Eżekjel
7 Erġajt irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* lill-pajjiż t’Iżrael, ‘Wasal it-tmiem, it-tmiem wasal fuq l-erbaʼ kantunieri tal-pajjiż. 3 Wasal it-tmiem fuqek, u jien se nisfoga r-rabja tiegħi miegħek, se niġġudikak skont kif qed iġġib ruħek, u se nitlob kont minnek għall-affarijiet moqżieża kollha li għamilt. 4 Jien mhux se nitħassrek u lanqas nurik ħniena, għax se nġiegħlek tħallas għal kif iġġib ruħek, u se tbati l-konsegwenzi għall-affarijiet moqżieża li għamilt. U se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’
5 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Ġej diżastru, diżastru li qatt ma kien hawn bħalu. 6 Ġej it-tmiem. It-tmiem ġej u dan se jiġi fuqek f’daqqa waħda. Ara, ġej! 7 Int imissek,* int li tgħix fil-pajjiż. Daqt wasal iż-żmien, il-ġurnata qorbot. Fuq il-muntanji hemm konfużjoni, u mhux għajjat taʼ ferħ.
8 “‘Dalwaqt se nirrabja ħafna miegħek, u se nisfoga għalkollox ir-rabja tiegħi miegħek, se niġġudikak skont kif qed iġġib ruħek, u se nitlob kont minnek għall-affarijiet moqżieża kollha li għamilt. 9 Jien mhux se nitħassrek u lanqas nurik ħniena. Se nġiegħlek tħallas għal kif iġġib ruħek, u se tbati l-konsegwenzi għall-affarijiet moqżieża li għamilt. U se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, qed nikkastigakom.
10 “‘Il-ġurnata ġejja! Hi viċin! Int imissek;* il-bastun biex nikkastigak lest biex nużah, u l-kburija tal-għadu żdiedet. 11 Il-vjolenza kibret f’bastun biex jikkastiga l-ħażen. La int u lanqas in-nies tiegħek mhu se ssalvaw. Il-ġid u l-fama tiegħek se jispiċċaw fix-xejn. 12 Iż-żmien ġej, il-ġurnata se tasal. Ħa ma jifraħx dak li qed jixtri, u ħa ma jkunx imdejjaq dak li qed ibigħ, għax jien se nirrabja ħafna magħhom kollha.* 13 Għax min qed ibigħ mhux se jmur lura għall-propjetà li biegħ, anki jekk ikun għadu ħaj, għax il-viżjoni hi kontrihom kollha. Ħadd mhu se jmur lura, u ħadd mhu se jsalva ħajtu minħabba li aġixxa ħażin.
14 “‘Huma daqqew it-trumbetta, u kulħadd lest għall-battalja, imma ħadd mhu sejjer, għax jien irrabjat ħafna magħhom kollha. 15 Barra l-belt hemm ix-xabla, u ġewwa hemm il-mard* u l-ġuħ. Kull min hu fl-għelieqi se jmut bix-xabla, u kull min hu fil-belt se jmut bil-ġuħ u bil-mard. 16 Dawk li se jirnexxilhom jibqgħu ħajjin se jaħarbu lejn il-muntanji, u kull wieħed minnhom se jgerger minħabba l-iżbalji tiegħu bħall-ħamiem tal-widien. 17 Idejhom bla saħħa u rkopptejhom qed iqattru l-ilma.* 18 Huma libsu l-ħwejjeġ tal-ixkora u qabdithom* rogħda kbira. Kollha kemm huma se jiġu umiljati u jkunu bil-qargħa.*
19 “Huma se jarmu l-fidda tagħhom fit-toroq, u d-deheb tagħhom se jsir bħal xi ħaġa diżgustanti għalihom. La l-fidda u lanqas id-deheb mhu se jsalvawhom fil-ġurnata li se jkun irrabjat ħafna Ġeħova. La se jixbgħu* u lanqas se jimlew żaqqhom, għax dawn* saru ostakli li jġegħluhom jiżbaljaw. 20 Huma kienu jitkabbru bis-sbuħija tat-tiżjin tagħhom, u bihom* għamlu l-istatwi moqżieża tagħhom, jiġifieri l-idoli diżgustanti tagħhom. Hu għalhekk li se nġegħelhom jobogħduhom dawn l-affarijiet. 21 Jien se nagħtihom f’idejn il-barranin biex jisirquhom u f’idejn il-ħżiena tal-art biex jiħduhom, u huma se jiddiżonoraw dawn l-affarijiet.
22 “‘Jien se nagħtihom* dahri, u huma* se jiddiżonoraw il-post moħbi tiegħi,* u l-ħallelin se jidħlu u jiddiżonorawh.
23 “‘Agħmel katina,* għax il-pajjiż mimli b’nies li nqatlu minħabba li ġew iġġudikati b’mod inġust u l-belt mimlija bil-vjolenza. 24 Jien se nġib l-agħar nies mill-popli, u huma se jiħdulhom djarhom, u jien se nġib fix-xejn il-kburija taʼ dawk b’saħħithom, u s-santwarji tagħhom se jiġu ddiżonorati. 25 Meta se jħossu wġigħ kbir, huma se jfittxu l-paċi, imma mhux se jsibuha. 26 Se jkollhom diżastru wara ieħor, se jisimgħu aħbar wara oħra, u għalxejn li se jfittxu viżjoni mingħand profeta. Il-liġi* li jgħallmu l-qassisin u l-pariri tal-anzjani* mhux se jkunu taʼ benefiċċju. 27 Ir-re se jkun imdejjaq ħafna, il-kap se jkun iddisprat, u l-idejn tan-nies fil-pajjiż se jitriegħdu bil-biżaʼ. Jien se nittrattahom skont kif iġibu ruħhom u se niġġudikahom skont kif iġġudikaw. U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova.’”