Eżekjel
14 Xi anzjani* minn Iżrael ġew u poġġew quddiemi. 2 Imbagħad irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 3 “Bin il-bniedem, dawn l-irġiel huma determinati li jqimu l-idoli moqżieża* tagħhom. Huma qed jagħmlu ostakli biex iġiegħlu lin-nies jidinbu. Għandi jien inwiġibhom meta jistaqsu għall-gwida tiegħi? 4 Issa għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Jekk Iżraeli hu determinat li jqim l-idoli moqżieża tiegħu u jagħmel ostakli biex iġiegħel in-nies jidinbu u mbagħad imur ifittex il-gwida mingħand profeta, jien, Ġeħova, se nikkastigah kif jistħoqqlu għall-ħafna idoli moqżieża li għandu. 5 Jien se nġiegħel lill-poplu t’Iżrael jitwerwru* minħabba li telquni u marru jqimu l-idoli moqżieża tagħhom.”’
6 “Allura għid lill-poplu t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Ejjew lura u tibqgħux tqimu l-idoli moqżieża tagħkom u tibqgħux tagħmlu l-affarijiet diżgustanti kollha tagħkom. 7 Għax jekk ikun hemm Iżraeli jew barrani li jgħix f’Iżrael li jitlaqni, ikun determinat li jqim l-idoli moqżieża tiegħu, u jagħmel ostaklu għan-nies biex jidinbu u mbagħad ifittex il-gwida mingħand il-profeta tiegħi, jien, Ġeħova, jien stess nikkastigah. 8 Jien se niħodha kontrih, nagħmlu eżempju taʼ twissija, inġiegħlu jiġi mwaqqaʼ għaċ-ċajt, u noqtlu; u se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.”’
9 “‘Imma jekk il-profeta jiġi mqarraq u jagħti tweġiba, inkun jien, Ġeħova, li qarraqt b’dak il-profeta. Imbagħad jien se nuża l-qawwa tiegħi biex nikkastigah u neqirdu għalkollox mill-poplu tiegħi Iżrael. 10 Huma se jkollhom ibatu l-konsegwenzi tad-dnub tagħhom. Il-ħtija taʼ dak li jfittex il-gwida se tkun l-istess bħall-ħtija tal-profeta, 11 ħalli l-poplu t’Iżrael ma jibqgħux jitbiegħdu minni u jniġġsu lilhom infushom bid-dnubiet kollha tagħhom. U huma jkunu l-poplu tiegħi u jien inkun l-Alla tagħhom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
12 Imbagħad irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 13 “Bin il-bniedem, jekk xi nies f’pajjiż jaġixxu b’nuqqas taʼ lealtà, jien nuża l-qawwa tiegħi kontrihom u neqred il-provvista tal-ikel tagħhom,* nibgħat il-ġuħ fil-pajjiż, u noqtol kemm nies u kemm annimali minn ġo fih.” 14 “‘Anki kieku f’dak il-pajjiż ikun hemm Noè, Danjel, u Ġob, bil-ġustizzja tagħhom, dawn it-tlett irġiel lilhom infushom biss jirnexxilhom isalvaw,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
15 “‘Jew ejja ngħidu li nġiegħel annimali feroċi jgħaddu mill-pajjiż u jnaqqsu l-popolazzjoni tiegħu* u nagħmlu post abbandunat mingħajr ħadd ma jgħaddi minnu minħabba l-annimali slavaġ.’ 16 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li kieku kien hemm dawn it-tlett irġiel fih, la s-subien u lanqas il-bniet tagħhom ma kienu jsalvaw; lilhom infushom biss kien jirnexxilhom isalvaw, u l-art issir abbandunata.’”
17 “‘Jew ejja ngħidu li nġib ix-xabla kontra l-pajjiż, u ngħid: “Ħa tgħaddi x-xabla mill-pajjiż,” u noqtol in-nies u l-annimali. 18 Anki kieku dawn it-tlett irġiel kienu fih, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li la s-subien u lanqas il-bniet tagħhom ma kien jirnexxilhom isalvaw; lilhom infushom biss isalvaw.’”
19 “‘Jew ejja ngħidu li nġib il-mard* fil-pajjiż u nuri r-rabja kbira tiegħi billi noqtol ħafna nies u annimali. 20 Anki kieku Noè, Danjel, u Ġob kienu fih, naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li la s-subien u lanqas il-bniet tagħhom ma kien jirnexxilhom isalvaw; minħabba l-ġustizzja tagħhom, lilhom infushom biss isalvaw.’”
21 “Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Hekk se jiġri meta nibgħat ix-xabla, il-ġuħ, l-annimali feroċi, u l-mard bħala l-erbaʼ kastigi* kontra Ġerusalemm biex noqtol kemm nies u kemm annimali minn ġo fiha. 22 Madankollu, se jkun hemm xi ftit li se jaħarbu, inkluż subien u bniet. Huma ġejjin għandkom, u meta taraw kif jaġixxu u dak li jagħmlu, intom żgur li se tifhmu għala ġibt dan id-diżastru fuq Ġerusalemm, jiġifieri dak kollu li għamiltilha.’”
23 “‘Meta taraw kif jaġixxu u dak li jagħmlu, intom se tifhmu u tkunu tafu li dak li għamilt ma kienx għalxejn,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”