Huma m’għandhomx jiżżewġu armla jew mara divorzjata, imma jistgħu jiżżewġu verġni min-nies t’Iżrael jew armla taʼ qassis.’
23 “‘Huma għandhom jgħallmu lill-poplu tiegħi d-differenza bejn dak li hu qaddis u dak li hu komuni; u jgħallmuhom id-differenza bejn x’inhu nadif u x’mhuwiex. 24 Huma għandhom jagħmluha taʼ mħallfin f’każ legali; huma għandhom jiġġudikaw fi qbil mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi. Għandhom iżommu mal-liġijiet u r-regoli tiegħi dwar il-festi kollha tiegħi u jqaddsu l-liġi tiegħi dwar is-Sabat. 25 Huma m’għandhomx jersqu lejn persuna mejta, għax inkella ma jibqgħux nodfa. Imma huma jistgħu jsiru mhux nodfa għal missierhom, għal ommhom, għat-tifel tagħhom, għat-tifla tagħhom, għal ħuhom, jew għal oħthom li ma tkunx miżżewġa. 26 U wara l-purifikazzjoni taʼ qassis, hu għandu jistenna sebat ijiem. 27 Dakinhar li jidħol fil-bitħa taʼ ġewwa biex jaqdi fil-post qaddis, hu għandu jippreżenta l-offerta tad-dnub tiegħu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
28 “‘U dan se jkun il-wirt tagħhom: Jien il-wirt tagħhom. Intom m’għandkomx tagħtuhom art f’Iżrael, għax jien il-wirt tagħhom. 29 Huma se jkunu dawk li jieklu l-offerta taċ-ċereali,* l-offerta għad-dnub, u l-offerta għall-ħtija. U kull ħaġa ddedikata lil Alla f’Iżrael se ssir tagħhom. 30 L-aqwa minn kull l-ewwel prodott tal-art tagħkom u kull tip taʼ kontribuzzjoni li tagħtu ssir tal-qassisin. U intom għandkom tagħtu l-ewwel dqiq mhux irfinut lill-qassis. Minħabba li tagħmlu hekk, dawk li jgħixu fid-dar tagħkom se jkunu mberkin. 31 Il-qassisin m’għandhom jieklu l-ebda għasfur jew annimal li jkun instab mejjet jew li jkun tqattaʼ biċċiet minn annimal ieħor.’