LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 6/1 pp. 21-25
  • Għalkemm Imnikktin, M’Aħniex Mingħajr Tama

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għalkemm Imnikktin, M’Aħniex Mingħajr Tama
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Mewt Tidħol Fil-​Familja Umana
  • Uħud Leali Li Tnikktu
  • Niket Fi Żmien Ġesù
  • Liema Tama Għall-​Mejtin?
  • Għajnuna Prattika Għal Dawk Li Jitnikktu
  • Tama Vera għall-​Maħbubin Tiegħek li Mietu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’Jiġrilhom il-Maħbubin Mejtin Tagħna?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Tama Ċerta Għall-Mejtin
    Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut
  • Ħażin li Titnikket Minħabba l-Mewt taʼ Xi Ħadd?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 6/1 pp. 21-25

Għalkemm Imnikktin, M’Aħniex Mingħajr Tama

“Ma rridukomx tkunu fl-​għama dwar dawk li huma reqdin fil-​mewt; biex ma ssewdux qalbkom sewwa sew bħalma jagħmlu wkoll il-​bqija li m’għandhomx tama.”—1 TESSALONKIN 4:13.

1. L-​umanità x’tesperjenza fuq bażi regulari?

TLIFT int lil xi ħadd maħbub fil-​mewt? Minkejja l-​età, il-​biċċa l-​kbira minna ġejna mnikktin bit-​telfa taʼ xi ħadd jiġi minna jew taʼ xi ħabib. Forsi kien xi ħadd min-​nanniet, ġenitur, sieħeb jew sieħba, jew xi ħadd mit-​tfal. Ix-​xjuħija, il-​mard, u inċidenti jaħsdu ħsad regulari. Il-​kriminalità, il-​vjolenza, u l-​gwerra jżidu mal-​miżerja u n-​niket. Kull sena madwar id-​dinja, medja taʼ ’l fuq minn 50 miljun persuna jmutu. Il-medja taʼ kuljum fl-​1993 kienet taʼ 140,250. L-​effett tal-​mewt jolqot lil ħbieb u familjari, u s-​sentiment taʼ telfa huwa profond.

2. Liema ħaġa tidher li m’hijiex normali dwar li t-​tfal imutu?

2 Ma nistgħux aħna nissimpatizzaw mal-​ġenituri f’California, l-​Istati Uniti, li traġikament tilfu lil binthom li kienet tqila f’inċident banali tat-​traffiku? F’ħasda waħda, tilfu lill-​unika bint li kellhom u lit-​tarbija li kellha tkun l-​ewwel neputi jew neputija tagħhom. Ir-​raġel tal-​vittma tilef lil martu u l-​ewwel iben jew bint. Għal ġenituri li jsofru l-​mewt taʼ xi ħadd minn uliedhom, kemm jekk għadu żgħir jew taʼ età akbar, huwa b’xi mod mhux naturali. M’huwiex normali li t-​tfal imutu qabel il-​ġenituri tagħhom. Ilkoll kemm aħna nħobbu l-​ħajja. Għalhekk, il-mewt hija tassew għadu.—1 Korintin 15:26.

Il-​Mewt Tidħol Fil-​Familja Umana

3. Il-​mewt t’Abel kif setgħet effettwat lil Adam u Eva?

3 Id-​dnub u l-​mewt irrenjaw bħala slaten għal xi sitt elef sena taʼ storja umana, minn mindu sar l-​irvell taʼ l-​ewwel ġenituri umani tagħna, Adam u Eva. (Rumani 5:14; 6:12, 23) Il-​Bibbja ma tgħidilniex kif irreaġixxew għall-​qtil taʼ binhom Abel minn ħuh Kajjin. Għal iktar minn raġuni waħda, żgur li kienet esperjenza devastanti għalihom. Hawnhekk, għall-​ewwel darba, ġew wiċċ imb’wiċċ mal-​mewt umana, riflessa f’wiċċ binhom stess. Raw il-​frott taʼ l-​irvell tagħhom u taʼ l-​użu ħażin kontinwu tar-​rieda ħielsa. Kajjin, minkejja twissijiet mingħand Alla, kien għażel li jikkommetti l-​ewwel fratriċidju. Nafu li Eva żgur li kienet effettwata profondament bil-​mewt t’Abel għaliex meta welldet lil Set, qalet: “Alla ħatar żerriegħa oħra minflok Abel, għaliex Kajjin qatlu.”—Ġenesi 4:3-8, 25.

