Ħajja Wara l-Mewt—Il-Bibbja x’Tgħid?
“Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.”—ĠENESI 3:19.
1, 2. (a) Liema ideat differenti jeżistu dwar id-Dinja l-oħra? (b) X’irridu neżaminaw sabiex niddeterminaw dak li tgħallem il-Bibbja dwar ir-ruħ?
“IT-TEORIJA taʼ tbatija għal dejjem hija inkonsistenti mat-twemmin fl-imħabba t’Alla għall-ħlejjaq tiegħu. . . . Li temmen fil-kastig etern tar-ruħ għall-iżbalji taʼ ftit snin, mingħajr ma din tingħata ċ-ċans għal korrezzjoni, ifisser li tmur kontra l-prinċipji kollha tar-raġuni,” osserva Nikhilananda, il-filosfu Ħindu.
2 Bħal Nikhilananda, ħafna llum iħossuhom skomdi bit-tagħlim taʼ turment etern. Fuq l-istess kriterju, oħrajn isibuha diffiċli biex jifhmu konċetti bħalma huma li wieħed jilħaq in-Nirvana u li wieħed ikun ħaġa waħda man-natura. Saħansitra fost dawk li jgħidu li jibbażaw it-twemmin tagħhom fuq il-Bibbja, hemm ideat li jvarjaw dwar x’inhi r-ruħ u x’jiġrilha meta mmutu. Imma l-Bibbja x’tgħallem verament dwar ir-ruħ? Biex insiru nafu, għandna bżonn neżaminaw it-tifsir tal-kliem Ebrajk u Grieg li jiġi tradott “ruħ” fil-Bibbja.
Ir-Ruħ Skond il-Bibbja
3.(a) Liema kelma hija tradotta “ruħ” fl-Iskrittura Ebrajka, u x’inhi t-tifsira bażika tagħha? (b) Ġenesi 2:7 kif jikkonferma li l-kelma “ruħ” tistaʼ tirreferi għal persuna kollha kemm hi?
3 Il-kelma Ebrajka tradotta “ruħ” hija neʹphesh, u tidher 754 darba fl-Iskrittura Ebrajka. Xi tfisser neʹphesh? Skond The Dictionary of Bible and Religion, din “normalment tirreferi għall-esseri ħaj intier, għall-individwu kollu kemm hu.” Dan huwa kkonfermat mid-deskrizzjoni tar-ruħ fil-Bibbja, f’Ġenesi 2:7 (Għaqda Biblika, 1984): “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab taʼ l-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ruħ ħajja.” Innota li l-ewwel raġel “sar” ruħ. Fi kliem ieħor, Adam ma kellux ruħ; hu kien ruħ—bħalma xi ħadd li jsir tabib hu tabib. Il-kelma “ruħ” allura, hawn tiddeskrivi lill-persuna kollha kemm hi.
4. Liema kelma hija tradotta “ruħ” fl-Iskrittura Griega Kristjana, u x’inhi t-tifsira bażika taʼ din il-kelma?
4 Il-kelma tradotta “ruħ” (psy·kheʹ) tidher iktar minn mitt darba fl-Iskrittura Griega Kristjana. Bħal neʹphesh, din il-kelma taʼ spiss tirreferi għall-persuna kollha kemm hi. Per eżempju, ikkunsidra l-istqarrijiet li ġejjin: “Qiegħed inħoss ruħi mħawwda.” (Ġwann 12:27) “Waqaʼ mbagħad il-biżaʼ fuq kulħadd (“kull ruħ,” NW).” (Atti 2:43) “Kull bniedem (“ruħ,” NW) għandu jobdi lill-awtorità taʼ fuqu.” (Rumani 13:1) “Lissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi.” (1 Tessalonikin 5:14, NW) “Ftit, jiġifieri tmienja biss (“tmien erwieħ,” NW), salvaw bis-saħħa taʼ l-ilma.” (1 Pietru 3:20) Biċ-ċar, psy·kheʹ, bħal neʹphesh, tirreferi għall-persuna kollha kemm hi. Skond l-istudjuż Nigel Turner, din il-kelma “tissinjifika dak li hu karatteristikament uman, l-individwu nnifsu, il-ġisem materjali bir-rûaḥ [spirtu] li Alla nefaħlu ġewwa fih. . . . L-enfasi qegħda fuq l-individwu kollu kemm hu.”
5. L-annimali huma erwieħ? Spjega.
5 Huwa taʼ interess li fil-Bibbja l-kelma “ruħ” tapplika mhux biss għall-bnedmin imma anki għall-annimali. Per eżempju, waqt li jiddeskrivi l-ħolqien tal-ħlejjaq tal-baħar, Ġenesi 1:20 jgħid li Alla kkmanda: “Jiżgħed l-ilma b’kotra taʼ ħlejjaq (“erwieħ,” NW) ħajjin.” U fil-jum kreattiv taʼ wara, Alla qal: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja (“erwieħ ħajjin,” NW) skond ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi skond ġenshom.”—Ġenesi 1:24; qabbel Numri 31:28, NW.
6. X’jistaʼ jingħad dwar il-mod kif il-Bibbja tuża l-kelma “ruħ”?
6 Għalhekk, il-kelma “ruħ” kif użata fil-Bibbja tirreferi għal persuna jew annimal jew għall-ħajja li jgawdu persuna jew annimal. (Ara l-kaxxa t’hawn fuq.) Il-mod kif il-Bibbja tiddefinixxi r-ruħ huwa sempliċi, konsistenti, u mhux imxekkel mill-filosofiji u s-superstizzjonijiet ikkomplikati tal-bnedmin. Ladarba dan huwa l-każ, il-mistoqsija urġenti li trid issir hi, Skond il-Bibbja, x’jiġrilha r-ruħ mal-mewt?
Il-Mejtin M’huma Konxji taʼ Xejn
7, 8. (a) L-Iskrittura x’tirrivela dwar il-kundizzjoni tal-mejtin? (b) Agħti eżempji mill-Bibbja li juru li r-ruħ tistaʼ tmut.
7 Il-kundizzjoni tal-mejtin tintgħamel ċara f’Koħèlet 9:5, 10, fejn naqraw: “[I]l-mejtin ma jafu xejn . . . Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet fejn inti sejjer.” Il-mewt, għalhekk, hija stat taʼ ineżistenza. Is-salmista kiteb li meta bniedem imut, “lejn l-art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” (Salm 146:4) Il-mejtin m’huma konxji taʼ xejn; huma inattivi.
8 Meta ppronunzja s-sentenza fuq Adam, Alla stqarr: “Għax trab int, u fit-trab terġaʼ tmur.” (Ġenesi 3:19) Qabel ma Alla fformah mit-trab taʼ l-art u tah il-ħajja, Adam ma kienx jeżisti. Meta miet, hu rritorna għal dak l-istat. Il-kastig tiegħu kien il-mewt—mhux trasferiment għal ġo xi qasam ieħor. Allura, xi ġralha ruħu? Ladarba fil-Bibbja l-kelma “ruħ” taʼ spiss sempliċement tirreferi għal xi persuna, meta ngħidu li Adam miet, inkunu qegħdin ngħidu li r-ruħ bl-isem taʼ Adam mietet. Dan għandu mnejn jinstemaʼ stramb għal xi ħadd li jemmen fl-immortalità tar-ruħ. Madankollu, il-Bibbja tistqarr: “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, KŻ) Levitiku 21:1 jitkellem dwar “mejjet” (“ruħ mejta,” NW). U lin-Nażrin intqalilhom biex ma jersqu qrib taʼ “ebda mejjet” (“ebda ruħ mejta,” NW).—Numri 6:6.
9. Xi trid tfisser il-Bibbja meta tgħid li ruħ Rakel kienet “ħierġa”?
9 Iżda xi ngħidu dwar l-istqarrija f’Ġenesi 35:18 rigward il-mewta traġika taʼ Rakel, li seħħet waqt li welldet lit-tieni iben tagħha? Hemmhekk naqraw: “Hi u ħierġa ruħha – għax kienet qiegħda tmut – sejjħet ismu Benoni, iżda missieru semmieh Benjamin.” Timplika din is-silta li Rakel kellha xi esseri ġewwieni li telaqha meta mietet? Xejn affattu. Ftakar, il-kelma “ruħ” tistaʼ wkoll tirreferi għall-ħajja li persuna tippossiedi. Mela f’dan il-każ “ruħ” Rakel kienet sempliċement tfisser ‘ħajjitha.’ Huwa għalhekk li Bibbji oħrajn jittraduċu l-frażi “ħierġa ruħha” bħala “ħajjitha kienet qegħda tmajna” (Knox), “ħadet l-aħħar nifs tagħha” (Jerusalem Bible), u “ħajjitha ħallietha” (Bible in Basic English). M’hemm ebda indikazzjoni li xi parti misterjuża minn Rakel baqgħet ħajja wara mewtha.
10. Ruħ l-iben irxoxtat taʼ l-armla b’liema mod “reġgħet lura fih”?
10 Huwa simili dwar l-irxoxt taʼ bin waħda armla, iddokumentat fl-1 Slaten kapitlu 17. Fil-vers 22, naqraw li waqt li Elija kien qed jitlob fuq it-tfajjel, “[i]l-Mulej samaʼ leħen Elija, u ruħ it-tifel reġgħet lura fih, u ħa l-ħajja.” Għal darb’oħra, il-kelma “ruħ” tfisser “ħajja.” B’hekk, in-New American Standard Bible tinqara: “Il-ħajja tat-tifel reġgħet ġiet għandu u stejqer.” Iva, kienet il-ħajja, mhux xi ħaġa bħal ombra, li reġgħet ġiet għand it-tifel. Dan huwa f’armonija maʼ dak li Elija qal lil omm it-tifel: “Ara, ibnek [il-persuna kollha kemm hi] ħaj.”—1 Slaten 17:23.
Xi Ngħidu dwar l-Ispirtu?
11. Il-kelma “spirtu” għala ma tistax tirreferi għal xi parti bla ġisem minn persuna li tibqaʼ ħajja wara l-mewt?
11 Il-Bibbja tgħid li meta bniedem imut, “l-ispirtu tiegħu joħroġ, hu jerġaʼ lura lejn l-art tiegħu.” (Salm 146:4, NW) Ifisser dan li spirtu bla ġisem litteralment jitlaq u jibqaʼ jgħix wara l-mewt tal-persuna? Dak ma jistax ikun, għax is-salmista jissokta jgħid: “F’dak il-jum ħsibijietu tassew jgħibu” (“ħsibijietu jintemmu,” KŻ). X’inhu, mela, l-ispirtu, u dan kif “joħroġ” minn ġo persuna mal-mewt?
12. X’inhu implikat mill-kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg tradotti “spirtu” fil-Bibbja?
12 Fil-Bibbja l-kelmiet tradotti “spirtu” (Ebrajk, ruʹach; Grieg, pneuʹma) bażikament ifissru “nifs.” B’hekk, minflok “l-ispirtu tiegħu joħroġ,” it-traduzzjoni taʼ R. A. Knox tuża l-frażi, “in-nifs jitlaq minn ġismu.” (Salm 145:4) Imma l-kelma “spirtu” timplika ferm iżjed milli wieħed jieħu n-nifs. Per eżempju, meta jiddeskrivi l-qerda tal-ħajja tal-bnedmin u taʼ l-annimali fi żmien l-Għarqa globali, Ġenesi 7:22 (NW) jgħid: “Kull ħaġa li ġo fiha n-nifs tal-forza [jew spirtu; Ebrajk, ruʹach] tal-ħajja kien attiv f’imnifsejha, jiġifieri, dawk kollha li kienu fuq l-art niexfa, mietet.” Mela, “spirtu” jistaʼ jirreferi għall-forza tal-ħajja li hija attiva fil-ħlejjaq ħajjin kollha, kemm bnedmin u kemm annimali, u li hija sostnuta bin-nifs.
13. L-ispirtu kif jirritorna lejn Alla mal-mewt taʼ persuna?
13 X’ifisser, allura, meta Koħèlet 12:7 jgħid li meta persuna tmut, “[i]n-nifs tal-ħajja [“l-ispirtu,” NW] jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie”? Ifisser dan li l-ispirtu jivvjaġġa litteralment minn ġo l-ispazju għal quddiem il-preżenza t’Alla? Xejn minn dan m’hu implikat. Ladarba l-ispirtu huwa l-forza tal-ħajja, dan “jitlaq lejn Alla” fis-sens li kwalunkwe tama taʼ ħajja futura għal dik il-persuna issa tiddependi totalment minn Alla. Alla biss jistaʼ jirrestawra l-ispirtu, jew forza tal-ħajja, billi jġiegħel lil persuna terġaʼ tieħu l-ħajja. (Salm 104:30) Imma huwa l-iskop t’Alla li jagħmel dan?
“Jerġaʼ Jqum”
14. X’qal u x’għamel Ġesù biex iġib serħan u faraġ lil ħut Lazzru wara t-telfa taʼ ħuhom?
14 Fil-belt żgħira taʼ Betanja, madwar tliet kilometri lejn il-lvant taʼ Ġerusalemm, Marija u Marta kienu mnikktin minħabba ħuhom Lazzru, li miet f’qasir il-għomor. Ġesù tnikket bħalhom, għax kellu affezzjoni lejn Lazzru u ħutu. Kif setaʼ Ġesù jikkonslahom lil dawn in-nisa? Mhux billi jgħidilhom xi storja kkumplikata, imma billi jgħidilhom il-verità. Ġesù sempliċement qal: “Ħuk jerġaʼ jqum!” Imbagħad, Ġesù mar ħdejn il-qabar, u qajjem lil Lazzru—billi ta lura l-ħajja lil raġel li kien ilu mejjet erbat ijiem!—Ġwann 11:18-23, 38-44.
15. X’kienet ir-reazzjoni taʼ Marta għal dak li Ġesù qal u għamel?
15 Kienet Marta sorpriża bl-istqarrija taʼ Ġesù li Lazzru kien se “jqum”? Milli jidher le, għax hi wieġbet: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Diġà kellha fidi fil-wegħda taʼ l-irxoxt. Imbagħad Ġesù qalilha: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix.” (Ġwann 11:23-25) Il-miraklu tar-restawr taʼ Lazzru għall-ħajja serva biex saħħaħ mill-ġdid il-fidi tagħha u biex nissel fidi f’oħrajn. (Ġwann 11:45) Iżda x’ifisser eżattament it-terminu “rxoxt”?
16. Xi tfisser il-kelma “rxoxt”?
16 Il-kelma “rxoxt” hija tradotta mill-kelma Griega a·naʹsta·sis, li litteralment tfisser “li wieħed jerġaʼ jqum bil-wieqfa.” Tradutturi Ebrej tal-Grieg ittraduċew il-kelma a·naʹsta·sis b’espressjoni li tfisser “ħajja mill-ġdid tal-mejtin.” (Ebrajk, techi·yathʹ ham·me·thimʹ).a B’hekk, l-irxoxt jinvolvi li l-persuna tittellaʼ mill-kundizzjoni bla ħajja tal-mewt—billi jiġi rrestawrat u attivat mill-ġdid il-mod taʼ ħajja taʼ l-individwu.
17. (a) L-irxoxt taʼ individwi għala ma joħloq l-ebda problema għal Alla Jehovah u għal Ġesù Kristu? (b) Ġesù liema wegħda għamel rigward dawk fl-oqbra tal-mafkar?
17 Billi għandu għerf infinit u memorja perfetta, Alla Jehovah jistaʼ faċilment jirxoxta persuna. Li jiftakar il-mod taʼ ħajja taʼ wħud mejtin—il-karatteristiċi tal-personalità tagħhom, l-istorja persunali tagħhom, u d-dettalji kollha taʼ l-identità tagħhom—m’hijiex problema għalih. (Ġob 12:13; qabbel Isaija 40:26.) Iktar minn hekk, bħalma tindika l-esperjenza taʼ Lazzru, Ġesù Kristu hu kemm dispost, kif ukoll kapaċi jirxoxta lill-mejtin. (Qabbel Luqa 7:11-17; 8:40-56.) Fil-fatt, Ġesù Kristu qal: “Tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra [“tal-mafkar,” “NW”] jisimgħu leħnu [taʼ Ġesù] u joħorġu.” (Ġwann 5:28, 29) Iva, Ġesù Kristu wiegħed li dawk kollha fil-memorja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati. Jidher ċar li skond il-Bibbja, ir-ruħ tmut, u r-rimedju għall-mewt hu l-irxoxt. Imma biljuni taʼ nies għexu u mietu. Min hemm fosthom fil-memorja t’Alla, jistenna l-irxoxt?
18. Min se jiġi rxoxtat?
18 Dawk li segwew korsa taʼ tjieba bħala qaddejja taʼ Jehovah se jiġu rxoxtati. Madankollu, miljuni taʼ nies oħrajn mietu mingħajr ma wrew jekk kinux se jgħixu fi qbil mal-livelli taʼ tjieba t’Alla. Dawn jew kienu fl-injoranza rigward il-ħtiġijiet taʼ Jehovah jew ma kellhomx biżżejjed żmien biex jagħmlu l-bidliet meħtiġin. Dawn l-uħud ukoll jinsabu fil-memorja t’Alla, u b’hekk se jiġu rxoxtati, għax il-Bibbja twiegħed: “Kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena [“dawk li m’humiex twajbin,” NW] għad iqumu minn bejn l-imwiet.”—Atti 24:15.
19. (a) L-appostlu Ġwanni liema viżjoni rċieva dwar l-irxoxt? (b) Liema ħaġa ‘ġiet mixħuta fl-għadira tan-nar,’ u xi tfisser din l-espressjoni?
19 L-appostlu Ġwanni kellu viżjoni eċċitanti taʼ wħud irxoxtati weqfin quddiem it-tron t’Alla. Waqt li ddeskrivieha, hu kiteb: “Il-baħar radd lura l-mejtin li kien hemm ġo fih, u hekk ukoll il-Mewt u l-qiegħ taʼ l-art [“Ħades,” NW] raddew lura l-mejtin li kien hemm ġo fihom, u kull wieħed minnhom sar ħaqq minnu fuq l-għemejjel tiegħu. Mbagħad il-Mewt u Post il-Mejtin [“Ħades,” NW] ġew mixħuta fil-belliegħa tan-nar – din l-għadira tan-nar hija t-tieni mewt.” (Apokalissi 20:12-14) Aħseb ftit x’ifisser dan! Il-mejtin kollha li jinsabu fil-memorja t’Alla se jinħelsu minn Ħades, jew Xeol, il-qabar komuni taʼ l-umanità. (Salm 16:10; Atti 2:31) Imbagħad “il-mewt u Ħades” se jinxteħtu f’dik li tissejjaħ “l-għadira tan-nar,” li tissimbolizza qerda kompleta. Il-qabar komuni taʼ l-umanità ma jibqax jeżisti.
Prospett Uniku!
20. Miljuni li bħalissa jinsabu mejtin, għal liema xorta taʼ ambjent se jiġu rxoxtati?
20 Meta miljuni jiġu mqajmin fl-irxoxt, dawn ma jinġibux lura għall-ħajja fuq l-art diżabitata. (Isaija 45:18) Huma se jistenbħu f’ambjent imsebbaħ u se jsibu li ġie ppreparat għalihom fejn joqogħdu, x’jilbsu, u abbundanza taʼ ikel. (Salm 67:7 [Salm 67:6, NW]; 72:16; Isaija 65:21, 22) Min se jagħmel dawn il-preparazzjonijiet kollha? Ovvjament, se jkun hemm min ikun qed jgħix fid-dinja l-ġdida qabel ma jibda l-irxoxt għal fuq l-art. Imma min?
21, 22. Liema prospett uniku jistenna lil dawk li qed jgħixu “fl-aħħar jiem”?
21 It-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja juri li qegħdin ngħixu “fl-aħħar jiem” taʼ din is-sistema t’affarijiet.b (2 Timotju 3:1, NW) Dalwaqt issa, Alla Jehovah se jindaħal fit-tmexxija umana u jeqred għalkollox il-ħażen mill-art. (Salm 37:10, 11; Proverbji 2:21, 22) F’dak iż-żmien, x’se jiġrilhom dawk li jkunu qegħdin jaqdu lil Alla fedelment?
22 Jehovah m’huwiex se jeqred lit-twajbin flimkien maʼ dawk mill-agħar. (Salm 145:20) Hu qatt ma għamel ħaġa bħal din, u m’huwiex se jagħmel dan meta jnaddaf l-art mill-ħażen kollu. (Qabbel Ġenesi 18:22, 23, 26.) Fil-fatt, l-aħħar ktieb tal-Bibbja jitkellem dwar “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” ħierġa mit-“taħbit il-kbir [“tribulazzjoni l-kbira,” NW].” (Apokalissi 7:9-14) Iva, kotra kbira se tibqaʼ ħajja wara t-tribulazzjoni l-kbira li permezz tagħha tintemm id-dinja preżenti mill-agħar, u dawn se jidħlu fid-dinja l-ġdida t’Alla. Hemmhekk, l-umanità ubbidjenti tistaʼ tibbenefika bis-sħiħ mill-provvediment meraviljuż t’Alla biex jeħles lill-umanità mid-dnub u l-mewt. (Apokalissi 22:1, 2) B’hekk, il-“kotra kbira” qatt ma se jkollha għalfejn tesperjenza l-mewt. Xi prospett uniku!
Ħajja Mingħajr Mewt
23, 24. X’għandek tagħmel jekk trid tgawdi ħajja mingħajr mewt fil-Ġenna fuq l-art?
23 Nistgħu aħna jkollna fiduċja f’din it-tama taʼ l-għaġeb? Assolutament! Ġesù Kristu nnifsu indika li kellu jkun hemm żmien meta n-nies kienu se jgħixu mingħajr qatt ma jmutu. Ftit qabel ma rxoxta lil ħabibu Lazzru, Ġesù qal lil Marta: “Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”—Ġwann 11:26.
24 Trid int tgħix għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art? Għandek xewqa kbira li tara lill-maħbubin tiegħek mill-ġdid? “[I]d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem,” jgħid l-appostlu Ġwanni. (1 Ġwann 2:17) Issa hu ż-żmien li titgħallem x’inhi r-rieda t’Alla u tkun determinat li tgħix fi qbil magħha. Imbagħad int, flimkien maʼ miljuni t’oħrajn li diġà qed jagħmlu r-rieda t’Alla, tistaʼ tgħix għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art.
[Noti taʼ taħt]
a Filwaqt li l-kelma “rxoxt” ma tidhirx fl-Iskrittura Ebrajka, it-tama taʼ l-irxoxt hija espressa b’mod ċar f’Ġob 14:13, f’Danjel 12:13, u f’Hosegħa 13:14.
b Ara Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġni 98-107.
Tiftakar Int?
◻ X’inhi t-tifsira bażika tal-kelmiet bil-lingwi oriġinali li jiġu tradotti “ruħ”?
◻ X’jiġrilha r-ruħ mal-mewt?
◻ Skond il-Bibbja, x’inhu r-rimedju għall-mewt?
◻ Liema prospett uniku jistenna lil uħud leali llum?
[Kaxxa f’paġna 15]
“Ruħ” Bħala l-Ħajja taʼ Ħlejqa
Xi drabi, il-kelma “ruħ” tirreferi għall-ħajja li jgawdu persuna jew annimal. Dan ma jbiddilx id-definizzjoni tal-Bibbja dwar ir-ruħ bħala persuna jew annimal. Biex nagħtu eżempju: Aħna ngħidu dwar xi ħadd li hu ħaj, li jfisser li hu persuna ħajja. Nistgħu ngħidu wkoll li hu jippossiedi l-ħajja. Bl-istess mod, persuna ħajja hija ruħ. Madankollu, dment li wieħed hu ħaj, jistaʼ jingħad li r-“ruħ” hija xi ħaġa li hu jippossiedi.
Per eżempju, Alla qal lil Mosè: “In-nies li kienu jfittxulek ħajtek (“ruħek,” NW) mietu lkoll.” Jidher ċar li l-għedewwa taʼ Mosè kienu qed ifittxu li jneħħulu ħajtu. (Eżodu 4:19; qabbel Ġożwè 9:24; Proverbji 12:10.) Ġesù uża l-kelma b’mod simili meta qal: “Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu (“ruħu,” NW) b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28; qabbel 10:28.) F’kull każ, il-kelma “ruħ” tfisser “il-ħajja taʼ xi ħlejqa.”
[Stampi f’paġna 15]
Dawn kollha huma erwieħ
[Sors]
Hummingbird: U.S. Fish and Wildlife Service, Washington, D.C./Dean Biggins
[Stampa f’paġna 17]
Ġesù wera li r-rimedju għall-mewt huwa l-irxoxt
[Stampa f’paġna 18]
“Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”—Ġwann 11:26