Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Għala Ma Jħobbunix il-Ġenituri Tiegħi?
“Qabel ma missieri telaq ’l ommi, konna mmorru l-baħar, nieklu f’xi restorant, u noħorġu bil-karozza flimkien. Imbagħad waqafna għalkollox. Missieri nbidel. Naħseb li telaq lili wkoll.”—Karen.a
ĦAFNA huma dawk iż-żgħażagħ li jħossuhom b’dan il-mod. Bħal Karen, iħossu li missierhom m’għadux iħobbhom—jew li qatt ma ħabbhom. Hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu dwar id-dwejjaq li jiġu bħala r-riżultat taʼ xi nuqqas taʼ qbil temporanju bejn iż-żgħażagħ u l-ġenituri; lanqas m’aħna qed nirreferu għall-fastidju li kultant jistgħu jieħdu ż-żgħażagħ minħabba d-dixxiplina tal-ġenituri. Iżda, xi drabi, veru jiġri li l-ġenituri jittraskuraw lil uliedhom, u li ma jagħtuhomx l-attenzjoni u d-dixxiplina li għandhom bżonn. F’każijiet oħrajn, iż-żgħażagħ jiġu ripetutament trattati b’mod iebes u aħrax, forsi bi kliem li jweġġaʼ jew swat.
M’hemm xejn li jweġġgħek iktar emozzjonalment milli tiġi mwarrab minn missierek jew minn ommok. “Dan ġagħalni nħossni abbandunata u li ħadd ma jridni,” tgħid Karen. Jekk ġieli kont f’sitwazzjoni diffiċli bħal din, ikkunsidra xi suġġerimenti kif tistaʼ tikkontrolla s-sentimenti tiegħek. Tistaʼ tibqaʼ ċert li anki jekk m’għandekx l-appoġġ tal-ġenituri tiegħek, xorta tistaʼ tirnexxi f’ħajtek!
Ifhem lill-Ġenituri Tiegħek
L-ewwelnett, huwa xieraq li tistenna li l-ġenituri tiegħek iħobbuk. L-imħabba tal-ġenituri lejn uliedhom għandha tkun xi ħaġa naturali u taʼ min joqgħod fuqha daqs tlugħ ix-xemx. Alla jistenna li l-ġenituri juru mħabba bħal din. (Kolossin 3:21; Titu 2:4) Allura, għala l-ġenituri xi kultant jittraskuraw, jabbandunaw, jew jittrattaw ħażin ’l uliedhom?
Waħda mir-raġunijiet tistaʼ tkun l-esperjenza taʼ ħajjithom stess. Staqsi lilek innifsek, ‘Il-ġenituri tiegħi fejn tgħallmu dwar kif għandhom irabbu lit-tfal?’ Bosta drabi, il-ġenituri jkunu tgħallmu biss mill-esperjenzi taʼ tfulithom stess mal-ġenituri tagħhom. U f’din id-dinja iebsa taʼ llum, b’għadd li qatt ma kien hawn bħalu taʼ nies li ma jafux juru l-affezzjoni naturali, dan it-taħriġ ikun spiss mimli nuqqasijiet. (2 Timotju 3:1-5) Kultant, ir-riżultat ikun li l-istorja terġaʼ tirrepeti ruħha, fejn il-ġenituri jittrattaw ħażin ’l uliedhom bħalma kienu ġew trattati ħażin huma meta kienu tfal.
Barra minn hekk, il-ġenituri jistgħu jkunu mnikktin profondament minħabba diversi raġunijiet. X’uħud jipprovaw jaħarbu mill-miżerja u l-frustrazzjoni billi jintilfu fix-xogħol, l-alkoħol, u d-droga. Per eżempju, William u Joan trabbew minn missier li kien jisker. “Missieri kien isibha diffiċli biex ifaħħarna,” tgħid Joan. “Madankollu, l-agħar ħaġa kienet meta kien jaqbad jixrob u jibda jirrabja. Kien jispiċċa joqgħod jgħajjat maʼ ommi l-ħin kollu. Spiss kont inħossni mbeżżgħa.” Anki jekk il-ġenituri ma jkunux abbużivi, l-aġir tagħhom jistaʼ jixorbilhom saħħithom tant li ma jkunux jistgħu jagħtu ’l uliedhom l-imħabba u l-attenzjoni li għandhom bżonn.
