LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w12 10/15 pp. 22-26
  • Obdi lil Alla u Bbenefika mill-Wegħdi li Ħalef li Jwettaq

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Obdi lil Alla u Bbenefika mill-Wegħdi li Ħalef li Jwettaq
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĦALFA—MEZZ LEGALI U UTLI
  • IL-​WEGĦDA B’ĦALFA TAʼ ĠEĦOVA LIL ABRAHAM
  • ĦALF IEĦOR T’ALLA RELATAT M’ABRAHAM
  • ŻEWĠ ĦALFIET OĦRAJN
  • L-​IŻRAEL IL-​ĠDID T’ALLA
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ħalli l-Kelma Tiegħek Iva Tfisser Iva
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Jehovah Hu Alla taʼ Pattijiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
w12 10/15 pp. 22-26

Obdi lil Alla u Bbenefika mill-​Wegħdi li Ħalef li Jwettaq

“Billi ma setax jaħlef b’xi ħadd akbar minnu, [Alla] ħalef bih innifsu.”​—EBR. 6:13.

ARA JEKK TISTAX TWIEĠEB:

Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​iskopijiet t’Alla se jitwettqu?

Alla liema wegħda għamel wara li dinbu Adam u Eva?

Kif nibbenefikaw mill-​wegħda b’ħalfa li Alla għamel lil Abraham?

1. Il-​kelma taʼ Ġeħova kif inhi differenti minn dik tal-​bnedmin midinbin?

ĠEĦOVA hu “l-​Alla tal-​verità.” (Salm 31:5) Il-​bnedmin midinbin mhux dejjem jistgħu jiġu fdati, filwaqt li “hu impossibbli li Alla jigdeb.” (Ebr. 6:18; aqra Numri 23:19.) Alla dejjem iwettaq dak li jwiegħed li se jagħmel għall-​bnedmin. Pereżempju, kulma Alla qal li kien se jagħmel fil-​bidu taʼ kull epoka tal-​ħolqien, “hekk sar.” B’hekk, sa tmiem is-​sitt jum tal-​ħolqien, “Alla ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.”​—Ġen. 1:6, 7, 30, 31.

2. X’inhu l-​jum taʼ mistrieħ t’Alla, u għala “qaddsu”?

2 Wara li qal li l-​ħolqien kollu tiegħu kien tajjeb ħafna, Alla Ġeħova ħabbar il-​bidu tas-​sebaʼ jum—mhux jum taʼ 24 siegħa, imma perijodu twil taʼ żmien li matulu Hu straħ milli joħloq xi ħaġ’oħra fuq l-​art. (Ġen. 2:2) Il-​jum taʼ mistrieħ t’Alla għadu ma spiċċax. (Ebr. 4:9, 10) Il-​Bibbja ma tirrivelax eżattament meta beda. Beda f’xi żmien wara li nħalqet Eva, mart Adam, xi 6,000 sena ilu. L-​elf sena tar-​renju taʼ Kristu dalwaqt jibdew, u matul dan iż-​żmien Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art. Alla jrid li l-​art tkun ġenna fejn il-​bnedmin perfetti jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem. (Ġen. 1:27, 28; Riv. 20:6) Tistaʼ int tkun żgur li se jkollok futur hieni bħal dan? Dażgur li tistaʼ! Għax “Alla bierek is-​sebaʼ jum u qaddsu.” Din kienet garanzija li jkunu xi jkunu l-​problemi li jistgħu jinqalgħu bla mistenni, Alla kien se jagħmel ċert li l-​iskop tiegħu kellu jitwettaq sat-​tmiem tal-​jum taʼ mistrieħ tiegħu.​—Ġen. 2:3.

3. (a) Wara li beda l-​jum taʼ mistrieħ t’Alla, liema ribelljoni seħħet? (b) Ġeħova kif spjega kif kellu jsolvi din il-​problema?