4. Il-​ħrafa tar-​ruħ immortali għala ma setgħet tkun t’ebda faraġ wara l-​mewt t’Abel?

4 L-​ewwel ġenituri umani tagħna wkoll raw ir-​realtà tas-​sentenza t’Alla fuqhom​—li jekk jirribellaw u jkunu diżubbidjenti, kellhom ‘imutu pożittivament.’ Minkejja l-​gidba taʼ Satana, milli jidher il-​ħrafa taʼ l-​immortalità tar-​ruħ kienet għadha ma żviluppatx, u għalhekk ma setgħux jieħdu xi faraġ falz minn dak. Alla kien qal lil Adam: “Se . . . terġaʼ lura lejn l-​art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u lejn it-​trab se tirritorna.” Ma kien semma ebda eżistenza futura bħala ruħ immortali fis-​sema, fl-​infern, fil-​Limbu, fil-​purgatorju, jew f’xi post ieħor. (Ġenesi 2:17; 3:4, 5, 19) Bħala erwieħ ħajjin li kienu dinbu, Adam u Eva kellhom eventwalment imutu u ma jibqgħux jeżistu. Is-​sultan Salamun kien spirat biex jikteb: “Il-​ħajjin huma konxji li se jmutu; imma inkwantu għall-​mejtin, m’huma konxji taʼ xejn affattu, lanqas ma iktar għandhom pagi, għaliex it-​tifkira tagħhom intesiet. Ukoll, l-​imħabba tagħhom u l-​mibgħeda tagħhom u l-​ġelożija tagħhom diġà għebu, u m’għandhomx iktar sehem għal żmien indefinit fi kwalunkwe ħaġa li trid issir taħt ix-​xemx.”—Ekkleżjasti 9:5, 6.

5. Liema hija l-​vera tama għall-​mejtin?

5 Kemm huwa veru dak il-​kliem! Tassew, min jiftakar antenati taʼ mitejn jew tliet mitt sena ilu? Taʼ spiss saħansitra l-​oqbra tagħhom ma jkunux magħrufin jew ikunu ilhom mitluqin. Ifisser dan li m’hemm ebda tama għall-​maħbubin mejtin tagħna? Le, xejn affattu. Marta qalet lil Ġesù rigward ħuha l-​mejjet, Lażżru: “Naf li se jqum fl-​irxoxt fl-​aħħar jum.” (Ġwann 11:24) In-​nies Ebrej kienu jemmnu li Alla se jqajjem lill-​mejtin f’xi żmien futur. Madankollu, dak ma żammhomx milli jitnikktu minħabba t-​telfa taʼ xi ħadd maħbub.—Ġob 14:13.

Uħud Leali Li Tnikktu

6, 7. Abraham u Ġakobb kif irreaġixxew għall-​mewt?

6 Kważi erbat elef sena ilu, meta Sara mart Abraham mietet, “Abraham daħal biex inewwaħ għal Sara u biex jibki minħabba fiha.” Dak il-​qaddej leali t’Alla wera s-​sentimenti profondi tiegħu minħabba t-​telfa taʼ martu l-​maħbuba u leali. Għalkemm kien raġel qalbieni t’azzjoni, ma staħax jesprimi n-​niket tiegħu permezz tad-​dmugħ.—Ġenesi 14:11-16; 23:1, 2.

7 Il-​każ taʼ Ġakobb kien simili. Meta ġie mqarraq f’li jemmen li ibnu Ġużeppi kien ġie maqtul minn annimal selvaġġ, kif irreaġixxa? Naqraw f’Ġenesi 37:34, 35: “B’dak Ġakobb ċarrat il-​mantelli tiegħu beraħ u poġġa tila tax-​xkejjer fuq ġenbejh u ssokta bil-​vistu minħabba f’ibnu għal bosta jiem. U wliedu subjien kollha u wliedu bniet kollha baqgħu jqumu biex ifarrġuh, imma baqaʼ jiċħad li jieħu faraġ u jgħid: ‘Għax jien se ninżel imnikket għand ibni f’Xeol!’ U missieru kompla jibki għalih.” Iva, huwa kemm uman kif ukoll naturali li tesprimi niket meta xi ħadd maħbub imut.

8. L-​Ebrej kif taʼ spiss esprimew in-​niket tagħhom?

8 Xi wħud jistgħu jaħsbu li mqabbla maʼ livelli moderni jew lokali, ir-​reazzjoni taʼ Ġakobb kienet esaġerata u melodrammatika. Imma hu kien prodott taʼ żmien u kultura differenti. L-​espressjoni tiegħu taʼ niket​—li jilbes tila tax-​xkejjer—​hija l-​ewwel darba li tissemma din id-​drawwa fil-​Bibbja. Madankollu, kif deskritt fl-​Iskrittura Ebrajka, il-​vistu kien jiġi espress ukoll b’tinwiħ, billi jikkomponu għanjiet funebri, u billi joqogħdu bil-​qiegħda qalb l-​irmied. Milli jidher l-​Ebrej ma kinux riżervati fl-​espressjonijiet ġenwini tagħhom taʼ niket.a—Eżekjel 27:30-32; Amos 8:10.

Niket Fi Żmien Ġesù

9, 10. (a) Ġesù kif irreaġixxa għall-​mewt taʼ Lażżru? (b) Ir-​reazzjoni taʼ Ġesù x’tgħidilna dwaru?

9 X’nistgħu ngħidu dwar id-​dixxipli bikrin taʼ Ġesù? Per eżempju, meta miet Lażżru, ħutu Marta u Marija wrew sogħba għall-​mewt tiegħu bi dmugħ u biki. Ir-​raġel perfett Ġesù kif irreaġixxa meta wasal għandhom? Ir-​rakkont taʼ Ġwanni jgħid: “Marija, meta waslet fejn kien Ġesù u lemħitu, inxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: ‘Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.’ Ġesù, għalhekk, meta raha tibki u l-​Lhud li ġew magħha jibku, tniegħed fl-​ispirtu u sar inkwetat; u qal: ‘Fejn qegħidtuh?’ Qalulu: ‘Mulej, ejja u ara.’ Ġesù qabiżlu d-​dmugħ.”—Ġwann 11:32-35.

10 “Ġesù qabiżlu d-​dmugħ.” Dak il-​ftit kliem jitkellem volumi dwar l-​umanità taʼ Ġesù, il-​mogħdrija tiegħu, is-​sentimenti tiegħu. Avolja kien konxju bis-​sħiħ dwar it-​tama taʼ l-​irxoxt, “Ġesù beka.” (Ġwann 11:35, King James Version) Ir-​rakkont jissokta billi jgħid li dawk li kienu qegħdin jarawh ikkummentaw: ‘Ara, kemm kellu affezzjoni lejn Lażżru!’ Ċertament, jekk ir-​raġel perfett Ġesù beka minħabba t-​telfa taʼ ħabib, m’huwiex għajb jekk raġel jew mara juru sogħba u jibku llum.—Ġwann 11:36.

Liema Tama Għall-​Mejtin?

11. (a) X’nistgħu nitgħallmu minn eżempji Bibliċi li jinvolvu l-​vistu? (b) Aħna għala ma nitnikktux bħalma jagħmlu dawk li m’għandhomx tama?

11 X’nistgħu nitgħallmu minn dawn l-​eżempji Bibliċi? Li huwa uman u naturali li titnikket u m’għandniex nistħu nħallu n-​niket tagħna jidher. Saħansitra meta mtoffija bit-​tama taʼ l-​irxoxt, il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub xorta waħda hija telfa trawmatika, li tinħass profondament. Snin, forsi għaxriet taʼ snin, taʼ sħubija mill-​qrib u qsim flimkien jintemmu f’daqqa u traġikament. Veru, aħna ma nitnikktux bħal dawk li m’għandhomx tama jew bħal dawk b’tamiet foloz. (1 Tessalonkin 4:13) Ukoll, m’aħniex żvijati b’xi ħrejjef dwar li l-​bniedem għandu xi ruħ immortali jew li jibqaʼ jeżisti permezz taʼ ri-inkarnazzjoni. Aħna tassew nafu li Jehovah wiegħed ‘smewwiet ġodda u art ġdida li fihom it-​tjieba għandha tgħammar.’ (2 Pietru 3:13) Alla “se jimsaħ għalkollox kull demgħa minn għajnej[na], u l-​mewt m’hijiex se tkun iżjed, u la għali u la agħjat u lanqas uġigħ ma jkunu iżjed. L-​affarijiet taʼ qabel għaddew.”—Rivelazzjoni 21:4.

12. Pawlu kif esprima l-​fidi tiegħu fl-​irxoxt?

12 X’tama hemm għal dawk li mietu?b Il-​kittieb Kristjan Pawlu ġie spirat biex jagħtina faraġ u tama meta kiteb: “Bħala l-​aħħar għadu, il-​mewt trid tinġieb fix-​xejn.” (1 Korintin 15:26) The New English Bible tistqarr: “L-​aħħar għadu li jrid jiġi abolit huwa l-​mewt.” Pawlu għala setaʼ jkun daqshekk ċert minn dak? Minħabba li kien ġie kkonvertit u mgħallem minn dak il-​wieħed li ġie mqajjem mill-​imwiet, Ġesù Kristu. (Atti 9:3-19) Huwa għalhekk ukoll li Pawlu setaʼ jistqarr: “Ladarba l-​mewt hija permezz taʼ bniedem [Adam], l-​irxoxt tal-​mejtin huwa wkoll permezz taʼ bniedem [Ġesù]. Għax sewwa sew bħalma f’Adam ilkoll qegħdin imutu, hekk ukoll fil-​Kristu lkoll se jintgħamlu ħajjin.”—1 Korintin 15:21, 22.

13. Nies li raw b’għajnejhom stess kif irreaġixxew għall-​irxoxt taʼ Lażżru?

13 It-​tagħlim taʼ Ġesù jagħtina faraġ kbir u tama għall-​futur. Per eżempju, x’għamel fil-​każ taʼ Lażżru? Mar ħdejn il-​qabar fejn il-ġisem taʼ Lażżru kien ilu għal erbat ijiem. Tenna talba, “u meta kien qal dawn l-​affarijiet, hu għajjat b’leħen qawwi: ‘Lażżru, oħroġ!’ Ir-​raġel li kien mejjet ħareġ b’saqajh u jdejh marbutin bil-​faxex, u wiċċu kien marbut b’ċarruta. Qalilhom Ġesù: ‘Ħolluh u ħalluh imur.’” Tistaʼ timmaġina l-​espressjonijiet taʼ sorpriża u l-​ferħ fuq l-​uċuħ taʼ Marta u Marija? Min jaf kif il-​ġirien baqgħu skantati meta raw dan il-​miraklu! Mhux taʼ b’xejn li ħafna minn dawk li kienu hemmhekk poġġew fidi f’Ġesù. L-​għedewwa reliġjużi tiegħu, madankollu, “ħadu parir biex joqtluh.”—Ġwann 11:41-53.

14. L-​irxoxt taʼ Lażżru taʼ liema ħaġa kien indikazzjoni żgħira?

14 Ġesù wettaq dak l-​irxoxt indimentikabbli quddiem għajnejn ħafna xhieda. Kien indikazzjoni żgħira taʼ l-​irxoxt futur li hu kien bassar dwaru f’okkażjoni iżjed bikrija, meta qal: ‘Tistagħġbux b’dan, għaliex is-​siegħa ġejja li fiha dawk kollha fl-​oqbra tal-​mafkar se jisimgħu leħen l-​Iben t’Alla u joħorġu, dawk li għamlu affarijiet tajbin għal irxoxt taʼ ħajja, dawk li pprattikaw affarijiet vili għal irxoxt taʼ ġudizzju.’—Ġwann 5:28, 29.

15. Pawlu u Ananija liema evidenza kellhom taʼ l-​irxoxt taʼ Ġesù?

15 Bħalma ssemma qabel, l-​appostlu Pawlu kien jemmen fl-​irxoxt. Fuq liema bażi? Hu qabel kien Sawlu l-​infami, persekutur tal-​Kristjani. L-​isem u r-​reputazzjoni tiegħu firxu biżaʼ fost il-​kredenti. Wara kollox, ma kienx hu dak il-​wieħed li kien approva t-​tħaġġir għall-​mewt tal-​martri Kristjan Stiefnu? (Atti 8:1; 9:1, 2, 26) Madankollu, fit-​triq lejn Damasku, Kristu rxoxtat ġab lil Sawlu f’sensih, billi għamieh temporanjament. Sawlu samaʼ vuċi tgħidlu: “‘Sawlu, Sawlu, għala qiegħed tippersegwitani?’ Qal: ‘Min int, Mulej?’ Qal: ‘Jien Ġesù, li lilu int qiegħed tippersegwita.’” L-​istess Kristu rxoxtat imbagħad ta struzzjonijiet lil Ananija, li kien jgħix ġo Damasku, biex imur fid-​dar fejn Sawlu kien qiegħed jitlob u biex jirrestawralu l-​vista. B’hekk, mill-​esperjenza persunali, kemm Sawlu kif ukoll Ananija kellhom kull raġuni biex jemmnu fl-​irxoxt.—Atti 9:4, 5, 10-12.

16, 17. (a) Kif nafu li Pawlu ma kienx jemmen fil-​kunċett Grieg taʼ l-​immortalità inerenti tar-​ruħ umana? (b) Il-​Bibbja liema tama solida tagħti? (Ebrej 6:17-20)

16 Innota kif Sawlu, l-​appostlu Pawlu, wieġeb meta, bħala Kristjan ippersegwitat, inġab quddiem il-​Gvernatur Feliċ. Naqraw f’Atti 24:15: “Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt taʼ kemm it-​twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin.” Ovvjament, Pawlu ma kienx jemmen fil-​kunċett pagan Grieg taʼ l-​immortalità inerenti tar-​ruħ umana, li suppost għaddiet għal ġo xi eżistenza wara l-​mewt mitoloġika jew dinja taħt l-​art. Kien jemmen u għallem fidi fl-​irxoxt. Dak ikun ifisser għal xi wħud l-​għotja taʼ ħajja mmortali bħala ħlejjaq spirti fis-​sema maʼ Kristu u għall-​maġġoranza ritorn għall-​ħajja fuq art perfetta.—Luqa 23:43; 1 Korintin 15:20-22, 53, 54; Rivelazzjoni 7:4, 9, 17; 14:1, 3.

17 B’hekk il-​Bibbja tagħtina wegħda ċara u tama solida li permezz taʼ l-​irxoxt, ħafna se jaraw mill-​ġdid lill-​maħbubin tagħhom hawnhekk fuq l-​art imma taħt ċirkostanzi differenti ħafna.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:1-4.

Għajnuna Prattika Għal Dawk Li Jitnikktu

18. (a) Liema għodda bżonnjuża ġiet maħruġa fil-​Konvenzjonijiet “Biżaʼ T’Alla”? (Ara l-​kaxxa.) (b) Liema mistoqsijiet issa jeħtieġu li jiġu mwieġba?

18 Issa għandna l-​memorji tagħna u n-​niket tagħna. X’nistgħu nagħmlu biex nissuperaw dan il-​perijodu taʼ sogħba u taʼ prova? X’jistgħu jagħmlu oħrajn biex jgħinu lil dawk li qegħdin jitnikktu? Iktar minn hekk, x’nistgħu nagħmlu aħna biex ngħinu lil dawk l-​uħud sinċieri li niltaqgħu magħhom fil-​ministeru tagħna taʼ l-​għalqa li m’għandhom ebda tama reali u li wkoll huma mnikktin? U liema faraġ ieħor nistgħu nieħdu mill-​Bibbja rigward il-​maħbubin tagħna li jinsabu reqdin fil-​mewt? L-​artiklu li jmiss se joffri xi suġġerimenti.

(w95 6/1)

[Noti taʼ taħt]

a Għal iktar informazzjoni dwar vistu fi żminijiet Bibliċi, ara Insight on the Scriptures, it-​2 Volum, paġni 446-7, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Għal iktar informazzjoni fuq it-​tama taʼ l-​irxoxt misjuba fil-​Bibbja, ara Insight on the Scriptures, it-​2 Volum, paġni 783-93.

Tistaʼ Twieġeb Int?

◻ Għala jistaʼ jingħad li l-​mewt hija għadu?

◻ Qaddejja t’Alla fi żminijiet Bibliċi kif urew in-​niket tagħhom?

◻ Liema tama hemm għal maħbubin mejtin?

◻ Pawlu liema bażi kellu biex jemmen fl-​irxoxt?

[Kaxxa f’paġni 24, 25]

Għajnuna Prattika Għal Dawk Li Jitnikktu

Fil-​Konvenzjonijiet “Biżaʼ T’Alla” matul l-​1994-95, il-​Watch Tower Society annunzjat il-​ħruġ taʼ ktejjeb ġdid intitolat Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut. Din il-​pubblikazzjoni inkuraġġanti ġiet imfassla biex iġġib faraġ lil nies taʼ kull ġens u lingwa. Bħalma għandek mnejn rajt diġà, din tippreżenta l-​ispjegazzjoni sempliċi tal-​Bibbja dwar il-​mewt u l-​kundizzjoni tal-​mejtin. Saħansitra iżjed importanti, din tenfasizza l-​wegħda t’Alla, permezz taʼ Kristu Ġesù, taʼ rxoxt għall-​ħajja fuq art imnaddfa magħmula ġenna. Din verament iġġib faraġ lil dawk li jitnikktu. Għalhekk, għandha tkun għodda t’għajnuna fil-​ministeru Kristjan u għandha sservi biex tqanqal l-​interess, li jwassal għal ħafna iżjed studji tal-​Bibbja fid-​djar. Il-​mistoqsijiet għall-​istudju ġew imqegħdin b’mod diskret f’kaxxi lejn it-​tmiem taʼ kull sezzjoni sabiex reviżjoni faċli tal-​punti diskussi tistaʼ ssir maʼ kwalunkwe persuna sinċiera li qiegħda titnikket.

[Stampa f’paġna 24]

Meta Lażżru miet, Ġesù beka

[Stampa f’paġna 25]

Ġesù qajjem lil Lażżru mill-​imwiet

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 22]

First Mourning, by W. Bouguereau, from original glass plate in Photo-Drama of Creation, 1914

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja