LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 8/15 pp. 17-21
  • Jehovah, ‘il-Kenn Tagħna fi Żmien l-Għawġ’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah, ‘il-Kenn Tagħna fi Żmien l-Għawġ’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Qawwa tat-​Talb
  • L-​Ispirtu t’Alla Jagħtina l-​Għajnuna
  • Il-​Kongregazzjoni —Espressjoni taʼ l-​Imħabba t’Alla
  • Żomm Attitudni Pożittiva
  • Kif Tistaʼ Tersaq Qrib Lejn Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Ersaq Qrib Lejn Alla bit-​Talb
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Ġeħova Jeħles lill-Imnikket
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Afda f’Ġeħova, “l-Alla taʼ Kull Faraġ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 8/15 pp. 17-21

Jehovah, ‘il-​Kenn Tagħna fi Żmien l-​Għawġ’

“Is-​salvazzjoni tal-​ġusti mill-​Mulej; hu l-​kenn tagħhom fi żmien l-​għawġ.” —SALM 37:39.

1, 2. (a)Ġesù x’talab għan-​nom tad-​dixxipli tiegħu? (b) X’inhi r-​rieda t’Alla għall-​poplu tiegħu?

JEHOVAH jistaʼ kollox. Hu għandu l-​qawwa li jipproteġi b’kull mod li jixtieq lil dawk li jaqduh fedelment. Hu saħansitra jistaʼ jifred lin-​nies tiegħu fiżikament mill-​bqija tad-​dinja u jqegħedhom f’ambjent paċifiku u bla periklu. Madankollu, dwar id-​dixxipli tiegħu, Ġesù talab lil Missieru tas-​sema: “Ma nitolbokx li twarrabhom mid-​dinja, imma li tħarishom mill-​Ħażin.”—Ġwanni 17:15.

2 Jehovah għażel li ma joħroġniex “mid-​dinja.” Minflok, ir-​rieda tiegħu hija li ngħixu fost il-​popolazzjoni ġenerali taʼ din id-​dinja sabiex nipproklamaw il-​messaġġ tiegħu taʼ tama u faraġ lil oħrajn. (Rumani 10:13-15) Imma, bħalma implika Ġesù fit-​talba tiegħu, billi ngħixu f’din id-​dinja nistgħu nintlaħqu “mill-​Ħażin.” L-​umanità diżubbidjenti u l-​forzi spirti mill-​agħar jikkaġunaw ħafna wġigħ u diqa, u l-​Kristjani m’humiex meħlusin mill-​għawġ.—1 Pietru 5:9.

3. Liema realtà jkollhom jiffaċċjaw saħansitra dawk li jaduraw lil Jehovah lealment, imma liema faraġ insibu fil-​Kelma t’Alla?

3 Meta tkun għaddej minn provi bħal dawn, huwa naturali li tgħaddi minn perijodi taʼ skuraġġiment. (Proverbji 24:10, KŻ) Fil-​Bibbja nsibu għadd taʼ rakkonti dwar uħud leali li għaddew mill-​għawġ. “Kbar huma l-​ħsarat tar-​raġel sewwa,” qal is-​salmista, “iżda minnhom kollha jeħilsu l-​Mulej.” (Salm 34:20 [34:19, NW]) Iva, anki r-​“raġel sewwa” jġarrab affarijiet koroh. Bħas-​salmista David, kultant saħansitra nistgħu nħossuna ‘mifnija u mfarrkin għalkollox.’ (Salm 38:9 [38:8, NW]) Madankollu, hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Jehovah hu ‘qrib lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.’—Salm 34:19 (34:18, NW); 94:19.

4, 5. (a) Fi qbil maʼ Proverbji 18:10, x’għandna nagħmlu sabiex inkunu nistgħu nirċievu l-​protezzjoni t’Alla? (b) X’inhuma xi passi speċifiċi li nistgħu nieħdu biex nirċievu l-​għajnuna t’Alla?