3 Madankollu, wara li beda l-​jum taʼ mistrieħ t’Alla, xi wħud mill-​ħlejjaq tiegħu rribellaw kontrih. Satana, iben anġeliku t’Alla, ipprova jġiegħel lil oħrajn iqimu lilu minflok ma jqimu lil Alla. Hu lissen l-​ewwel gidba u qarraq b’Eva, u b’hekk hi m’obdietx lil Ġeħova. (1 Tim. 2:14) Imbagħad Eva ġiegħlet lil żewġha jingħaqad magħha fir-​ribelljoni. (Ġen. 3:1-​6) Din ir-​ribelljoni kienet l-​agħar ħaġa li qatt kienet ġrat. Imma avolja Satana akkuża lil Ġeħova li ma kienx qed jgħid il-​verità, Ġeħova ma rax il-​bżonn li jaħlef biex juri li l-​iskop tiegħu għall-​art xorta waħda kien se jitwettaq. Minflok, bi kliem li kellu jiġi mifhum fiż-​żmien xieraq t’Alla, hu qal sempliċement kif kellha tintemm ir-​ribelljoni: “Inqanqal għadwa bejnek [Satana] u bejn il-​mara u bejn nislek u nisilha. Hu [n-​Nisel imwiegħed] jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”​—Ġen. 3:15; Riv. 12:9.

ĦALFA—MEZZ LEGALI U UTLI

4, 5. Abraham kultant minn liema mezz legali għamel użu?

4 Sa dak iż-​żmien, x’aktarx li qatt ma kien hemm bżonn li xi ħadd jaħlef li xi ħaġa kienet vera. Ħlejjaq perfetti li jħobbu lil Alla u li jimitawh m’għandhomx bżonn jaħilfu; huma dejjem jgħidu l-​verità u għandhom fiduċja sħiħa f’xulxin. Imma l-​affarijiet tbiddlu meta daħal id-​dnub u l-​bnedmin saru imperfetti. Eventwalment, meta l-​gideb u l-​qerq kienu komuni fost il-​bnedmin, dawn kellhom bżonn jaħilfu li stqarrija importanti kienet vera.

5 Il-​ħalf kien mezz legali li minnu l-​patrijarka Abraham għamel użu tajjeb f’minn tal-​inqas tliet darbiet. (Ġen. 21:22-​24; 24:2-​4, 9) Pereżempju, dan seħħ meta ġie lura mir-​rebħa li kellu fuq is-​sultan taʼ Għelam u l-​alleati tiegħu. Is-​slaten taʼ Salem u Sodoma ħarġu biex jiltaqgħu m’Abraham. Melkisedek, is-​sultan taʼ Salem, ukoll kien “qassis taʼ l-​Alla l-​Iktar Għoli.” Bħala tali, hu bierek lil Abraham u faħħar lil Alla talli ħareġ lil Abraham rebbieħ fuq l-​għedewwa tiegħu. (Ġen. 14:17-​20) Imbagħad, meta s-​sultan taʼ Sodoma ried jippremja lil Abraham talli salva lin-​nies tas-​sultan mill-​armati li invadewhom, Abraham ħalef: “Ngħolli idi b’ħalfa lil Ġeħova l-​Alla l-​Iktar Għoli, Dak li għamel is-​sema u l-​art, li, la ħajta u lanqas qafla taʼ sandli, xejn ma nieħu minn dak li hu tiegħek, li ma tmurx tgħid, ‘Kont jien li lil Abram għamiltu għani.’”​—Ġen. 14:21-​23.

IL-​WEGĦDA B’ĦALFA TAʼ ĠEĦOVA LIL ABRAHAM

6. (a) Abraham liema eżempju ħallielna? (b) Kif se nibbenefikaw minn dak li għamel Abraham?

6 Għall-​benefiċċju tal-​bnedmin midinbin, Alla Ġeħova uża wkoll il-​ħalf billi lissen espressjonijiet bħal “‘Daqskemm jien ħaj,’ hija l-​kelma tal-​Mulej Sovran Ġeħova.” (Eżek. 17:16) Il-​Bibbja tiddeskrivi iktar minn 40 okkażjoni differenti meta Alla Ġeħova għamel il-​ħalf. Eżempju magħruf sew kien dak li Alla ħalef lil Abraham. Ġeħova għamel diversi pattijiet, jew wegħdi, matul il-​ħajja taʼ Abraham. Minn dawn il-​pattijiet, Abraham sar jaf li n-​Nisel imwiegħed kien se jiġi mill-​familja tiegħu permezz taʼ ibnu Iżakk. (Ġen. 12:1-​3, 7; 13:14-​17; 15:5, 18; 21:12) Imbagħad Ġeħova għadda lil Abraham minn prova ħarxa billi kkmandah joffri lil ibnu l-​maħbub bħala sagrifiċċju. Abraham obda bla dewmien u kien kważi se jissagrifika lil Iżakk meta anġlu t’Alla waqqfu. Imbagħad Alla għamel din il-​ħalfa: “Bija nnifsi naħlef . . . li minħabba l-​fatt li int għamilt din il-​ħaġa u ma ċaħħadtnix minn ibnek, l-​uniku wieħed li għandek, jien żgur li nbierkek u żgur li nkattar lil nislek bħall-​kwiekeb tas-​smewwiet u bħar-​ramel li hemm f’xatt il-​baħar; u nislek għad jieħu f’idejh bieb l-​għedewwa tiegħu. U permezz taʼ nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art se jitbierku minħabba l-​fatt li int smajt minn kliemi.”​—Ġen. 22:1-​3, 9-​12, 15-​18.

