Eżekjel
8 Il-qawwa taʼ Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* bdiet taħdem fuqi fil-ħames jum tas-sitt xahar tas-sitt sena,* waqt li jien kont bilqiegħda fid-dar tiegħi mal-anzjani* taʼ Ġuda. 2 Hekk kif ħarist, rajt forma taʼ raġel jixbah id-dehra tan-nar. Kien hemm in-nar taħt dak li deher qisu qaddu, u d-dehra tiegħu minn qaddu ’l fuq kienet tiddi, bħalma jleqq il-metall imħallat bid-deheb u l-fidda. 3 Imbagħad hu donnu ħareġ idu u qabadni minn troffa xagħar, u permezz taʼ viżjonijiet minn Alla, spirtu* ġarrni fis-sema u ħadni Ġerusalemm fid-daħla tal-bieb taʼ ġewwa li jħares lejn it-Tramuntana, fejn kien hemm is-simbolu* idolatruż tal-għira li kien iqanqal lil Alla biex jirrabja.* 4 U kien hemm il-glorja tal-Alla t’Iżrael, bħad-dehra li kont rajt fil-pjanura tal-wied.
5 Imbagħad qalli: “Bin il-bniedem, jekk jogħġbok, ħares lejn it-Tramuntana.” Allura jien ħarist lejn it-Tramuntana, u hemmhekk, lejn it-Tramuntana tal-bieb tal-artal, fid-daħla, kien hemm dan is-simbolu* tal-għira. 6 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qiegħed tara l-affarijiet mill-agħar u moqżieża li qed jagħmel il-poplu t’Iżrael hawnhekk, affarijiet li jġegħluni mmur ’il bogħod ħafna mis-santwarju tiegħi? Imma int se tara affarijiet li huma saħansitra iktar moqżieża minn dawn.”
7 Imbagħad ħadni fid-daħla tal-bitħa, u meta ħarist kien hemm toqba fil-ħajt. 8 Hu qalli: “Bin il-bniedem, jekk jogħġbok, kabbar it-toqba li hemm fil-ħajt.” U jien hekk għamilt, u rajt daħla. 9 Hu qalli: “Idħol u ara l-affarijiet ħżiena u moqżieża li qed jagħmlu hawnhekk.” 10 Għalhekk, dħalt u rajt kull tip taʼ statwa taʼ ħlejjaq li jitkaxkru u taʼ bhejjem moqżieża, u l-idoli diżgustanti* kollha tal-poplu t’Iżrael. Dawn kienu minquxin fuq il-ħajt mad-dawra kollha. 11 U 70 mill-anzjani tal-poplu t’Iżrael kienu quddiemhom, u wieqaf f’nofshom kien hemm Ġagħżanija bin Safan. Kull wieħed kellu inċensier f’idu, u kienet tielgħa sħaba tal-inċens ifuħ. 12 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qed tara x’qed jagħmlu l-anzjani tal-poplu t’Iżrael fid-dlam, kull wieħed fil-kmamar taʼ ġewwa fejn għandu l-idoli* tiegħu? Għax huma qed jgħidu, ‘Ġeħova mhux qed jarana. Ġeħova telaq il-pajjiż.’”
13 Hu kompla jgħidli: “Int se tara li huma qed jagħmlu affarijiet saħansitra iktar moqżieża minn hekk.” 14 Allura ħadni fid-daħla tal-bieb tat-Tramuntana tat-tempju taʼ Ġeħova, u hemmhekk rajt nisa bilqiegħda jibku lill-alla Tammuż.
15 Hu kompla jgħidli: “Qed tara x’qed jagħmlu, bin il-bniedem? Int se tara affarijiet saħansitra iktar moqżieża minn dawn.” 16 Allura ħadni fil-bitħa taʼ ġewwa tad-dar taʼ Ġeħova. Hemmhekk fid-daħla tat-tempju taʼ Ġeħova, bejn l-intrata u l-artal, kien hemm madwar 25 raġel b’daharhom lejn it-tempju taʼ Ġeħova u wiċċhom lejn il-Lvant. Huma kienu qed imilu lejn ix-xemx.
17 Hu qalli: “Bin il-bniedem, qed tara x’inhuma jagħmlu? Jaqaw hi xi ħaġa żgħira li l-poplu taʼ Ġuda qed jagħmlu dawn l-affarijiet moqżieża, jimlew il-pajjiż bil-vjolenza, u jkomplu joffenduni? Huma qed jgħollu l-fergħa* maʼ mnieħri. 18 Allura jien se naġixxi b’rabja kbira. M’iniex se nitħassarhom u lanqas nurihom ħniena. Lanqas jekk jgħajtuli b’leħen għoli, m’iniex se nismagħhom.”