Eżekjel
46 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* ‘Il-bieb tal-bitħa taʼ ġewwa li jħares lejn il-Lvant għandu jibqaʼ magħluq għas-sitt ġranet li jsir ix-xogħol fihom, imma għandu jinfetaħ fis-Sabat u meta jkun qamar ġdid. 2 Il-kap jidħol minn barra mill-intrata tal-bieb u għandu jieqaf ħdejn il-koxxa tal-bieb. Il-qassisin se joffru l-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi tiegħu, u hu jmil ħdejn l-għatba tal-bieb u mbagħad jitlaq. Imma l-bieb għandu jibqaʼ miftuħ sa filgħaxija. 3 In-nies tal-pajjiż ukoll għandhom imilu quddiem Ġeħova fid-daħla tal-bieb f’kull Sabat u f’kull qamar ġdid.
4 “‘L-offerta sħiħa tal-ħruq li jippreżenta l-kap lil Ġeħova fis-Sabat għandha tkun sitt iħrief bla difett u muntun bla difett. 5 L-offerta taċ-ċereali* għandha tkun efa* għall-muntun u kulma jkun jistaʼ jagħti għall-ħrief, flimkien maʼ ħinn* żejt għal kull efa. 6 Meta jkun qamar ġdid, l-offerta għandha tkun barri żgħir, sitt iħrief, u muntun; u dawn għandhom ikunu bla difett. 7 Hu għandu joffri bħala offerta taċ-ċereali: efa għall-barri żgħir, efa għall-muntun, u kulma jkun jistaʼ jagħti għall-ħrief. U għandu joffri wkoll ħinn żejt maʼ kull efa.
8 “‘Meta l-kap jidħol, hu għandu jidħol mill-intrata tal-bieb u għandu joħroġ minn hemm ukoll. 9 Meta n-nies tal-pajjiż jidħlu quddiem Ġeħova matul il-festi, dawk li jidħlu biex jagħtu qima mill-bieb tat-Tramuntana għandhom joħorġu mill-bieb tan-Nofsinhar, u dawk li jidħlu mill-bieb tan-Nofsinhar għandhom joħorġu mill-bieb tat-Tramuntana. Ħadd m’għandu joħroġ mill-bieb li jkun daħal minnu, imma għandhom joħorġu mill-bieb li jkun in-naħa l-oħra. 10 Il-kap għandu jkun fosthom u għandu jidħol meta jidħlu huma u għandu joħroġ meta joħorġu huma. 11 Matul il-festi u l-istaġuni tal-festi, l-offerta taċ-ċereali għandha tkun efa għall-barri żgħir, efa għall-muntun, u kulma jistaʼ jagħti għall-ħrief flimkien maʼ ħinn żejt għal kull efa.
12 “‘Jekk il-kap jipprovdi offerta sħiħa tal-ħruq jew sagrifiċċji tal-paċi bħala offerta volontarja lil Ġeħova, għandhom jiftħulu l-bieb li jħares lejn il-Lvant, u hu jipprovdi l-offerta sħiħa tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi bħalma jagħmel f’jum is-Sabat. Wara li joħroġ, il-bieb għandu jingħalaq warajh.
13 “‘Kull jum, għandek tipprovdi ħaruf bla difett fl-ewwel sena tiegħu bħala offerta sħiħa tal-ħruq lil Ġeħova. Għandek tagħmel dan kull filgħodu. 14 Iktar minn hekk, kull filgħodu għandek tipprovdi bħala offerta taċ-ċereali parti minn sitta taʼ efa flimkien maʼ terz ħinn żejt biex jitraxxax fuq id-dqiq fin. Din se tkun offerta regolari taċ-ċereali lil Ġeħova. Din hi liġi li tibqaʼ għal żmien twil. 15 Kull filgħodu, bħala offerta sħiħa tal-ħruq għandhom jiġu pprovduti ħaruf, l-offerta taċ-ċereali, u ż-żejt.’
16 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Jekk il-kap jagħti art bħala rigal lil kull wieħed mit-tfal tiegħu bħala wirt, l-art issir tat-tfal tiegħu. Din tkun tagħhom bħala wirt. 17 Imma jekk jagħti bħala rigal art mill-wirt tiegħu lil wieħed mill-qaddejja tiegħu, din tibqaʼ tal-qaddej sas-sena tal-libertà; imbagħad terġaʼ tingħata lura lill-kap. Il-wirt li jagħti lit-tfal tiegħu biss jibqaʼ tagħhom. 18 Il-kap m’għandu jieħu xejn mill-wirt tal-poplu billi jkeċċihom mill-propjetà tagħhom. Lit-tfal tiegħu għandu jagħtihom wirt mill-propjetà tiegħu biss, ħalli ħadd mill-poplu tiegħi ma jiġi mkeċċi mill-propjetà tiegħu.’”
19 Imbagħad ġabni fid-daħla li kienet ħdejn il-bieb li jieħu għall-kmamar tal-ikel qaddisin tal-qassisin, li kienu jħarsu lejn it-Tramuntana, u hemmhekk rajt post fuq in-naħa taʼ wara lejn il-Punent. 20 Imbagħad qalli: “Dan hu l-post fejn il-qassisin se jgħallu l-offerta għall-ħtija u l-offerta għad-dnub, u fejn se jaħmu l-offerta taċ-ċereali, ħalli b’hekk ma joħorġu xejn fil-bitħa taʼ barra u jgħaddu l-qdusija lin-nies.”
21 U ħariġni fil-bitħa taʼ barra u għaddieni mill-erbaʼ kantuniera tal-bitħa, u jien rajt bitħa ħdejn kull kantuniera tal-bitħa taʼ barra. 22 Ħdejn l-erbaʼ kantunieri tal-bitħa kien hemm btieħi żgħar, twal 40 kubitu* u wesgħin 30 kubitu. L-erbgħa li huma kienu tal-istess daqs.* 23 Kien hemm ringieli mad-dawra kollha tal-erbgħa li huma, u taħt ir-ringieli kien hemm fejn jgħallu l-offerti. 24 Imbagħad qalli: “Dawn huma d-djar fejn il-qaddejja tat-tempju jgħallu s-sagrifiċċju tan-nies.”