7, 8. (a) Alla għal liema raġuni ħalef lil Abraham? (b) In-​“nagħaġ oħrajn” taʼ Ġesù kif se jibbenefikaw mill-​wegħda b’ħalfa t’Alla?

7 Alla għala ħalef lil Abraham li kien se jżomm il-​wegħdi Tiegħu? Biex jassigura lil dawk li kellhom isiru werrieta sħab maʼ Kristu, li jifformaw il-​parti sekondarja tan-​“nisel” imwiegħed, u biex isaħħilhom il-​fidi. (Aqra Ebrej 6:13-​18; Gal. 3:29) Bħalma spjega l-​appostlu Pawlu, Ġeħova “kkonferma dan b’ħalfa, sabiex, b’żewġ affarijiet li ma jinbidlux [il-​wegħda u l-​ħalfa tiegħu] u li hu impossibbli li Alla jigdeb dwarhom, aħna . . . jkollna inkuraġġiment qawwi biex naqbdu mat-​tama mqiegħda quddiemna.”

8 Il-​Kristjani midlukin mhumiex l-​uniċi wħud li jibbenefikaw mill-​ħalfa t’Alla lil Abraham. Permezz taʼ “nisel” Abraham, Ġeħova ħalef li nies mill-​“ġnus kollha taʼ l-​art [kienu] se jitbierku.” (Ġen. 22:18) Uħud imberkin bħal dawn jinkludu n-​“nagħaġ oħrajn” ubbidjenti taʼ Kristu, li għandhom quddiemhom it-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-​art. (Ġw. 10:16) Kemm jekk it-​tama tiegħek hi għas-​sema u kemm jekk hi għall-​art, ‘aqbadha’ billi tkompli tgħix ħajja taʼ ubbidjenza lejn Alla.​—Aqra Ebrej 6:11, 12.

ĦALF IEĦOR T’ALLA RELATAT M’ABRAHAM

9. Alla liema ħalfa għamel meta d-​dixxendenti t’Abraham kienu fil-​jasar fl-​Eġittu?

9 Sekli wara, Ġeħova reġaʼ ħalef rigward il-​wegħdi li ssemmew diġà meta bagħat lil Mosè biex jitkellem mad-​dixxendenti t’Abraham, li f’dak iż-​żmien kienu fil-​jasar fl-​Eġittu. (Eżo. 6:6-​8) Meta rrefera għal din l-​okkażjoni, Alla qal: “Dakinhar li għażilt lil Israel, . . . għollejt idi biex naħilfilhom li noħroġhom mill-​art taʼ l-​Eġittu lejn art li kont tkixxiftilhom, art li tnixxi ħalib u għasel.”​—Eżek. 20:5, 6.

10. Alla liema wegħda għamlilhom lil Iżrael wara li ħelishom mill-​Eġittu?

10 Imbagħad, wara l-​ħelsien taʼ Iżrael mill-​Eġittu, Ġeħova għamlilhom wegħda oħra b’ħalfa billi qalilhom: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-​patt tiegħi, imbagħad issiru l-​proprjetà speċjali tiegħi mill-​popli l-​oħrajn kollha, għax l-​art kollha hi tiegħi. U ssiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżo. 19:5, 6) X’pożizzjoni privileġġata offrielhom Alla lil Iżrael! Kienet tfisser li jekk ikunu ubbidjenti, individwi minn dan il-​ġens setaʼ jkollhom it-​tama li jintużaw minn Alla bħala saltna taʼ qassisin biex titbierek il-​bqija tal-​umanità. Iktar tard, meta ddeskriva dak li kien għamel għal Iżrael f’dik l-​okkażjoni, Ġeħova stqarr: “Għamiltlek ħalfa u dħalt f’patt miegħek.”​—Eżek. 16:8.

11. Iżrael kif irrispondew għall-​istedina t’Alla biex jidħlu f’relazzjoni taʼ patt miegħu bħala l-​poplu magħżul tiegħu?

11 F’dak iż-​żmien, Ġeħova m’obbligax lil Iżrael biex jaħilfu li se jkunu ubbidjenti, u lanqas ma sforzahom biex jidħlu f’din ir-​relazzjoni privileġġata. Minflok, huma qalu minn jeddhom: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qalilna Ġeħova.” (Eżo. 19:8) Tlett ijiem wara, Alla Ġeħova għarraf lil Iżrael b’dak li kien jinħtieġ mill-​ġens magħżul tiegħu. L-​ewwel semgħu l-​Għaxar Kmandamenti, u mbagħad Mosè tahom iktar kmandi li huma dokumentati fl-​Eżodu 20:22 sa 23:33. X’kienet ir-​risposta taʼ Iżrael? “In-​nies kollha wieġbu b’leħen wieħed u qalu: ‘Aħna lesti li nagħmlu l-​kliem kollu li qal Ġeħova.’” (Eżo. 24:3) Imbagħad Mosè niżżel bil-​miktub il-​liġijiet fil-​“ktieb tal-​patt” u qrahom b’leħen għoli sabiex il-​ġens kollu kemm hu setaʼ jerġaʼ jismagħhom. Wara dan, għat-​tielet darba, in-​nies wiegħdu: “Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u nobduh.”​—Eżo. 24:4, 7, 8.

12. (a) Ġeħova x’għamel wara li wiegħed li jagħmel lil Iżrael il-​ġens speċjali tiegħu? (b) In-​nies kif aġixxew wara li għamlu l-​wegħda tagħhom lil Alla?

12 Ġeħova immedjatament beda jwettaq dak li wiegħed fil-​patt tal-​Liġi tiegħu maʼ Iżrael. Hu għażel xi qassisin li kellhom jaqdu f’tinda speċjali għall-​qima. Dan is-​saċerdozju għamilha possibbli għal bnedmin midinbin biex jersqu lejn Alla. Mill-​banda l-​oħra, l-​Iżraelin malajr insew id-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla u “weġġgħu lill-​Qaddis taʼ Israel.” (Salm 78:41) Pereżempju, waqt li Mosè kien qed jirċievi iktar istruzzjonijiet fuq il-​Muntanja Sinaj, l-​Iżraelin tilfu l-​paċenzja u l-​fidi tagħhom f’Alla ddgħajfet għax ħasbu li Mosè kien ħalliehom lampa stampa. Għalhekk, huma għamlu xbieha taʼ għoġol tad-​deheb u qalu lin-​nies: “Dan hu Alla tiegħek, O Israel, li tellgħek mill-​art taʼ l-​Eġittu.” (Eżo. 32:1, 4) Imbagħad iċċelebraw dik li sejħulha “festa lil Ġeħova” u mielu quddiem ix-​xbieha magħmula mill-​bniedem u offrewlha s-​sagrifiċċji. Malli ra dan, Ġeħova qal lil Mosè: “Huma malajr warrbu mit-​triq li jien ikkmandajthom biex jimxu fiha.” (Eżo. 32:5, 6, 8) B’sogħba, minn dakinhar ’il quddiem l-​Iżraelin ħaduha drawwa li jagħmlu wegħdi lil Alla li mbagħad ma jżommuhomx.​—Num. 30:2.

ŻEWĠ ĦALFIET OĦRAJN

13. Alla liema wegħda b’ħalfa għamillu lis-​Sultan David, u kif inhi relatata man-​Nisel imwiegħed?

13 Matul ir-​renju tas-​Sultan David, Ġeħova għamel żewġ ħalfiet oħrajn għall-​benefiċċju taʼ kull min jobdih. L-​ewwel, hu ħalef lil David li t-​tron tiegħu se jibqaʼ għal dejjem. (Salm 89:35, 36; 132:11, 12) Dan kien ifisser li n-​Nisel imwiegħed kellu jissejjaħ “Bin David.” (Mt. 1:1; 21:9) Bl-​umiltà, David indirizza bħala l-​“Mulej” tiegħu lil dak li fil-​futur kellu jkun dixxendent, għax il-​Kristu kellu jokkupa pożizzjoni superjuri.​—Mt. 22:42-​44.