4 Fi qbil mat-​talba taʼ Ġesù, Jehovah tassew qiegħed iħarisna. Huwa ‘l-​kenn tagħna fi żmien l-​għawġ.’ (Salm 37:39) Il-​ktieb tal-​Proverbji jgħid xi ħaġa simili bil-​kliem: “Isem il-​Mulej hu torri qawwi; fih jistkenn il-​ġust b’moħħu mistrieħ.” (Proverbji 18:10) Din l-​iskrittura tikxef verità bażika dwar l-​interess li Jehovah juri b’tenerezza fil-​ħlejjaq tiegħu. Alla joffri l-​protezzjoni tiegħu speċjalment lill-​ġusti li jfittxuh b’mod attiv, bħallikieku qed niġru lejn torri qawwi għall-​kenn.

5 Meta niffaċċjaw problemi inkwetanti, kif nistgħu nfittxu l-​protezzjoni taʼ Jehovah? Ejja nikkunsidraw tliet passi vitali li nistgħu nieħdu sabiex nirċievu l-​għajnuna taʼ Jehovah. L-​ewwel, irridu nduru lejn Missierna tas-​sema bit-​talb. It-​tieni, għandna naħdmu fi qbil maʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu. U t-​tielet, irridu nissottomettu ruħna għall-​arranġament taʼ Jehovah billi nfittxu li nissieħbu maʼ Kristjani sħabna li jistgħu jtaffulna d-​diqa.

Il-​Qawwa tat-​Talb

6. Il-​Kristjani veri kif iqisuh it-​talb?

6 Xi esperti tas-​saħħa jgħidu li t-​talb huwa tajjeb għall-​kura tad-​dipressjoni u l-​istress. Forsi huwa veru li ftit ħin fil-​kwiet għal riflessjoni bħal dik li ssir fit-​talb jistaʼ jtaffi l-​istress, imma hekk ukoll jagħmlu ċerti ħsejjes tan-​natura jew saħansitra ftit massaġġi fid-​dahar. Il-​Kristjani veri ma jċekknux l-​importanza tat-​talb billi jqisuh biss bħala terapija biex iħossuhom tajjeb. Aħna nqisu t-​talb bħala komunikazzjoni mal-​Ħallieq li tqanqal rispett profond. It-​talb jinvolvi d-​devozzjoni tagħna lejn Alla u l-​fiduċja tagħna fih. Iva, it-​talb huwa parti mill-​qima tagħna.

7. X’jiġifieri li nitolbu b’fiduċja, u talb bħal dan kif jgħinna nkampaw maʼ l-​għawġ?

7 Meta nitolbu jrid ikollna wkoll sens taʼ fiduċja f’Jehovah. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Din hi l-​fiduċja sħiħa li għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Jehovah, l-​Esseri Suprem, l-​uniku Alla veru u li jistaʼ kollox, fil-​fatt jagħti attenzjoni speċjali għat-​talb bil-​ħrara taʼ dawk li jadurawh. Is-​sempliċi fatt li nafu li Alla tagħna taʼ mħabba jismagħna meta naqsmu miegħu l-​inkwiet u l-​problemi tagħna jagħtina l-​faraġ.—Filippin 4:6.

8. Il-​Kristjani leali għala qatt m’għandhom jistħu jew iħossu li ma jixirqilhomx jersqu lejn Jehovah bit-​talb?

8 Meta jersqu lejn Jehovah bit-​talb, il-​Kristjani leali qatt m’għandhom jistħu, iħossu li ma jixirqilhomx jagħmlu dan, jew tonqsilhom il-​fiduċja. Veru, meta nkunu diżappuntati bina nfusna jew inħossuna bombardjati bil-​problemi, forsi mhux dejjem insibuha faċli li nersqu lejn Jehovah bit-​talb. Meta jiġrilna hekk nagħmlu tajjeb li niftakru li Jehovah ‘iħenn għall-​imsejknin tiegħu’ u li “jfarraġ lill-​imgħakksin.” (Isaija 49:13; 2 Korintin 7:6, KŻ) Huwa fi żmien taʼ diqa u għawġ li l-​iktar li jkollna bżonn induru b’fiduċja lejn Missierna tas-​sema bħala l-​kenn tagħna.

9. Il-​fidi x’sehem għandha meta nersqu lejn Alla bit-​talb?

9 Biex nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​privileġġ tat-​talb, irid ikollna fidi vera. Il-​Bibbja tgħid li “kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-​ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Il-​fidi ma tfissirx biss li temmen li “Alla jeżisti.” Il-​fidi vera tinvolvi twemmin sod li Alla jistaʼ u jixtieq jippremjana jekk nobduh f’ħajjitna. “Għajnejn il-​Mulej huma fuq il-​ġusti u widnejh miftuħa għat-​talb tagħhom.” (1 Pietru 3:12) Jekk inżommu dejjem f’moħħna li Jehovah iħobbna u jinteressah minna, it-​talb tagħna se jkollu tifsir speċjali.

10. Kif għandu jkun it-​talb tagħna biex Jehovah ikun jistaʼ jsostnina spiritwalment?

10 Jehovah jismaʼ talbna meta noffruh b’qalb sħiħa. Is-​salmista kiteb: “B’qalbi kollha ngħajjatlek; weġibni, Mulej.” (Salm 119:145) It-​talb tagħna m’għandux isir biss b’rutina jew b’nofs qalb, bħat-​talb ritwalistiku li jsir f’ħafna reliġjonijiet. Meta nitolbu lil Jehovah ‘b’qalbna kollha,’ kliemna se jkun mimli tifsir u skop. Wara talb bil-​ħrara bħal dan, nibdew inħossu s-​serħan li jiġi meta nitfgħu ‘t-​tagħbija tagħna fuq il-​Mulej.’ Bħalma twiegħed il-​Bibbja, ‘hu jgħinna.’—Salm 55:22, KŻ; 1 Pietru 5:6, 7.

L-​Ispirtu t’Alla Jagħtina l-​Għajnuna

11. X’inhu mod wieħed kif Jehovah iweġibna meta nibqgħu nitolbu għall-​għajnuna tiegħu?

11 Jehovah m’huwiex biss Semmiegħ it-​talb imma wkoll Dak li jwieġbu. (Salm 65:3 [65:2, NW]) David kiteb: “F’jum in-​niket tiegħi nsejjaħlek, għax inti żgur tweġibni.” (Salm 86:7) Għaldaqstant, Ġesù inkuraġġixxa lid-​dixxipli tiegħu biex jibqgħu jitolbu għall-​għajnuna taʼ Jehovah, għaliex “il-​Missier mis-​smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:9-13) Iva, il-​forza attiva t’Alla tgħin, jew tfarraġ, lin-​nies tiegħu.—Ġwanni 14:16.

12. L-​ispirtu t’Alla kif jistaʼ jgħinna meta nħossu li l-​problemi tagħna huma kbar wisq?

12 Anki meta niffaċċjaw il-​provi, l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jimliena bil-​“qawwa iktar min-​normal.” (2 Korintin 4:7, NW) L-​appostlu Pawlu, li ssaporta ħafna sitwazzjonijiet stressanti, qal b’fiduċja: “Għal kollox niflaħ bis-​saħħa taʼ dak li jqawwini.” (Filippin 4:13) Bl-​istess mod, is-​suppliki taʼ ħafna Kristjani llum ġew imweġbin billi ngħataw saħħa ġdida spiritwali u emozzjonali. Taʼ spiss, il-​problemi inkwetanti ma jidhrux daqshekk kbar wara li nirċievu l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu t’Alla. Permezz taʼ din is-​saħħa mogħtija minn Alla, nistgħu ngħidu bħall-​appostlu: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin maʼ l-​art, iżda m’aħniex meqrudin.”—2 Korintin 4:8, 9.

13, 14. (a) Jehovah kif kien u għadu l-​kenn tagħna permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu? (b) Kif ibbenefikajt personalment billi applikajt il-​prinċipji tal-​Bibbja?

13 Barra minn hekk, l-​ispirtu qaddis nebbaħ u żamm il-​Kelma miktuba t’Alla qawwija u sħiħa għall-​benefiċċju tagħna. Jehovah kif kien u għadu l-​kenn tagħna fi żmien l-​għawġ permezz tal-​paġni tal-​Kelma tiegħu? Mod wieħed huwa billi pprovdielna l-​għaqal u l-​abbiltà li nqisu l-​affarijiet. (Proverbji 3:21-24) Il-​Bibbja tħarreġ l-​abbiltajiet mentali tagħna u ttejbilna l-​qawwa tar-​raġuni. (Rumani 12:1, NW) Permezz taʼ qari u studju regulari tal-​Kelma t’Alla, flimkien maʼ li nużaw dak li naqraw u nistudjaw, nistgħu ‘nidraw nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.’ (Lhud 5:14) Forsi int personalment esperjenzajt kif il-​prinċipji tal-​Bibbja għenuk tieħu deċiżjonijiet għaqlin meta ffaċċjajt diffikultajiet. Il-​Bibbja tagħtina d-​dehen li jistaʼ jgħinna nsibu soluzzjonijiet prattiċi għall-​problemi inkwetanti tagħna.—Proverbji 1:4.

14 Il-​Kelma t’Alla tipprovdilna sors ieħor taʼ saħħa—it-​tama taʼ salvazzjoni. (Rumani 15:4) Il-​Bibbja tgħidilna li l-​affarijiet koroh m’humiex se jibqgħu għal dejjem. Hi x’inhi t-​tbatija li għaddejjin minnha, din hija temporanja. (2 Korintin 4:16-18) Għandna “t-​tama tal-​ħajja taʼ dejjem” li “Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-​żminijiet.” (Titu 1:2) Jekk nifirħu b’din it-​tama, u nżommu dejjem f’moħħna l-​futur mill-​isbaħ li jwegħedna Jehovah, inkunu nistgħu nissaportu t-​tbatija.—Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 1:3.

Il-​Kongregazzjoni —Espressjoni taʼ l-​Imħabba t’Alla

15. Il-​Kristjani kif jistgħu jkunu barka għal xulxin?

15 Provvediment ieħor minn Jehovah li jistaʼ jgħinna fi żmien t’għawġ huwa s-​sħubija li ngawdu fil-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.” (Proverbji 17:17) Il-​Kelma t’Alla tinkuraġġixxi lill-​membri kollha tal-​kongregazzjoni biex jistmaw u jħobbu lil xulxin. (Rumani 12:10) “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (1 Korintin 10:24) Attitudni bħal din se tgħinna niffokaw fuq il-​bżonnijiet t’oħrajn minflok fuq il-​provi tagħna stess. Meta nagħtu minna nfusna għal oħrajn, ma nkunux biss qed ngħinu lilhom, imma aħna stess se nħossu ferħ u sodisfazzjon li se jgħinuna nifilħu iktar it-​tagħbijiet tagħna.—Atti 20:35.

16. Kull Kristjan kif jistaʼ jkun inkuraġġanti?

16 Irġiel u nisa maturi spiritwalment jistaʼ jkollhom sehem importanti f’li jsaħħu lil oħrajn. Sabiex jagħmlu dan, huma jagħmluha faċli għal oħrajn li javviċinawhom, u jsibu l-​ħin għalihom. (2 Korintin 6:11-13) Il-​kongregazzjoni tiġi verament imbierka meta kulħadd isib il-​ħin biex ifaħħar liż-​żgħar, jibni lill-​ġodda, u jinkuraġġixxi lid-​dipressi. (Rumani 15:7) L-​imħabba taʼ l-​aħwa se tgħinna wkoll biex nevitaw l-​attitudni li nissuspettaw f’xulxin. Ma rridux ngħaġġlu u nikkonkludu li d-​diffikultajiet persunali huma sinjal taʼ dgħjufija spiritwali. Pawlu bix-​xieraq iħeġġeġ lill-​Kristjani biex ‘jikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14, NW) Il-​Bibbja turi li anki l-​Kristjani leali jgħaddu mill-​għawġ.—Atti 14:15.

17. Liema opportunitajiet għandna biex insaħħu r-​rabta tal-​fratellanza Kristjana?

17 Il-​laqgħat Kristjani jipprovdulna opportunità eċċellenti biex infarrġu u ninkuraġġixxu lil xulxin. (Lhud 10:24, 25) Din is-​sħubija bi mħabba m’hijiex limitata biss għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Minflok, in-​nies t’Alla jfittxu wkoll opportunitajiet għal sħubija bnina flimkien f’sitwazzjonijiet informali. Meta jqumu sitwazzjonijiet t’għawġ, aħna malajr se ngħinu lil xulxin għaliex diġà nkunu żviluppajna rabtiet qawwija taʼ ħbiberija. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ma jkunx hemm firda fil-​ġisem, imma l-​membri kollha jaħsbu f’xulxin; jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-​ġieħ, jifirħu lkoll miegħu.”—1 Korintin 12:25, 26.

18. Liema tendenza għandna nevitaw meta nħossuna qalbna sewda?

18 Xi drabi nistgħu nħossuna qalbna sewda wisq biex nieħdu pjaċir nissieħbu maʼ sħabna l-​Kristjani. Sentimenti bħal dawn għandna nirreżistuhom sabiex ma nċaħħdux lilna nfusna mill-​faraġ u l-​għajnuna li jistgħu joffrulna sħabna fit-​twemmin. Il-​Bibbja twissina: “Min irid jinfired mill-​oħrajn jara x’jaqlaʼ, u għal kull xejn jiġġieled.” (Proverbji 18:1) Ħutna rġiel u nisa huma espressjoni taʼ l-​interess li Alla juri fina. Jekk nirrikonoxxu dan il-​provvediment taʼ mħabba, se nsibu s-​serħan fi żmien l-​għawġ.

Żomm Attitudni Pożittiva

19, 20. L-​Iskrittura kif tgħinna nwarrbu ħsibijiet negattivi?

19 Meta nħossuna skuraġġiti u mdejqin, faċli noqogħdu naħsbu f’affarijiet negattivi. Per eżempju, meta jkunu għaddejjin minn xi għawġ, xi wħud jibdew ikollhom dubji dwar l-​ispiritwalità tagħhom stess, u jaħsbu li l-​inkwiet li għandhom ifisser li Alla ma japprovahomx. Iżda, ftakar li Jehovah ma jġarrab lil ħadd bil-​“ħażin.” (Ġakbu 1:13) “[Alla] mhux minn qalbu jgħakkes, jew iweġġaʼ qalb il-​bniedem,” tgħid il-​Bibbja. (Lamentazzjonijiet 3:33) Għall-​kuntrarju, Jehovah iħossu mdejjaq ħafna meta l-​qaddejja tiegħu jbatu.—Isaija 63:8, 9; Żakkarija 2:12 (2:8, NW).

20 Jehovah hu “Missier il-​ħniena u Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3) Hu jaħseb fina, u se jerfagħna meta jkun il-​waqt. (1 Pietru 5:6, 7) Jekk dejjem inżommu f’moħħna l-​affezzjoni li jħoss Alla għalina, se nkunu nistgħu nżommu attitudni pożittiva, saħansitra nifirħu. Ġakbu kiteb: “Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom maʼ kull xorta taʼ tiġrib.” (Ġakbu 1:2) Għala? Hu jwieġeb: “Għax wara li jkun għeleb it-​tiġrib, jaqlaʼ l-​kuruna tal-​ħajja li l-​Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.”—Ġakbu 1:12.

21. Minkejja d-​diffikultajiet li niffaċċjaw, Alla liema garanzija jagħti lil dawk li jibqgħu leali lejh?

21 Bħalma wissiena Ġesù, fid-​dinja se jkollna nbatu. (Ġwanni 16:33) Imma l-​Bibbja twegħedna li l-​ebda ‘taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, jew tiġrib’ ma se jifirduna mill-​imħabba taʼ Jehovah u l-​imħabba taʼ Ibnu. (Rumani 8:35, 39) Kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li kwalunkwe għawġ li niffaċċjaw huwa temporanju! Sadattant, waqt li nistennew it-​tmiem tas-​sofferenza umana, Missierna taʼ mħabba, Jehovah, se jkun qed iħarisna. Jekk infittxu l-​protezzjoni tiegħu, hu se jkun “kenn għal min hu mgħakkes, kenn . . . fi żmien id-​dwejjaq.”—Salm 9:10 (9:9, NW).

X’Tgħallimna?

• Il-​Kristjani x’għandhom jistennew waqt li qed jgħixu f’din id-​dinja mill-​agħar?

• It-​talb tagħna bil-​ħrara kif jistaʼ jsaħħaħna meta niffaċċjaw il-​provi?

• L-​ispirtu t’Alla kif inhu t’għajnuna?

• X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil xulxin?

[Stampa f’paġna 18]

Irridu nfittxu lil Jehovah bħallikieku konna qed niġru lejn torri qawwi

[Stampi f’paġna 20]

Uħud maturi spiritwalment jużaw kull opportunità biex ifaħħru u jinkuraġġixxu lil oħrajn

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja