Eżekjel
20 Fl-għaxar jum tal-ħames xahar tas-sebaʼ sena, xi anzjani* t’Iżrael ġew u poġġew quddiemi biex jaraw jekk Ġeħova għandux xi ħaġa x’jgħidilhom. 2 Imbagħad irċivejt messaġġ mingħand Ġeħova, li jgħid: 3 “Bin il-bniedem, għidilhom hekk lill-anzjani t’Iżrael, ‘Hekk jgħidilkom Ġeħova s-Sid taʼ Kollox:* “Intom ġejtu taraw jekk għandix xi ħaġa x’ngħidilkom. Imma naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj li mhux se nwiġibkom,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.’
4 “Bin il-bniedem, lest biex tiġġudikahom?* Lest biex tiġġudikahom? Għidilhom bl-affarijiet moqżieża li għamlu missirijiethom. 5 Għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Dakinhar li għażilt lil Iżrael, jien ħlift* lit-tfal taʼ Ġakobb u wrejthom min jien fl-art tal-Eġittu. Iva, jien ħliftilhom u għedtilhom, ‘Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’ 6 Dakinhar ħlift li noħroġhom mill-art tal-Eġittu għal art li jien għażiltilhom,* art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel. Din kienet l-isbaħ art mill-artijiet kollha. 7 Imbagħad jien għedtilhom, ‘Kull wieħed minnkom għandu jarmi l-affarijiet moqżieża li hemm quddiemu; titniġġsux bl-idoli moqżieża* tal-Eġittu. Jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’
8 “‘“Imma huma rribellaw kontrija u ma ridux jisimgħu minni. Ma rmewx l-affarijiet moqżieża li kien hemm quddiemhom u ma telqux l-idoli moqżieża tal-Eġittu. Allura ħlift li nuri r-rabja kbira tiegħi u nisfoga għalkollox ir-rabja tiegħi kontrihom fl-art tal-Eġittu. 9 Imma jien aġixxejt minħabba ismi ħalli ma jiġix iddiżonorat f’għajnejn il-popli li kienu jgħixu fosthom. Meta ħriġthom mill-art tal-Eġittu, urejthom min jien quddiem dawn il-popli. 10 Jien ħriġthom mill-art tal-Eġittu u mexxejthom fid-deżert.
11 “‘“Imbagħad tajthom il-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi ħalli kull min jobdihom jibqaʼ jgħix. 12 Tajthom ukoll il-liġi tiegħi dwar is-Sabat bħala sinjal bejni u bejnhom biex ikunu jafu li jien, Ġeħova, hu l-wieħed li qed inqaddishom.
13 “‘“Imma l-poplu t’Iżrael irribellaw kontrija fid-deżert. Huma m’obdewx il-liġijiet tiegħi u warrbu d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, li min jobdihom jibqaʼ jgħix. Huma ddiżonoraw ħafna l-liġi tiegħi dwar is-Sabat. Allura ħlift li nuri r-rabja kbira tiegħi kontrihom fid-deżert biex neqridhom għalkollox. 14 Jien aġixxejt minħabba ismi stess ħalli ma jiġix iddiżonorat f’għajnejn il-popli li ħriġthom* quddiemhom. 15 Jien fid-deżert ħliftilhom ukoll li mhux se ndaħħalhom fl-art li wegħedthom, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel u l-isbaħ art mill-artijiet kollha. 16 Għamilt hekk għax huma warrbu d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, m’obdewx il-liġijiet tiegħi, u ddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat, għax huma kienu jqimu* l-idoli moqżieża tagħhom.
17 “‘“Imma jien tħassarthom u ma qridthomx għalkollox, ma qridthomx għalkollox fid-deżert. 18 Jien għedt lit-tfal tagħhom fid-deżert, ‘Timxux mar-regoli taʼ missirijietkom, iżżommux mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tagħhom, u titniġġsux bl-idoli moqżieża tagħhom. 19 Jien Ġeħova l-Alla tagħkom. Imxu mal-liġijiet tiegħi, żommu mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, u obduhom. 20 Qaddsu l-liġi tiegħi dwar is-Sabat, u dan se jkun sinjal bejni u bejnkom biex tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom.’
21 “‘“Imma t-tfal tagħhom bdew jirribellaw kontrija. Huma ma mxewx mal-liġijiet tiegħi, u la obdew u lanqas żammew mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, li min jobdihom jibqaʼ jgħix. Huma ddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat. Allura ħlift li nuri r-rabja kbira tiegħi u nisfoga għalkollox ir-rabja tiegħi kontrihom fid-deżert. 22 Imma jien żammejt lura u aġixxejt minħabba ismi stess ħalli ma jiġix iddiżonorat f’għajnejn il-popli li ħriġthom* quddiemhom. 23 Ukoll, jien ħliftilhom fid-deżert li se nferrixhom fost il-popli u nxerridhom fost il-pajjiżi. 24 Dan minħabba li ma żammewx mad-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħi, warrbu l-liġijiet tiegħi, iddiżonoraw il-liġi tiegħi dwar is-Sabat, u qiemu l-idoli moqżieża taʼ missirijiethom. 25 Jien ħallejthom ukoll jimxu wara r-regoli li ma kinux tajbin u wara d-deċiżjonijiet ġudizzjali li ma setgħux jagħtuhom il-ħajja. 26 Jien ħallejthom iniġġsu lilhom infushom bis-sagrifiċċji li kienu jagħmlu meta kienu jaħarqu fin-nar lill-ewwel imwieled tagħhom. Dan biex nagħmilhom ħerba, u b’hekk ikunu jafu li jien Ġeħova.”’
27 “Allura bin il-bniedem, kellem lill-poplu t’Iżrael u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Bl-istess mod, missirijietkom dgħaw* kontrija billi aġixxew b’nuqqas taʼ lealtà miegħi. 28 Jien ġibthom fl-art li wegħedthom li se nagħtihom. Meta raw l-għoljiet kbar u s-siġar b’ħafna weraq, huma bdew joffru s-sagrifiċċji tagħhom u offerti li joffenduni. Hemmhekk kienu jippreżentaw is-sagrifiċċji bħala riħa pjaċevoli* u jferrgħu l-offerti tax-xorb tagħhom. 29 Allura staqsejthom, ‘Għala qed tmorru f’dan il-post għoli? (Għadu jissejjaħ Post fl-Għoli sal-lum.)’”’
30 “Issa lill-poplu t’Iżrael għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Intom qegħdin titniġġsu bl-istess mod bħal missirijietkom billi tqimu l-idoli moqżieża tagħhom biex ma tkunux leali lejja, hux hekk?* 31 U għadkom sal-lum titniġġsu billi toffru sagrifiċċji lill-idoli moqżieża tagħkom billi taħarqu fin-nar lit-tfal tagħkom. Allura poplu t’Iżrael, għandi jien fl-istess ħin inwiġibkom?”’
“‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li mhux se nwiġibkom. 32 Mhu se jiġri qatt dak li għandkom f’moħħkom meta tgħidu, “Ejja nsiru bħall-popli, bħall-familji tal-pajjiżi l-oħra, li jqimu* l-injam u l-ġebel.”’”
33 “‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘li se mmexxi fuqkom bħal re b’id b’saħħitha, b’qawwa kbira, u b’rabja kbira. 34 Jien se noħroġkom mill-popli u niġborkom flimkien mill-pajjiżi fejn tferrixtu b’id b’saħħitha, b’qawwa kbira, u b’rabja kbira. 35 Jien se noħroġkom fid-deżert tal-popli u hemmhekk se niġġudikakom jien stess.
36 “‘Bħalma ġġudikajt lil missirijietkom fid-deżert fl-art tal-Eġittu, jien se niġġudika lilkom,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox. 37 ‘Jien se nġegħelkom tgħaddu minn taħt il-bastun tar-ragħaj u nġegħelkom iżżommu mal-patt.* 38 Imma jien se nneħħi minn fostkom lil dawk li jirribellaw kontrija u li jiksru l-liġi tiegħi. Għax jien se noħroġhom mill-pajjiż li qed jgħixu fih bħala barranin, imma mhux se jidħlu fl-art t’Iżrael. U se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova.’
39 “Int, poplu t’Iżrael, hekk jgħidlek Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, ‘Ħa jmur kull wieħed minnkom jaqdi l-idoli moqżieża tiegħu. Imma kunu afu li jekk ma tibdewx tisimgħu minni, se jiġi żmien fejn ma tkunux tistgħu tiddiżonoraw iżjed l-isem qaddis tiegħi bis-sagrifiċċji u l-idoli moqżieża tagħkom.’
40 “Ġeħova s-Sid taʼ Kollox jgħid hekk: ‘Il-poplu sħiħ t’Iżrael, kollha kemm huma, se jaqduni fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, fuq muntanja għolja f’Iżrael. Jien se nieħu pjaċir bikom hemm u se nistenna mingħandkom il-kontribuzzjonijiet u l-ewwel prodott tal-offerti tagħkom, l-affarijiet qaddisa kollha tagħkom. 41 Minħabba r-riħa pjaċevoli,* jien se nieħu pjaċir bikom meta noħroġkom mill-popli u niġborkom flimkien mill-pajjiżi li tferrixtu fihom; u permezz tagħkom jien se niġi mqaddes f’għajnejn il-popli.’
42 “‘U meta nġibkom fl-art t’Iżrael, fl-art li wegħedt li se nagħti lil missirijietkom, intom se jkollkom tkunu tafu li jien Ġeħova. 43 U hemm se tiftakru kif ġibtu ruħkom u l-affarijiet kollha li għamiltu, li bihom niġġistu lilkom infuskom, u se titqażżu lilkom infuskom minħabba l-affarijiet ħżiena kollha li għamiltu. 44 Meta nagħmel dawn l-affarijiet, se jkollkom tkunu tafu li jien, Ġeħova, se nagħmilhom minħabba ismi. Poplu t’Iżrael, mhux se nikkastigakom skont kif ġibtu ruħkom u l-affarijiet ħżiena li għamiltu,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”
45 U rċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 46 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn in-Nofsinhar u hemm xandar u pprofetizza lill-foresta fl-art tan-Nofsinhar. 47 Lill-foresta fin-Nofsinhar għidilha, ‘Ismaʼ x’għandu jgħid Ġeħova. Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: “Qed inqabbad nar kontrik, u se jaħraq kull siġra ħadra u kull siġra niexfa fik. Il-fjamma mhux se tintefa, u bih se jinħaraq kulħadd* min-Nofsinhar sat-Tramuntana. 48 U kulħadd se jara li jien stess, Ġeħova, tajtha n-nar biex ma tintefiex.”’”
49 U jien għedt: “Jaħasra, Ġeħova s-Sid taʼ Kollox, dwari qed jgħidu, ‘Dan mhux dejjem ħaġa moħġaġa* jgħid?’”