14. Ġeħova liema wegħda b’ħalfa għamel dwar in-​Nisel imwiegħed, u kif nibbenefikaw minnha?

14 It-​tieni, Ġeħova nebbaħ lil David biex ibassar li dan is-​Sultan uniku kellu jaqdi wkoll bħala Qassis il-​Kbir tal-​umanità. F’Iżrael, l-​istat taʼ sultan u s-​saċerdozju kienu separati kompletament. Il-​qassisin kienu mit-​tribù taʼ Levi, u s-​slaten kienu mit-​tribù taʼ Ġuda. Imma dwar dak li fil-​futur kellu jkun il-​werriet grandjuż tiegħu, David bassar: “Din hi l-​kelma taʼ Ġeħova lill-​Mulej tiegħi: ‘Oqgħod bil-​qiegħda fuq il-​lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-​għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.’ Ġeħova ħalef (u ma jiddispjaċihx): ‘Int qassis għal dejjem bl-​istess mod taʼ Melkisedek!’” (Salm 110:1, 4) Bi twettiq taʼ din il-​profezija, Ġesù Kristu, in-​Nisel imwiegħed, issa jaħkem mis-​sema. Ukoll, hu jaqdi bħala l-​Qassis il-​Kbir tal-​umanità billi jgħin lil uħud li jindmu biex jidħlu f’relazzjoni aċċettabbli m’Alla.​—Aqra Ebrej 7:21, 25, 26.

L-​IŻRAEL IL-​ĠDID T’ALLA

15, 16. (a) Liema żewġ Iżrael issir referenza għalihom fil-​Bibbja, u llum liema wieħed għandu l-​barka t’Alla? (b) Ġesù liema kmand tahom lis-​segwaċi tiegħu dwar li wieħed jagħmel il-​wegħdi?

15 Peress li l-​ġens taʼ Iżrael ċaħad lil Ġesù Kristu, Ġeħova eventwalment ċaħadhom, u b’hekk tilfu l-​opportunità li xi darba jsiru “saltna taʼ qassisin.” Bħalma qal Ġesù lill-​mexxejja Lhud: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” (Mt. 21:43) Dan il-​ġens ġdid twieled f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. meta l-​ispirtu t’Alla ssawwab fuq madwar 120 dixxiplu taʼ Ġesù miġburin f’Ġerusalemm. Dawn saru magħrufin bħala “l-​Israel t’Alla” u n-​numru tagħhom malajr żdied għal diversi eluf taʼ nies minn kull ġens tad-​dinja taʼ dak iż-​żmien.​—Gal. 6:16.

16 Kuntrarju għal Iżrael naturali, il-​ġens spiritwali ġdid t’Alla kompla jagħti frott tajjeb permezz tal-​ubbidjenza kontinwa tiegħu lejn Alla. Wieħed mill-​kmandi li jobdu l-​membri tiegħu hu rigward il-​ħalf. Meta Ġesù kien fuq l-​art kien qed isir abbuż mill-​ħalf għax in-​nies kienu qed jagħmlu ħalf falz jew jaħilfu fuq iċ-​ċuċati. (Mt. 23:16-​22) Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu: “Taħilfu b’xejn . . . Iżda l-​kelma tagħkom Iva ħa tfisser Iva, u l-​Le, Le; għax dak li hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-​Ħażin.”​—Mt. 5:34, 37.

17. Liema mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu għall-​istudju li jmiss?

17 Ifisser dan li hu dejjem ħażin li tagħmel ħalfa? Iktar importanti minn hekk, x’hemm involut f’li nħallu l-​kelma tagħna Iva tfisser Iva? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu kunsidrati fl-​artiklu għall-​istudju li jmiss. Hekk kif inkomplu nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla, jalla niġu mqanqlin biex inkomplu nobdu lil Ġeħova. Imbagħad hu se jitgħaxxaq iberikna għal dejjem fi qbil mal-​wegħdi b’ħalfa prezzjużi tiegħu.

[Kumment f’paġna 26]

Ġeħova dejjem iżomm il-​wegħdi tiegħu

[Stampa f’paġna 24]

Abraham dalwaqt jara l-​wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja