Eżekjel
9 Imbagħad smajtu jgħidli b’leħen għoli: “Ħa jiġu dawk li se jikkastigaw il-belt, kull wieħed bl-arma tiegħu f’idu biex jeqred!”
2 Jien rajt sitt irġiel ġejjin min-naħa tal-bieb taʼ fuq li jħares lejn it-Tramuntana. Kull wieħed kellu f’idu l-arma tiegħu biex ifarrak biha. Fosthom kien hemm raġel li kien liebes ħwejjeġ tal-għażel u fuq ġenbu kellu kaxxa tas-segretarju,* u huma daħlu u qagħdu ħdejn l-artal tar-ram.
3 Imbagħad il-glorja tal-Alla t’Iżrael għoliet minn fuq il-kerubini minn fejn kienet u marret lejn l-għatba tal-bieb tat-tempju. U Alla beda jgħajjat lir-raġel li kien liebes il-ħwejjeġ tal-għażel u li maʼ qaddu kellu l-kaxxa tas-segretarju. 4 Ġeħova qallu: “Għaddi mill-belt, minn Ġerusalemm, u agħmel marka fuq moħħ dawk li qed ibatu u huma mdejqin minħabba l-affarijiet moqżieża li qed isiru fil-belt.”
5 U lill-oħrajn smajtu jgħidilhom: “Għaddu mill-belt warajh u oqtlu. Titħassruhomx u turuhomx ħniena. 6 Għandkom toqtlu u teqirdu għalkollox lill-irġiel xjuħ, il-ġuvintur, it-tfajliet, it-tfal żgħar, u n-nisa. Imma toqtlu lil ħadd li jkollu l-marka. Għandkom tibdew mis-santwarju tiegħi.” Allura bdew mill-anzjani li kienu quddiem it-tempju. 7 Imbagħad qalilhom: “Niġġsu t-tempju u imlew il-btieħi b’dawk maqtulin. Morru!” Għalhekk, huma marru u qatlu n-nies fil-belt.
8 Waqt li kienu qed joqtluhom, jien biss bqajt ħaj. Imbagħad inżilt wiċċi mal-art u għajjatt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox,* jaqaw se teqred lil dawk kollha li fadal minn Iżrael waqt li turi r-rabja kbira tiegħek maʼ Ġerusalemm?”
9 Għalhekk qalli: “L-iżball tal-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda hu kbir, kbir ħafna. Il-pajjiż hu mimli bit-tixrid taʼ demm u l-belt hi mimlija bil-korruzzjoni. Għax huma qalu, ‘Ġeħova telaq il-pajjiż, u Ġeħova mhux qed jarana.’ 10 Imma jien mhux se nitħassarhom u lanqas nurihom ħniena. Se nġib fuqhom stess il-konsegwenzi taʼ kif aġixxew.”
11 Imbagħad ir-raġel li kien liebes il-ħwejjeġ tal-għażel u li kellu l-kaxxa tas-segretarju maʼ qaddu ġie lura, u qallu: “Jien għamilt bħalma kkmandajtni.”