LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 2/15 pp. 28-29
  • ‘Ara s-sbuħija taʼ Ġeħova’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ara s-sbuħija taʼ Ġeħova’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘ĦARES B’APPREZZAMENT LEJN’ L-​ARRANĠAMENT T’ALLA
  • TGĦAXXAQ BIL-​QIMA VERA
  • Fiduċja Sħiħa f’Ġeħova Tnissel Sens taʼ Sigurtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • “Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħek”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Strieħ fuq l-Ispirtu t’Alla Meta Tiffaċċja Bidliet fil-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ġeħova—‘Dak li Ħarrab’ fi Żminijiet Bibliċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 2/15 pp. 28-29
Is-​Sultan David jimmedita dwar Ġeħova

‘Ara s-​sbuħija taʼ Ġeħova’

Iċ-​ċirkustanzi taʼ niket jistaʼ jkollhom impatt terribbli fuqna. Nistgħu l-​ħin kollu naħsbu fihom, u dawn jistgħu jixorbulna saħħitna, u jeffettwaw il-​mod kif inħarsu lejn il-​ħajja. Is-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem għadda minn ħafna tbatijiet. Kif iffaċċjahom? F’salm li jmiss il-​qalb, David iwieġeb: “B’leħni sejjaħt lil Ġeħova għall-​għajnuna; b’leħni bdejt ngħajjat lil Ġeħova għall-​ħniena. Quddiemu bqajt inferraʼ t-​tħassib tiegħi; lilu għedt dwar in-​niket tiegħi, meta l-​ispirtu tiegħi nfena fija. Dakinhar int kont taf triqti.” Iva, bl-​umiltà, David talab lil Alla għall-​għajnuna.—Salm 142:1-​3.

Matul żminijiet taʼ prova, David talab bl-​umiltà lil Ġeħova għall-​għajnuna

F’salm ieħor, David kanta: “Ħaġa waħda tlabt mingħand Ġeħova—lilha se nfittex, li ngħammar fid-​dar taʼ Ġeħova l-​jiem kollha taʼ ħajti, biex nara s-​sbuħija taʼ Ġeħova u biex inħares b’apprezzament lejn it-​tempju tiegħu.” (Salm 27:4) David ma kienx Levita, imma immaġinah bilwieqfa barra l-​bitħa qaddisa qrib it-​tabernaklu, iċ-​ċentru tal-​qima vera. Qalb David tant hi mimlija gratitudni li jkun irid iqattaʼ l-​bqija taʼ jiemu hemmhekk, u b’hekk ‘jara s-​sbuħija taʼ Ġeħova.’

Il-​kelma “sbuħija” hi assoċjata maʼ xi ħaġa li “togħġob il-​moħħ, is-​sentimenti, jew is-​sensi, u tkun sabiħa għalihom.” David dejjem ħares b’apprezzament lejn l-​arranġament taʼ qima t’Alla. Nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Inħossni jien kif ħassu David?ʼ

‘ĦARES B’APPREZZAMENT LEJN’ L-​ARRANĠAMENT T’ALLA

Fi żmienna, l-​arranġament taʼ Ġeħova biex nersqu lejh mhuwiex ċentrat fuq xi struttura fiżika. Minflok, jinvolvi t-​tempju spiritwali u kbir t’Alla—l-​arranġament sagru tal-​qima vera.a Jekk ‘inħarsu b’apprezzament lejn’ dan l-​arranġament, aħna wkoll inkunu nistgħu ‘naraw is-​sbuħija taʼ Ġeħova.’

Ikkunsidra l-​artal tar-​ram aħmar tal-​offerta tal-​ħruq li kien wieqaf quddiem id-​daħla tat-​tabernaklu. (Eżo. 38:1, 2; 40:6) Dan l-​artal irrappreżenta l-​fatt li Alla kien lest li jaċċetta l-​ħajja umana taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju. (Ebr. 10:5-​10) Aħseb dwar xi jfisser dan għalina! L-​appostlu Pawlu kiteb: “Meta konna għedewwa, erġajna tħabbibna m’Alla permezz tal-​mewt taʼ Ibnu.” (Rum. 5:10) Billi neżerċitaw il-​fidi fid-​demm imxerred taʼ Ġesù, aħna nistgħu ngawdu l-​approvazzjoni u l-​fiduċja li jiġu milli nkunu ħbieb t’Alla. Minħabba f’hekk, nesperjenzaw “l-​intimità maʼ Ġeħova.”—Salm 25:14.

Peress li ‘dnubietna jitħassrulna,’ nesperjenzaw “staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova.” (Atti 3:19) Is-​sitwazzjoni tagħna hi simili għal dik taʼ ħabsi li jiddispjaċih minn dak li għamel qabel u jagħmel bidliet drastiċi hekk kif jistenna l-​esekuzzjoni tiegħu. Meta jara dan, imħallef ġust u ħanin jitqanqal biex iħalli lill-​ħabsi jibda paġna ġdida billi jneħħilu s-​sentenza tal-​mewt. Min jaf kemm il-​ħabsi jħoss serħan il-​moħħ u jkun se jtir bil-​ferħ! Bħal dak l-​imħallef, Ġeħova juri l-​approvazzjoni tiegħu lejn il-​bnedmin li jindmu u jneħħilhom il-​kundanna tal-​mewt.

TGĦAXXAQ BIL-​QIMA VERA

Fost l-​aspetti tal-​qima vera li David setaʼ josserva fid-​dar taʼ Ġeħova kien hemm il-​ġbir taʼ folol kbar taʼ sħabu l-​Iżraelin, il-​qari u l-​ispjegazzjoni tal-​Liġi fil-​pubbliku, il-​ħruq tal-​inċens, u l-​għoti taʼ servizz sagru mill-​qassisin u mil-​Leviti. (Eżo. 30:34-​38; Num. 3:5-​8; Dt. 31:9-​12) Dawn l-​aspetti tal-​qima vera f’Iżrael tal-​qedem jagħtu stampa bil-​quddiem taʼ xi affarijiet fi żmienna.

Fi żmienna, bħal fl-​imgħoddi, “kemm hu tajjeb u sabiħ li l-​aħwa jgħammru flimkien f’unità!” (Salm 133:1) Żieda fenomenali seħħet fil-​“fratellanza kollha” tagħna madwar id-​dinja. (1 Pt. 2:17) Il-​Kelma t’Alla tinqara u tiġi spjegata pubblikament fil-​laqgħat tagħna. Permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova pprovda programm abbundanti taʼ istruzzjoni. Hemm ukoll ħafna ikel spiritwali li hu disponibbli permezz taʼ pubblikazzjonijiet stampati biex nużawhom fl-​istudju persunali tagħna u bħala familja. Membru mill-​Ġemgħa li Tiggverna qal: “Li nimmedita dwar il-​Kelma taʼ Ġeħova, li nirrifletti fuq it-​tifsira tagħha, u li nfittex id-​dehen u l-​fehma mlewli ħajti b’rikkezzi u b’kuntentizza spiritwali.” Iva, ‘ruħek tistaʼ tibda tieħu pjaċir bl-​għarfien.’—Prov. 2:10.

Illum, it-​talb aċċettabbli tal-​qaddejja t’Alla jinstemaʼ minn Ġeħova kuljum. Għal Ġeħova, dan it-​talb hu bħar-​riħa pjaċevoli tal-​inċens li jfuħ ħafna. (Salm 141:2) Kemm nieħdu pjaċir nirrealizzaw li Alla Ġeħova jitgħaxxaq bina meta nersqu lejh b’talb umli!

Mosè talab: “Ħa tkun fuqna s-​sbuħija taʼ Ġeħova Alla tagħna, u xogħol idejna stabbilih fis-​sod għalina.” (Salm 90:17) Hekk kif inwettqu l-​ministeru tagħna biż-​żelu, Ġeħova jbierek xogħolna. (Prov. 10:22) Forsi għenna lil xi wħud biex jitgħallmu l-​verità. Forsi ssaportejna fil-​ministeru għal bosta snin minkejja l-​apatija, is-​saħħa batuta, l-​uġigħ emozzjonali, jew il-​persekuzzjoni. (1 Tess. 2:2) Minkejja dan, ma rajniex aħna “s-​sbuħija taʼ Ġeħova” u rrealizzajna li Missierna tas-​sema jieħu pjaċir ħafna bl-​isforzi tagħna?

David kanta: “Ġeħova huwa s-​sehem tiegħi, u l-​kies tiegħi jimlihuli sew. Sehmi fil-​ħajja int iżżommu tajjeb f’idejk. Jien kuntent bil-​postijiet li messni bil-​ħbula tal-​kejl.” (Salm 16:5, 6) David kien grat għas-​“sehem” tiegħu, jiġifieri, li jkollu relazzjoni approvata maʼ Ġeħova u li jkollu l-​privileġġ li jaqdih. Bħal David, forsi nsofru xi tbatijiet, imma tinsewx, ara kemm għandna barkiet spiritwali! Għalhekk, ejja nkomplu nitgħaxxqu bil-​qima vera u dejjem ‘inħarsu b’apprezzament lejn it-​tempju’ spiritwali taʼ Ġeħova.

a Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Lulju, 1996, paġni 21-​32.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja