Eżekjel
45 “‘Meta tqassmu l-art bħala wirt, għandkom toffru lil Ġeħova parti mill-art bħala kontribuzzjoni. Din il-parti se tkun qaddisa. It-tul tagħha għandu jkun 25,000 kubitu* u l-wisaʼ tagħha 10,000 kubitu. Din il-parti kollha* se tkun sehem qaddis. 2 Minnha għandha titħalla parti kwadra għall-post qaddis li tkun 500 kubitu b’500 kubitu,* u din għandu jkollha 50 kubitu fuq kull naħa fejn jirgħaw l-annimali. 3 Għandek tkejjel tul taʼ 25,000 u wisaʼ t’10,000, u fih ikun hemm is-santwarju, xi ħaġa mill-iktar qaddisa. 4 Dan is-sehem qaddis mill-art se jkun għall-qassisin, il-ministri tas-santwarju, li jersqu lejn Ġeħova biex jaqduh. Se jkun post għad-djar tagħhom u post qaddis għas-santwarju.
5 “‘Għal-Leviti, il-ministri tat-tempju, se jkun hemm biċċa art twila 25,000 kubitu u wiesgħa 10,000 kubitu, u se jkollhom 20 kamra tal-ikel.
6 “‘Lill-belt għandkom tagħtuha biċċa art li hi twila 25,000 kubitu (li hi daqs il-kontribuzzjoni qaddisa) u wiesgħa 5,000 kubitu. Din se tkun għall-poplu kollu t’Iżrael.
7 “‘U għall-kap se jkun hemm parti mill-art fuq iż-żewġ naħat tal-kontribuzzjoni qaddisa u tal-parti li tingħata lill-belt. Din se tkun ħdejn il-kontribuzzjoni qaddisa u l-art li tingħata lill-belt. Se tkun fuq in-naħa tal-Punent u fuq in-naħa tal-Lvant. It-tul tagħha mill-fruntiera tal-Punent sal-fruntiera tal-Lvant se jkun daqs sehem taʼ tribù. 8 L-art se ssir tiegħu f’Iżrael. Il-kapijiet tiegħi mhux se jibqgħu jittrattaw ħażin lill-poplu tiegħi, u huma se jagħtu l-art lill-poplu t’Iżrael skont it-tribujiet tagħhom.’
9 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Kapijiet t’Iżrael, għamiltu biżżejjed!’
“‘Waqqfu l-vjolenza u l-moħqrija tagħkom, u agħmlu dak li hu ġust u sewwa. Tkomplux taħtfu l-propjetà tal-poplu tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 10 ‘Għandkom tużaw miżien eżatt, kejl taʼ efa* eżatt, u kejl taʼ bat* eżatt. 11 Għandu jkun hemm kejl fiss biex tkejlu l-efa u l-bat. Il-bat għandu jesaʼ għaxra fil-100 taʼ ħomer* u l-efa għandha tesaʼ għaxra fil-100 taʼ ħomer. Il-kejl għandu jkun stabbilit fuq il-ħomer. 12 Ix-xekel* hu 20 gera.* U 20 xekel maʼ 25 xekel u 15-il xekel jagħmlu mane.’*
13 “‘Il-kontribuzzjoni li għandkom toffru għandha tkun hekk: parti minn sitta t’efa minn kull ħomer tal-qamħ u parti minn sitta t’efa minn kull ħomer tax-xgħir.* 14 L-ammont taż-żejt għandu jkun ibbażat fuq il-kejl tal-bat. Il-bat hu għaxra fil-100 taʼ kor,* għax għaxar batiet huma ħomer. 15 Mill-imrieħel tan-nagħaġ t’Iżrael għandha tingħata nagħġa minn kull 200. Dawn kollha jkunu għall-offerti taċ-ċereali,* għall-offerti sħaħ tal-ħruq, u għas-sagrifiċċji tal-paċi biex issir tpattija għall-poplu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
16 “‘In-nies kollha tal-pajjiż se jagħtu din il-kontribuzzjoni lill-kap t’Iżrael. 17 Imma l-kap se jkun responsabbli għall-offerti sħaħ tal-ħruq, l-offerti taċ-ċereali, u l-offerti tax-xorb matul il-festi, kull qamar ġdid, u kull Sabat. Iva, għall-festi kollha tal-poplu t’Iżrael. Hu jkun il-wieħed li jipprovdi l-offerta għad-dnub, l-offerta taċ-ċereali, l-offerta sħiħa tal-ħruq, u s-sagrifiċċji tal-paċi biex jagħmel tpattija għall-poplu t’Iżrael.’
18 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, mill-merħla għandek tieħu barri żgħir bla difett u tippurifika s-santwarju mid-dnub. 19 Il-qassis se jieħu ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub u jqiegħdu fuq il-koxxa tal-bieb tat-tempju, fuq l-erbaʼ kantunieri tal-wiċċ tal-artal, u fuq il-koxxa tal-bieb tal-bitħa taʼ ġewwa. 20 Għandek tagħmel l-istess fis-sebaʼ jum tax-xahar għal kull min jidneb bi żball jew mingħajr ma jaf; intom għandkom tagħmlu tpattija għat-tempju.
21 “‘Fl-14-il jum tal-ewwel xahar, intom għandkom tagħmlu l-festa tal-Qbiż. Għandkom tieklu ħobż bla ħmira għal sebat ijiem. 22 Dakinhar, il-kap se jipprovdi barri żgħir bħala offerta għad-dnub għalih u għan-nies kollha tal-pajjiż. 23 Kull jum, għas-sebat ijiem tal-festa, hu għandu jipprovdi sebaʼ barrin żgħar u sebaʼ mtaten bla difett bħala offerta sħiħa tal-ħruq lil Ġeħova, kif ukoll bodbod bħala offerta għad-dnub. 24 Għandu jipprovdi wkoll efa għal kull barri żgħir u efa għal kull muntun, kif ukoll ħinn* żejt għal kull efa bħala offerta taċ-ċereali.
25 “‘Fil-15-il jum tas-sebaʼ xahar, għas-sebat ijiem matul il-festa, hu għandu jipprovdi l-istess għall-offerta għad-dnub, l-offerta sħiħa tal-ħruq, l-offerta taċ-ċereali, u ż-żejt.’”