William iħoss li jistaʼ jifhem għala missieru kien jaġixxi b’mod li ma tistenniehx. “Missieri trabba f’Berlin, il-Ġermanja, matul it-Tieni Gwerra Dinjija,” jispjega hu. “Meta kien għadu tifel, hu għadda minn ħafna terrur u ra ħafna mwiet. Kuljum kien ikollu jħabbat wiċċu mal-mewt sempliċement għax ried jitrejjaq. Inħoss li missieri ġie effettwat bl-ikrah minn dak li għadda minnu.” Tabilħaqq, il-Bibbja tagħraf il-fatt li dawk li jiġu trattati bl-aħrax jistgħu jaġixxu mingħajr ma jirraġunaw.—Koħèlet 7:7.
Iħossu William u Joan li l-esperjenzi li għadda minnhom missierhom jiskużaw il-mod kif ittrattahom? “Le,” jgħid William. “L-isfond tiegħu ma jiskużax is-sakra u l-kondotta ħażina tiegħu. Madankollu, li nkun konxju taʼ dan għenni nifhem iktar l-imġiba taʼ missieri.”
Il-fatt li taċċetta li l-ġenituri tiegħek huma imperfetti u li titgħallem xi ħaġa dwar l-isfond tagħhom se jgħinek ħafna biex tifhimhom. Proverbji 19:11 jgħid: “Bniedem bil-għaqal idum ma jagħdab.”
Kif Tikkontrolla l-Emozzjonijiet Tiegħek
Hemm emozzjonijiet tad-dwejjaq oħrajn li jistgħu jnikktuk minħabba s-sitwazzjoni li għandek id-dar. Per eżempju, in-nuqqas t’attenzjoni min-naħa taż-żewġ ġenituri ġiegħel lil Patricia tħossha li ‘ma tiswa għalxejn u mhux taʼ min iħobbha.’ LaNeisha kienet issibha bi tqila biex tafda lill-irġiel b’mod ġenerali minħabba li missierha telaq mid-dar meta kellha biss tmien snin. U Shayla bdiet tixxennaq għall-attenzjoni mingħand kważi kulmin kienet tiltaqaʼ miegħu, sempliċement biex timla l-vojt li kienet tħallilha ommha li ħajjitha kienet “kontrollata mid-drogi.”
Ir-rabja u l-għira jistgħu jkunu problema wkoll. Meta Karen rat li missierha reġaʼ żżewweġ u beda juri l-imħabba li kienet tixxennaq għaliha hi lill-familja l-ġdida tiegħu, għamlet żmien meta bdiet tgħir ħafna. Kultant, Leilani saħansitra ħasset li kienet tobgħod lill-ġenituri tagħha. “Kont il-ħin kollu niġġieled magħhom,” tgħid hi.
Dawn l-emozzjonijiet nistgħu nifhmuhom meta nikkunsidraw iċ-ċirkustanzi. Madankollu, kif tistaʼ tittratta dawn l-emozzjonijiet taʼ dwejjaq b’mod prattiku u li jgħinek tegħlibhom? Ikkunsidra s-suġġerimenti li ġejjin.
• Ersaq qrib lejn Jehovah. (Ġakbu 4:8) Tistaʼ tagħmel dan billi taqra l-Bibbja personalment u tassoċja regolarment man-nies tiegħu. Meta tara l-mod kif Jehovah jimxi maʼ oħrajn, se tara kemm huwa verament leali. Int tistaʼ tafdah. “Tistaʼ mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha?” staqsa Jehovah lill-Iżraelin. “Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” wiegħed hu. (Isaija 49:15) Għalhekk, itlob ’l Alla regolarment. Toqgħodx tinkwieta dwar li tuża l-kliem eżatt. Hu jifhmek. (Rumani 8:26) Żomm f’moħħok li Jehovah iħobbok anki meta jidher li m’hemm ħadd iktar li jħobbok.—Salm 27:10.
• Iftaħ qalbek maʼ xi ħadd matur li tistaʼ tafdah. Agħmel ħbieb maʼ wħud li huma maturi spiritwalment. Għidilhom onestament dak li qed tħoss u x’qed jinkwetak. Fil-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah tistaʼ ssib missirijiet u ommijiet spiritwali. (Mark 10:29, 30) Madankollu, għandu mnejn ikollok tieħu l-inizjattiva biex tiftaħ qalbek magħhom. L-oħrajn ma jkunux jafu x’int tħoss jekk ma tgħidilhomx. Is-serħan li tħoss meta ttaffi l-piż emozzjonali jistaʼ jkun verament taʼ faraġ għalik.—1 Samwel 1:12-18.
• Żomm ruħek okkupat billi tagħmel affarijiet għal oħrajn. Biex tevita l-periklu li toqgħod titħassar lilek innifsek, ipprova toqgħodx taħseb dwar l-aspetti negattivi tas-sitwazzjoni tiegħek. Minflok, tgħallem apprezza dak li għandek. Ħu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha li huma disponibbli għalik billi ma toqgħodx taħseb fl-affarijiet persunali tiegħek biss, iżda tieħu wkoll interess persunali f’oħrajn. (Filippin 2:4) Agħmel miri spiritwali, u mbagħad stinka biex tilħaqhom b’attitudni pożittiva. Li taqdi l-bżonnijiet taʼ l-oħrajn fil-ministeru huwa mod mill-aqwa kif tkun iffokat fuq l-oħrajn u mhux fuqek innifsek.
• Kompli uri rispett lejn il-ġenituri tiegħek. Dejjem ftakar li trid iżżomm mal-prinċipji u l-livelli tal-Bibbja. Dan jinkludi li tonora lill-ġenituri tiegħek. (Efesin 6:1, 2) Dan l-unur mhux se jħallik turi attitudni taʼ tpattija u vindikazzjoni. Ftakar, li jidhru kemm jidhru li qed jagħmlu ħażin il-ġenituri tiegħek, b’daqshekk qatt m’int se tkun ġustifikat biex tagħmel il-ħażen. Għalhekk, ħalli l-affarijiet f’idejn Jehovah. (Rumani 12:17-21) Hu “jħobb is-sewwa” u jħoss sens taʼ protezzjoni kbira lejn it-tfal. (Salm 37:28; Eżodu 22:21-23 [22:22-24, NW]) Hekk kif tkompli turi r-rispett li jixraq lill-ġenituri tiegħek, ipprova ikkultiva l-frott taʼ l-ispirtu t’Alla—fuq kollox, il-frotta taʼ l-imħabba.—Galatin 5:22, 23.
Tistaʼ Tirnexxi
Mingħajr ebda dubju n-nuqqas taʼ mħabba min-naħa tal-ġenituri jistaʼ jweġġgħek. Iżda l-fatt li l-ġenituri tiegħek m’humiex ġenituri tajbin ma jiddeterminax x’tip taʼ persuna se ssir. Tistaʼ tagħżel li tirnexxi u jkollok riżultat hieni billi tapplika f’ħajtek il-prinċipji tal-Bibbja li semmejna qabel.
William, li kkwotajna iktar kmieni, huwa volontier full-time fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Hu jgħid: “Jehovah tana ħafna provvedimenti biex jgħinna nkampaw f’dawn is-sitwazzjonijiet taʼ swied il-qalb. Kemm aħna privileġġati li għandna Missier tas-sema li jħobbna u jieħu ħsiebna daqshekk!” Oħtu Joan, taqdi bħala pijuniera full-time fejn hemm iktar bżonn taʼ evanġelizzaturi. “Meta bdejna nikbru, rajna differenza ċara ‘bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx,’” tgħid hi. (Malakija 3:18) “L-esperjenzi tagħna saħħewlna d-determinazzjoni biex niġġieldu għall-verità u nagħmluha parti minna.”
Dan jistaʼ jiġri lilek ukoll. “Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana tal-ferħ,” tgħid il-Bibbja. (Salm 126:5) Kif nistgħu napplikawh dan il-vers? Meta tistinka biex tapplika l-prinċipji xierqa f’sitwazzjonijiet diffiċli, il-ferħ se jieħu post il-biki hekk kif tesperjenza l-barka t’Alla.
Mela kompli aħdem biex tersaq iktar qrib t’Alla Jehovah. (Lhud 6:10; 11:6) Anki jekk qattajt snin sħaħ mimlijin ansjetà, frustrazzjoni, u ħtija, dawn l-emozzjonijiet bil-mod il-mod jittaffew u minflokhom ikollok “is-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem.”—Filippin 4:6, 7.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Kaxxa f’paġna 21]
Tħossok . . .
• Li ma tiswa għal xejn?
• Li ma jaqbillekx jew m’huwiex għaqli li tiftaħ qalbek maʼ oħrajn?
• Li għandek bżonn l-inkuraġġiment il-ħin kollu?
• Li ma tistax tikkontrolla r-rabja jew l-għira?
Jekk twieġeb fl-affermattiv għal mistoqsijiet bħal dawn, tkellem kemm jistaʼ jkun malajr maʼ ġenitur, anzjan, jew ħabib matur spiritwalment u li tistaʼ tafdah.
[Stampi f’paġna 22]
Ħu azzjonijiet pożittivi biex tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek