Eżekjel
16 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, għid lil Ġerusalemm bl-affarijiet moqżieża kollha tagħha. 3 Għandek tgħid, ‘Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* hekk jgħid lil Ġerusalemm: “L-oriġini u t-twelid tiegħek kienu fl-art tal-Kangħanin. Missierek kien Amurri, u ommok kienet Ħittija. 4 Fil-ġurnata li twilidt, ma qatgħulekx il-kurdun, ma ħaslukx bl-ilma, m’għorkukx bil-melħ, u ma dawrukx f’biċċiet tad-drapp. 5 Ħadd ma tħassrek biżżejjed biex jagħmel xi ħaġa minn dawn l-affarijiet, u ħadd ma wriek ħniena. Minflok, dakinhar li twilidt tefgħuk f’għalqa għax kienu jobogħduk.
6 “‘“Meta kont għaddej, rajtek tagħti b’saqajk fid-demm tiegħek, u waqt li kont hemm maħmuġa fid-demm tiegħek, għedtlek: ‘Int se tibqaʼ tgħix!’ Iva, waqt li kont hemm maħmuġa fid-demm tiegħek, għedtlek: ‘Int se tibqaʼ tgħix!’ 7 Jien għamiltek poplu kbir bħal ħaxix li jikber f’għalqa, u int kbirt u żviluppajt u lbist l-aħjar tiżjin. Sidrek imtela u xagħrek twal, imma xorta kont għadek għarwiena għalkollox.”’
8 “‘Meta kont għaddej u rajtek, innotajt li kont kbira biżżejjed biex tiżżewweġ. Allura tfajt il-ħwejjeġ tiegħi fuqek biex ma tkunx għarwiena, ħliftlek u dħalt f’patt miegħek, u int sirt tiegħi,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 9 Iktar minn hekk, ħsiltek bl-ilma, neħħejtlek id-demm, u dliktek biż-żejt. 10 Imbagħad libbistek ħwejjeġ irrakkmati, tajtek sandli tal-ġilda mill-aqwa,* geżwirtek f’għażel fin, u libbistek ħwejjeġ li jiswew ħafna. 11 Żejjintek b’ġojjelli u poġġejtlek ċpiepet f’idejk u ġiżirana m’għonqok. 12 Libbistek ukoll ħolqa fi mnieħrek, imsielet f’widnejk, u kuruna sabiħa fuq rasek. 13 Int bqajt tiżżejjen bid-deheb u l-fidda, u l-ħwejjeġ tiegħek kienu għażel fin, materjal li jiswa ħafna, u ħwejjeġ irrakkmati. Int kont tiekol dqiq fin, għasel, u żejt. Int kbirt u sirt sabiħa ħafna, u sirt tajba biex tkun reġina.’”*
14 “‘Il-fama tiegħek* baqgħet tikber fost il-popli minħabba s-sbuħija tiegħek, għax kienet perfetta peress li jien poġġejt il-glorja tiegħi fuqek,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
15 “‘Imma int bdejt tafda fis-sbuħija tiegħek. U minħabba l-fama tiegħek, sirt prostituta. Int kont lesta li tipprostitwixxi lilek innifsek maʼ kull min jgħaddi, u kont tagħtihom is-sbuħija tiegħek. 16 Int ħadt ftit mill-ħwejjeġ tiegħek b’kuluri differenti u użajthom biex iżżejjen il-postijiet għoljin fejn kont tagħmel il-prostituzzjoni. Dawn l-affarijiet ma messhomx saru, u lanqas qatt m’għandhom isiru. 17 Int ħadt il-ġojjelli sbieħ tad-deheb u l-fidda li kont tajtek jien, u minnhom għamilt statwi taʼ rġiel u għamilt il-prostituzzjoni magħhom. 18 Imbagħad għattejthom* bil-ħwejjeġ irrakkmati tiegħek u offrejtilhom iż-żejt u l-inċens tiegħi. 19 Int offrejtilhom ukoll bħala riħa pjaċevoli* l-ħobż li tajtek biex tiekol li kien magħmul minn dqiq fin, żejt, u għasel. Eżatt hekk ġara,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
20 “‘Għalik ma kienx biżżejjed li tagħmel il-prostituzzjoni, int anki qbadt is-subien u l-bniet li kellek minni u ssagrifikajthom lill-idoli. 21 Int qtilt lit-tfal tiegħi u ħraqthom fin-nar billi offrejthom bħala sagrifiċċju. 22 Waqt li kont tagħmel l-affarijiet diżgustanti u l-prostituzzjoni, int ma ftakartx fiż-żmien meta kont żgħira u għarwiena għalkollox, u tagħti b’saqajk fid-demm tiegħek. 23 Ħażin għalik, ħażin għalik minħabba l-affarijiet kollha li għamilt,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 24 Int bnejt post biex tqim l-allat foloz u bnejt post għoli għalik f’kull pjazza. 25 Int bnejt il-postijiet għoljin tiegħek fl-iktar post importanti taʼ kull triq, biddilt is-sbuħija tiegħek f’xi ħaġa diżgustanti billi tajt lilek innifsek* lil kull min kien jgħaddi, u int bqajt tagħmel iktar prostituzzjoni. 26 Int għamilt il-prostituzzjoni mal-Eġizzjani, li huma l-ġirien tiegħek b’xewqat sesswali,* u int offendejtni bil-prostituzzjoni li l-ħin kollu tagħmel. 27 Jien se nuża l-qawwa tiegħi kontrik, innaqqas il-provvista tal-ikel tiegħek, u nagħtik f’idejn in-nisa li jobogħduk, il-bniet tal-Filistin, li skandalizzaw ruħhom minħabba l-imġiba oxxena tiegħek.
28 “‘Peress li ma kontx sodisfatta, mort tagħmel il-prostituzzjoni mal-Assirjani, imma wara li għamilt il-prostituzzjoni magħhom, xorta ma kontx sodisfatta. 29 Allura għamilt iżjed prostituzzjoni fl-art taʼ Kangħan* u mal-Kaldin, imma xorta ma kontx sodisfatta. 30 Kemm kienet marida* qalbek* meta għamilt dawn l-affarijiet kollha u aġixxejt bħal prostituta bla mistħija!ʼ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 31 ‘Imma meta bnejt post biex tqim l-allat foloz fl-iktar post importanti taʼ kull triq u bnejt għalik post għoli f’kull pjazza, ma kontx bħal prostituta, għax ma ridtx titħallas. 32 Int mara adultera, li tieħu l-barranin minflok lil żewġha. 33 In-nies lill-prostituti jagħtuhom rigal, imma fil-każ tiegħek, int tajt ir-rigali lil dawk kollha li jiġru warajk. Int ixxaħħamhom biex jiġu għandek minn kullimkien ħalli tagħmel il-prostituzzjoni. 34 Int l-oppost tan-nisa l-oħra li jagħmlu l-prostituzzjoni. Ħadd ma jagħmel il-prostituzzjoni bħalek! Int tħallas lil oħrajn, u mhux huma jħallsu lilek. Int tagħmel l-oppost.’
35 “Għalhekk, prostituta, ismaʼ l-messaġġ taʼ Ġeħova. 36 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Int urejt ix-xewqat sesswali tiegħek b’mod esaġerat u kont għarwiena waqt li kont qed tagħmel il-prostituzzjoni mal-maħbubin tiegħek u mal-idoli diżgustanti* kollha tiegħek. Int anki ssagrifikajt id-demm tat-tfal tiegħek lil dawn l-idoli moqżieża. 37 Għalhekk, qed niġbor flimkien lill-maħbubin kollha tiegħek li tajt pjaċir, kemm lil dawk li kont tħobb u kemm lil dawk li kont tobgħod. Se niġborhom flimkien minn kullimkien biex jiġġieldu kontrik u se nneżżgħek quddiemhom, u se jarawk għarwiena għalkollox.
38 “‘U se nikkastigak b’ġudizzji li ħaqqhom in-nisa li jagħmlu adulterju u li jxerrdu d-demm, u demmek se jixxerred b’rabja kbira u korla. 39 Se nagħtik f’idejhom, u huma se jkissru l-postijiet li għamilt biex tqim l-allat foloz u jwaqqgħu l-postijiet għoljin tiegħek. Huma se jneżżgħuk, jiħdulek il-ġojjelli sbieħ tiegħek, u jħalluk għarwiena għalkollox. 40 Se jġibu folla kontrik, u dawn se joqtluk bix-xwabel tagħhom u billi jwaddbulek il-ġebel. 41 Se jaħarqu d-djar tiegħek u jagħmlu ġudizzju quddiem ħafna nisa; mhux se nħallik iktar prostituta, u mhux se tibqaʼ tħallas. 42 Imbagħad ma nibqax daqshekk irrabjat miegħek, u l-korla tiegħi titbiegħed minnek. Jien inkun kalm u ma nibqax inħossni offiż.’
43 “‘Peress li int ma ftakartx li jien ħadt ħsiebek meta kont żgħira u rrabjajtni b’dawn l-affarijiet kollha li għamilt, jien se nġib fuqek stess il-konsegwenzi taʼ kif aġixxejt, u int ma tibqax taġixxi b’mod oxxen u tagħmel dawn l-affarijiet kollha moqżieża,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
44 “‘Kull min juża l-proverbji meta jitkellem se jgħid dan il-proverbju għalik: “It-tifla hi bħal ommha!” 45 Int bint ommok, li tobgħod lir-raġel u lit-tfal tagħha. U int oħt ħutek il-bniet, li jobogħdu lir-raġel u lit-tfal tagħhom. Ommkom kienet Ħittija, u missierkom kien Amurri.’”
46 “‘Oħtok il-kbira li tgħix in-naħa tat-Tramuntana* tiegħek mat-tfal bniet tagħha* hi s-Samarija, u oħtok iż-żgħira, li tgħix lejn in-Nofsinhar* tiegħek mat-tfal bniet tagħha hi Sodoma. 47 Mhux biss aġixxejt bħalhom u għamilt l-affarijiet moqżieża li jagħmlu huma, imma wara ftit, int saħansitra kont qed tagħmel iktar dnubiet minnhom.’ 48 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid, ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li oħtok Sodoma u l-bniet tagħha m’għamlux dak li int u l-bniet tiegħek għamiltu. 49 Dan kien l-iżball t’oħtok Sodoma: Hi u l-bniet tagħha kienu kburin, kellhom ħafna x’jieklu, moħħhom mistrieħ u kienu fil-paċi, imma huma xorta m’għenux lil min kien batut u fqir. 50 Huma baqgħu suppervi u komplew jagħmlu l-affarijiet moqżieża quddiem wiċċi, allura ħassejt li kelli neqridhom.
51 “‘U s-Samarija m’għamlitx nofs id-dnubiet li għamilt int. Int bqajt tagħmel ħafna affarijiet moqżieża iktar milli għamlu huma, sal-punt li ħutek il-bniet dehru ġusti minħabba l-affarijiet moqżieża kollha li għamilt int. 52 Int se jkollok tiġi umiljata minħabba li ġġustifikajt kif ġabu ruħhom ħutek* il-bniet. Minħabba d-dnub tiegħek, jiġifieri li aġixxejt b’mod iktar moqżież milli għamlu huma, huma inqas ħatja minnek. Allura istħi u kun umiljata talli għamilt lil ħutek il-bniet jidhru ġusti.’
53 “‘Se niġbor flimkien l-ilsiera taʼ Sodoma u l-bniet tagħha, u tas-Samarija u l-bniet tagħha. Se niġbor ukoll magħhom l-ilsiera tiegħek 54 biex tiġi umiljata. Int se tħossok umiljata minħabba dak li għamilt biex iħossuhom aħjar. 55 Ħutek il-bniet, Sodoma u l-bniet tagħha u s-Samarija u l-bniet tagħha, se jerġgħu jsiru kif kienu qabel, u anki int u l-bniet tiegħek se terġgħu tkunu kif kontu qabel. 56 Meta tkabbart, lil oħtok Sodoma lanqas biss kont lesta li ssemmiha. 57 Dan kien qabel ma nkixef il-ħażen tiegħek. Issa l-bniet tas-Sirja u dawk taʼ madwarhom iwaqqgħuk għaċ-ċajt, u l-bniet tal-Filistin, flimkien maʼ dawk kollha taʼ madwarek, imaqdruk. 58 Int se tbati l-konsegwenzi tal-kondotta oxxena tiegħek u tal-affarijiet moqżieża li tagħmel,’ jgħid Ġeħova.”
59 “Għax hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Issa se nagħmillek bħalma għamilt int, għax int iddisprezzajt il-ħalfa billi ksirt il-patt tiegħi. 60 Imma jien stess se niftakar fil-patt li għamilt miegħek meta kont żgħira, u se nagħmel patt miegħek li jibqaʼ għal dejjem. 61 Int se tiftakar kif ġibt ruħek u se tħossok umiljata meta tilqaʼ lil ħutek il-bniet, kemm dawk li huma akbar minnek u anki dawk li huma iżgħar minnek, u jien se nagħtihomlok bħala l-bniet tiegħek, imma mhux minħabba l-patt li għamilt miegħek.’
62 “‘Jien se nagħmel patt miegħek; u se jkollok tkun taf li jien Ġeħova. 63 Meta naħfirlek minkejja dak kollu li għamilt, int se tiftakar u tistħi tiftaħ ħalqek minħabba l-umiljazzjoni tiegħek,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”