LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 8/15 pp. 12-15
  • ‘O Ġeħova, Għaddini minn Prova’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘O Ġeħova, Għaddini minn Prova’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kristjani Għala Jiġu Mġarrbin?
  • Prova tal-​Fidi mill-​Qedem
  • Il-​Fidi Tagħna Wkoll Qed Tiġi Mġarrba
  • Il-​Valur taʼ Fidi Mġarrba
  • Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • “Qawwu Qalbkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Prova tal-fidi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 8/15 pp. 12-15

‘O Ġeħova, Għaddini minn Prova’

“ĠEĦOVA hu dak li jeżamina l-​qlub.” (Proverbji 17:​3, NW) Dan għandu jkun tassew taʼ serħan għalina lkoll. Għala? Għaliex kuntrarju għall-​bnedmin, li jiġġudikaw biss minn dak li jaraw b’għajnejhom stess, Missierna tas-​sema ‘jara l-​qalb.’​—1 Samwel 16:7.

Fil-fatt, anki aħna stess ma nafux niġġudikaw bl-​aħjar mod l-​iktar motivi u inklinazzjonijiet profondi tagħna nfusna. Għala? Għaliex “qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?” Madankollu, Alla jafu dan, għaliex hu jiddikjara: “Jien hu l-​Mulej, li nifli l-​qalb u ngħarbel il-​ġewwieni.” (Ġeremija 17:​9, 10) Iva, Ġeħova jifhem “il-​qalb”​—inkluż il-​motivazzjonijiet ġewwinija tagħna​—kif ukoll “il-​ġewwieni,” l-​iktar ħsibijiet u emozzjonijiet profondi tagħna.

Il-​Kristjani Għala Jiġu Mġarrbin?

Mela mhux taʼ b’xejn li s-​Sultan David tal-​qedem qal lil Alla: “Eżaminani, O Ġeħova, u għaddini minn prova; Irfinali l-​kliewi u qalbi”! (Salm 26:​2, NW) Kienu l-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ David tant nodfa għalkollox li ma kellux minn xiex jibżaʼ li kieku Ġeħova kellu jgħaddih minn prova? Dażgur li le! David, bħalna lkoll, kien imperfett u ma setax jimxi b’mod perfett mal-​livelli t’Alla. Minħabba d-​dgħjufijiet tiegħu, David ikkommetta diversi dnubiet serji, imma minkejja dan hu ‘mexa bis-​safa tal-​qalb.’ (1 Slaten 9:4) Kif? Billi aċċetta t-​twiddib u rranġa ħajtu. B’dan il-​mod, hu wera li kien iħobb lil Ġeħova ġenwinament. Id-​devozzjoni tiegħu lejn Alla kienet sħiħa.

Xi ngħidu għalina llum? Ġeħova jaf li aħna imperfetti u li nistgħu nidinbu bi kliemna u b’għemilna. Madankollu, hu ma jiddeterminax it-​triq taʼ ħajjitna billi juża l-​abbiltà tiegħu li jkun jaf il-​futur tagħna minn qabel. Hu ħalaqna bl-​abbiltà li nieħdu d-​deċiżjonijiet tagħna stess, u jirrispetta l-​libertà tagħna li nagħżlu​—għotja li tana b’qalb tajba.

Xorta waħda, kultant Ġeħova f’ċertu sens iġarrab il-​persuna ġewwinija tagħna, inkluż il-​motivi tagħna. Hu jistaʼ jagħmel dan billi jippermetti opportunitajiet li jikxfu l-​kundizzjoni taʼ qalbna. Hu jistaʼ jippermetti wkoll diversi ċirkustanzi u sfidi li jikxfu l-​iktar inklinazzjonijiet ġewwinin tagħna. Dan jagħtina l-​opportunità biex nuru lil Ġeħova kemm aħna devoti u leali. Dan it-​tip taʼ tiġrib li jippermetti Ġeħova jistaʼ juri xi kwalità taʼ fidi għandna, jekk aħniex ‘kompluti u sħaħ, bla ma jonqosna xejn.’​—Ġakbu 1:​2-4.

Prova tal-​Fidi mill-​Qedem

Il-​qaddejja taʼ Ġeħova mhux l-​ewwel darba ġarrbu provi tal-​fidi u l-​motivi tagħhom. Ikkunsidra l-​patrijarka Abraham. “Alla ried iġarrab lil Abraham.” (Ġenesi 22:1) Meta ntqal dan il-​kliem, il-​fidi t’Abraham f’Alla kienet diġà ġiet imġarrba. Għaxriet taʼ snin qabel, Ġeħova kien staqsa lil Abraham biex jitlaq mal-​familja tiegħu mill-​belt prosperuża t’Ur lejn art mhix magħrufa. (Ġenesi 11:31; Atti 7:​2-4) Abraham, li x’aktarx kellu dar f’Ur, ma xtara ebda residenza permanenti f’Kangħan, fejn għex għal għaxriet taʼ snin. (Ebrej 11:9) L-​istat t’Abraham bħala nomadu poġġa lilu u lill-​familja tiegħu f’xi perikli minħabba l-​ġuħ, il-​qtajjaʼ armati, u l-​ħakkiema pagani taʼ l-​inħawi. Matul dan il-​perijodu kollu, Abraham wera li l-​fidi tiegħu kienet waħda taʼ l-​aqwa kwalità.

Imbagħad, Ġeħova ġarrab lil Abraham bi prova akbar. “Aqbad lil ibnek il-​waħdieni, li int tħobb, lil Iżakk, u . . . offrih b’sagrifiċċju tal-​ħruq.” (Ġenesi 22:2) Għal Abraham, Iżakk ma kienx sempliċement iben kwalunkwe. Hu kien l-​uniku iben t’Abraham u martu Sara. Iżakk kien bin il-​wegħda, l-​unika tama għal Abraham li n-​“nisel” tiegħu xi darba jiret l-​art taʼ Kangħan u jkun barka għal ħafna, skond il-​wegħda t’Alla. Wara kollox, Iżakk kien dak l-​iben li Abraham stenna li jkollu u li twieled permezz taʼ miraklu minn Alla!​—Ġenesi 15:​2-4, 7.

Tistaʼ timmaġina kemm setaʼ kien diffiċli għal Abraham li jifhem dan il-​kmand. Kien Ġeħova se jitlob sagrifiċċju uman? Għala kien Ġeħova se jippermetti li Abraham jesperjenza l-​ferħ prezzjuż minħabba li kellu iben fi xjuħitu, sempliċement biex jitolbu jissagrifika lil dan l-​istess iben?a

Mingħajr ma kellu tweġibiet ċari għal dawn il-​mistoqsijiet, Abraham obda minnufih. Dam sejjer tlett ijiem biex laħaq il-​muntanja magħżula. Hemmhekk bena artal u poġġa l-​injam biex jaħarqu fil-​wiċċ. Issa wasal il-​mument kruċjali tal-​prova. Abraham qabad is-​sikkina, imma hekk kif kien se joqtol lil ibnu, Ġeħova waqqfu permezz t’anġlu u qallu: “Issa naf li inti tibżaʼ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-​waħdieni.” (Ġenesi 22:​3, 11, 12) Aħseb ftit kemm ħassu premjat bil-​kbir Abraham malli semaʼ dan il-​kliem! Dak li ħaseb Ġeħova minn qabel dwar il-​fidi tiegħu kien korrett. (Ġenesi 15:​5, 6) Imbagħad, Abraham issagrifika muntun li ħa post Iżakk. Wara dan, Ġeħova kkonferma l-​wegħdi tal-​patt dwar in-​nisel t’Abraham. Mhux taʼ b’xejn li Abraham sar magħruf bħala l-​ħabib t’Alla!​—Ġenesi 22:​13-​18; Ġakbu 2:​21-​23.

Il-​Fidi Tagħna Wkoll Qed Tiġi Mġarrba

Aħna lkoll nirrealizzaw li l-​qaddejja t’Alla llum ma jistgħux jaħarbu mill-​provi. Madankollu, fil-​każ tagħna l-​prova għandha mnejn tkun tikkonsisti f’dak li Ġeħova jippermetti li jseħħ iktar milli f’dak li jgħidilna biex nagħmlu.

L-appostlu Pawlu kiteb: “Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.” (2 Timotju 3:​12) Din il-​persekuzzjoni tistaʼ tiġi minn sħabna taʼ l-​iskola, il-​ħbieb, il-​qraba, il-​ġirien, jew awtoritajiet tal-​gvern li jkollhom informazzjoni żbaljata. Din tistaʼ tinkludi abbuż verbali u fiżiku kif ukoll dawn l-​uħud għandhom mnejn jindaħlu biex lill-​Kristjan jagħmluhielu diffiċli li jikseb l-​għajxien. Il-​Kristjani veri jesperjenzaw ukoll il-​problemi li huma komuni għall-​bnedmin​—il-​mard, id-​diżappunti, u l-​inġustizzji. Dawn il-​provi kollha jġarrbu l-​fidi taʼ l-​individwu.

L-appostlu Pietru ġibed l-​attenzjoni lejn l-​aspetti pożittivi li hemm f’li wieħed ikollu l-​fidi mġarrba: “Qed titnikktu b’diversi provi, sabiex il-​fidi tagħkom li tgħaddi mill-​provi tkun taʼ kwalità li tiswa ferm iktar mid-​deheb li jintemm minkejja li jgħaddi mill-​prova tan-​nar u tkun tistaʼ ġġib tifħir u glorja u unur fir-​rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu.” (1 Pietru 1:​6, 7) Iva, l-​effetti tal-​provi jitqabblu maʼ l-​irfinar tad-​deheb permezz tan-​nar. Il-​proċess taʼ l-​irfinar jirrivela dak li hu pur u jneħħi dak li m’huwiex pur. Xi ħaġa simili sseħħ b’konnessjoni mal-​fidi tagħna meta nesperjenzaw il-​provi.

Per eżempju, aċċident jew diżastru naturali jistaʼ jġibilna t-​tbatija. Xorta waħda, dawk li għandhom fidi ġenwina ma jsirux ansjużi żżejjed. Huma jiksbu l-​faraġ permezz taʼ l-​assiguranza taʼ Ġeħova: “Żgur ma nitilqikx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebrej 13:5) Huma jibqgħu jagħtu prijorità lill-​affarijiet spiritwali, fiduċjużi li Alla Ġeħova se jbierek l-​isforzi tagħhom biex jiksbu dak li tassew għandhom bżonn. Il-​fidi tagħhom issostnihom fi żminijiet diffiċli u tgħinhom biex ma jikkomplikawx is-​sitwazzjoni tagħhom billi jinkwetaw bla bżonn.

Il-fatt li l-​provi jistgħu jikxfu d-​dgħjufijiet fil-​fidi tagħna jistaʼ jkun ukoll taʼ benefiċċju jekk b’dan il-​mod naraw li għandna bżonn naġixxu biex nikkoreġu lilna nfusna. Individwu jagħmel tajjeb jekk jistaqsi lilu nnifsu: ‘Kif nistaʼ nsaħħaħ il-​fidi tiegħi? Għandi bżonn inqattaʼ iktar ħin nikkunsidra bit-​talb u nimmedita dwar il-​Kelma t’Alla? Nieħu jien vantaġġ bis-​sħiħ mill-​provvedimenti biex nattendi l-​laqgħat maʼ sħabi fit-​twemmin? Nistrieħ jien fuqi nnifsi meta jkun xieraq li nħalli l-​inkwiet tiegħi f’idejn Alla Ġeħova permezz tat-​talb?’ Madankollu, eżami persunali bħal dan huwa biss il-​bidu.

Wieħed għandu mnejn ikollu jtejjeb l-​aptit spiritwali tiegħu sabiex isaħħaħ il-​fidi, billi juri “xenqa għall-​ħalib safi tal-​kelma.” (1 Pietru 2:2; Ebrej 5:​12-​14) Aħna għandna nistinkaw biex inkunu bħar-​raġel li ddeskriva s-​salmista: “Fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-​liġi tiegħu.”​—Salm 1:2.

Dan jeħtieġ iktar milli sempliċement naqraw il-​Bibbja. Huwa importanti li naħsbu dwar dak li tgħidilna l-​Kelma t’Alla u napplikaw it-​twissijiet li tagħtina. (Ġakbu 1:​22-​25) Minħabba f’hekk, l-​imħabba tagħna għal Alla se tikber, it-​talb tagħna se jkun iktar speċifiku u persunali, u l-​fidi tagħna fih se ssir iktar b’saħħitha.

Il-​Valur taʼ Fidi Mġarrba

Il-​fatt li nirrealizzaw li l-​fidi hija assolutament essenzjali biex niksbu l-​approvazzjoni t’Alla jagħtina motivazzjoni qawwija biex insaħħuha. Il-​Bibbja tfakkarna: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew, għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Għalhekk, għandna nħossuna bħar-​raġel li bil-​ħrara talab lil Ġesù: “Għinni fejn neħtieġ il-​fidi!”​—Marku 9:​24.

Il-provi tal-​fidi tagħna jistgħu wkoll jgħinu lil oħrajn. Per eżempju, meta Kristjan jitlef lil xi ħadd maħbub fil-​mewt, il-​fidi soda tiegħu fil-​wegħda t’Alla dwar l-​irxoxt se tagħtih is-​saħħa. Hu jitnikket, imma ‘ma jsewwidx qalbu bħall-​oħrajn li m’ għandhomx tama.’ (1 Tessalonikin 4:​13, 14) Oħrajn li josservaw il-​qawwa li ssaħħaħ tal-​fidi taʼ Kristjan, għandhom mnejn jibdew jirrealizzaw li hu għandu xi ħaġa tassew taʼ valur. Dan jistaʼ jqanqalhom biex jibdew jixtiequ li jkollhom fidi simili, u b’hekk jiġu motivati biex jitgħallmu dwar il-​Kelma t’Alla u biex isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu.

Ġeħova jaf li fidi mġarrba għandha valur kbir. Ukoll, il-​provi tal-​fidi jippermettulna naraw jekk il-​fidi tagħna hijiex tant qawwija li tistaʼ tagħtina s-​saħħa. Aħna niġu megħjunin biex nindunaw bid-​dgħjufijiet fil-​fidi tagħna, u dan jippermettilna li nirranġaw l-​affarijiet. Finalment, il-​fatt li jirnexxilna ngħaddu mill-​provi b’wiċċ il-​ġid jistaʼ jgħin lil oħrajn biex isiru dixxipli taʼ Ġesù. Mela jalla nagħmlu l-​almu tagħna biex ikollna fidi qawwija​—fidi li wara li tgħaddi minn prova wara l-​oħra “tkun tistaʼ ġġib tifħir u glorja u unur fir-​rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu.”​—1 Pietru 1:7.

[Nota taʼ taħt]

a Biex tifhem is-​sinifikat simboliku tas-​“sagrifiċċju” taʼ Iżakk, ara t-​Torri taʼ l-​Għassa, taʼ l-​1 t’Ottubru, 1989, paġna 10.

[Stampa f’paġna 13]

L-​għemejjel tal-​fidi t’Abraham għamluh il-​ħabib taʼ Ġeħova

[Stampi f’paġna 15]

Il-​provi jistgħu juru li l-​fidi tagħna għandha qawwa li tassew issaħħaħna

[Stampi f’paġna 12]

Mill-​Illustrated Edition of the Holy Scriptures, taʼ Cassell, Petter, & Galpin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja