Eżekjel
21 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 2 “Bin il-bniedem, dawwar wiċċek lejn Ġerusalemm, tkellem kontra l-postijiet qaddisa, u pprofetizza kontra l-art t’Iżrael. 3 Għid lill-art t’Iżrael, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien kontrik, u se noħroġ ix-xabla minn postha u noqtol kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena. 4 Peress li se noqtol minnek it-tajbin u l-ħżiena, ix-xabla tiegħi se toħroġ minn postha kontra n-nies kollha min-Nofsinhar sat-Tramuntana. 5 In-nies kollha se jkollhom ikunu jafu li jien stess, Ġeħova, ħriġt ix-xabla tiegħi minn postha. Din mhux se terġaʼ tmur lura.”’
6 “U int, bin il-bniedem, ħu nifs fil-fond waqt li titriegħed.* Iva, ħu nifs fil-fond b’qalbek maqsuma quddiemhom. 7 U jekk jgħidulek, ‘Għala qed tonfoħ?’ int għidilhom, ‘Minħabba l-aħbar.’ Għax żgur li se tiġri, u kull qalb se ddub bil-biżaʼ, kull id se tintelaq, kull spirtu se jiddgħajjef, u kull irkoppa se tqattar l-ilma.* ‘Żgur li se tiġri. Din se sseħħ,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.”*
8 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 9 “Bin il-bniedem, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Għid, ‘Xabla! Xabla ġiet imsinna u llostrata. 10 Imsinna biex toqtol ħafna; illostrata biex tleqq bħas-sajjetti.’”’”
“Imma għandna nifirħu?”
“‘Din* se tkisser ix-xettru taʼ ibni stess, bħalma tagħmel lil kull siġra.
11 “‘Din ingħatat biex tiġi llostrata u biex tintuża. Ix-xabla ġiet imsinna u llostrata, biex tingħata lil dak li se joqtol.
12 “‘Bin il-bniedem, għajjat u ibki għax din ġiet kontra l-poplu tiegħi; hi kontra l-kapijiet kollha t’Iżrael. Dawn se jkunu vittmi tax-xabla flimkien mal-poplu tiegħi. Għalhekk, agħti fuq koxxtok biex turi li int imdejjaq. 13 Il-poplu tiegħi ġie eżaminat, u x’se jiġri jekk ix-xabla tkisser ix-xettru? Dan* ma jibqax jeżisti,’ jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.
14 “U int, bin il-bniedem, ipprofetizza, ċapċap idejk, u għid tliet darbiet ‘Xabla!’ Din hi x-xabla li toqtol il-vittmi, ix-xabla li toqtol ħafna u li qed iddur madwarhom. 15 Huma se jibżgħu ħafna* u ħafna se jaqgħu fil-bibien tal-belt tagħhom. Jien se noqtol bix-xabla. Iva, din se tkun tleqq bħas-sajjetti u llostrata biex toqtol! 16 Oqtol fuq il-lemin u fuq ix-xellug! Oqtol kull fejn ix-xafra tiegħek tiġi ggwidata! 17 Jien ukoll se nċapċap idejja u nagħmel ġudizzju, u mbagħad ma nibqax daqshekk irrabjat. Jien stess, Ġeħova, tkellimt.”
18 Irċivejt messaġġ ieħor mingħand Ġeħova, li jgħid: 19 “Bin il-bniedem, immarka żewġ toroq biex tgħaddi minnhom ix-xabla tar-re taʼ Babilonja. It-tnejn li huma għandhom joħorġu mill-istess pajjiż, u agħmel sinjal fil-parti tat-triq li tagħti għaż-żewġt ibliet. 20 Għandek tagħmel marka fi triq biex ix-xabla tiġi kontra Rabba tal-Għammonin, u marka fit-triq l-oħra biex tiġi kontra Ġerusalemm, il-belt iffortifikata taʼ Ġuda. 21 Għax ir-re taʼ Babilonja jieqaf biex jipprattika t-teħbir fil-parti tat-triq li tiftaħ għaż-żewġ toroq. Hu jċaqlaq il-vleġeġ. Jara x’jgħidu l-idoli* tiegħu; jeżamina l-fwied. 22 It-teħbir li għandu f’idu l-leminija jimmarka lejn Ġerusalemm bħala l-belt biex jarma l-magni li jeqirdu, jikkmandahom joqtlu, jagħmlu l-ħoss tal-battalja, jarma l-magni li jeqirdu kontra l-bibien tagħha, itellaʼ rampa għall-assedju, u jibni ħajt tal-assedju. 23 Imma għal dawk* li kienu għamlulhom* ħalfa, dan it-teħbir se jidher li mhuwiex veru. Imma hu se jiftakar il-ħtija tagħhom u se jaqbadhom.
24 “Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Intom ġegħeltu l-ħtija tagħkom stess tiġi mfakkra billi kxiftu n-nuqqasijiet tagħkom u wrejtu d-dnubiet tagħkom b’dak kollu li għamiltu. Issa li ftakru fikom, se tittieħdu bil-forza.’
25 “Kap ħażin t’Iżrael, li int ferut għall-mewt, il-ġurnata tiegħek waslet, wasal iż-żmien li tiġi kkastigat. 26 Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox: ‘Neħħi t-turban u inżaʼ l-kuruna. L-affarijiet mhux se jibqgħu l-istess. Għolli lil min mhux importanti u baxxi lil min hu importanti. 27 Ħerba, ħerba, ħerba se nagħmilha.* U din mhu se tkun taʼ ħadd sakemm jiġi l-wieħed li jkollu d-dritt legali għaliha u nagħtihielu.’
28 “U int, bin il-bniedem, ipprofetizza u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox dwar l-Għammonin u t-twaqqigħ għaċ-ċajt tagħhom: Xabla! Xabla lesta biex toqtol; hi llostrata biex teqred u tleqq bħas-sajjetti. 29 Minkejja l-viżjonijiet foloz u teħbir li mhux veru dwarek, in-nies tiegħek se jiġu mitfugħin fuq il-maqtulin, fuq l-irġiel ħżiena li waslet il-ġurnata tagħhom, iż-żmien li jiġu kkastigati. 30 Ix-xabla għandha tiddaħħal f’postha. Jien se niġġudikak fil-post minn fejn ġejt, l-art li twilidt fiha. 31 Se nikkastigak għax jien irrabjat, u r-rabja tiegħi taħraq bħan-nar. U se nagħtik f’idejn nies kattivi, nies li huma tas-sengħa f’li jeqirdu. 32 Int se tkun bħal xi ħaġa li tintefaʼ fin-nar biex ikompli jaqbad. Demmek stess se jiġi mxerred fil-pajjiż, u ħadd iktar ma jiftakar fik, għax jien stess, Ġeħova, tkellimt.’”