“Moħħ f’Loku” Hekk Kif Joqrob It-tmiem
“Qrib hu t-tmiem taʼ kollox; għalhekk kunu għaqlin [“moħħkom f’loku,” “NW”].”—1 PIETRU 4:7.
1. X’inhu involut f’li jkollna “moħħ f’loku”?
IL-KLIEM t’hawn fuq taʼ l-appostlu Pietru għandu jkollu effett profond fuq il-mod kif il-Kristjani jgħixu ħajjithom. Madankollu, Pietru ma qalx lill-qarrejja tiegħu biex jirtiraw mir-responsabbiltajiet u t-tħassib tal-ħajja taʼ kuljum; lanqas ma inkuraġġixxa sens taʼ isteriżmu rigward il-qerda li riesqa malajr. Pjuttost, hu ħeġġeġ: “Kunu moħħkom f’loku.” Li nkunu ‘moħħna f’loku’ jinvolvi li nuru ġudizzju tajjeb, inkunu sensibbli, diskreti, raġonevoli fil-kliem u fl-azzjonijiet tagħna. Dan ifisser li nħallu l-Kelma t’Alla taħkem il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna. (Rumani 12:2) Minħabba li ngħixu “f’nofs bnedmin taʼ ħajja mgħawwġa u mħassra,” moħħ f’loku huwa meħtieġ biex inbiegħdu l-problemi u d-diffikultajiet.—Filippin 2:15.
2. Il-paċenzja taʼ Jehovah kif tibbenefika lill-Kristjani llum?
2 “Moħħ f’loku” jgħinna wkoll biex ikollna ħarsa meqjusa u realistika tagħna nfusna. (Titu 2:12, NW; Rumani 12:3) Dan huwa essenzjali meta nagħtu ħarsa lejn il-kliem imniżżel fit-2 Pietru 3:9: “Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” Innota li Jehovah qed jieħu paċenzja, mhux biss b’dawk li ma jemmnux, imma wkoll “bikom”—membri tal-kongregazzjoni Kristjana. Għala? Għaliex “ma jridx li xi ħadd jintilef.” Forsi xi wħud għad għandhom il-bżonn li jagħmlu bidliet u aġġustamenti sabiex jikkwalifikaw għar-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem. Ejjew għalhekk inħarsu lejn xi aspetti fejn jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ xi aġġustamenti.
“Moħħ F’Loku” fir-Relazzjonijiet Persunali Tagħna
3. Il-ġenituri liema mistoqsijiet jistgħu jistaqsu lilhom infushom rigward uliedhom?
3 Id-dar għandha tkun menqa taʼ paċi. Imma għal xi wħud tkun “dar mimlija . . . ġlied.” (Proverbji 17:1) Xi ngħidu għall-familja tiegħek? Hija d-dar tiegħek ħielsa mill-“korla, tagħjir, [u] għajat”? (Efesin 4:31) Xi ngħidu għal uliedek? Iħossuhom maħbubin u apprezzati? (Qabbel Luqa 3:22.) Qiegħed tieħu l-ħin biex tistruwihom u tħarriġhom? Qiegħed int “tiddixxiplina fit-tjieba” minflok bil-korla u r-rabja? (2 Timotju 3:16, NW) Ladarba t-tfal huma “wirt il-Mulej,” hu interessat intensament dwar kif jiġu trattati.—Salm 127:3.
4. (a) X’jistaʼ jirriżulta jekk raġel jittratta lil martu b’mod aħrax? (b) In-nisa miżżewġin kif jistgħu jippromwovu l-paċi m’Alla u l-hena fil-familja kollha kemm hi?
4 Xi ngħidu dwar is-sieħeb jew is-sieħba tagħna? “Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja.” (Efesin 5:28, 29) Raġel abbużiv, dominanti, jew bla raġuni mhux biss jipperikola t-trankwillità taʼ daru imma wkoll idgħajjef ir-relazzjoni tiegħu m’Alla. (1 Pietru 3:7) Xi ngħidu dwar in-nisa? Huma bl-istess mod għandhom ‘joqogħdu għal żwieġhom bħallikieku għall-Mulej.’ (Efesin 5:22) Billi taħseb f’termini taʼ li togħġob lil Alla mara tistaʼ tiġi megħjuna biex tinjora n-nuqqasijiet taʼ żewġha u tkun suġġetta lejh mingħajr ma żżomm f’qalbha. Xi drabi, mara miżżewġa għandha mnejn tħossha obbligata li tesprimi l-opinjoni tagħha. Proverbji 31:26 jgħid dwar mara kapaċi: “Kliem l-għerf għandha fuq fommha, kliem it-tjieba fuq ilsienha.” Billi tittratta lil żewġha bil-ħlewwa u bir-rispett, hi żżomm paċi m’Alla, u tippromwovi l-hena tal-familja kollha kemm hi.—Proverbji 14:1.
5. Iż-żgħażagħ għala għandhom isusu wara l-pariri tal-Bibbja rigward kif jittrattaw lill-ġenituri tagħhom?
5 Żgħażagħ, kif tittrattawhom lill-ġenituri tagħkom? Tużaw intom id-diskors sarkastiku u bla rispett li taʼ spiss jiġi ttollerat fid-dinja? Jew qegħdin tobdu l-kmand tal-Bibbja: “Intom it-tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għax dan hu s-Sewwa. ‘Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok’, dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda sabiex ikollok ir-riżq u tul għomrok fuq l-art”?—Efesin 6:1-3.
6. Kif nistgħu nfittxu l-paċi m’adoraturi sħabna?
6 Aħna nuru wkoll “moħħ f’loku” meta ‘nfittxu s-sliem u nqisu li niksbuh’ m’adoraturi sħabna. (1 Pietru 3:11) Minn żmien għal żmien iqumu nuqqasijiet taʼ qbil u malintiżi. (Ġakbu 3:2) Jekk titħalla tbejjet il-mibegħda, tistaʼ tiġi rriskjata l-paċi tal-kongregazzjoni kollha kemm hi. (Galatin 5:15) Mela issetilja malajr xi tilwim; fittex soluzzjonijiet paċifiċi.—Mattew 5:23-25; Efesin 4:26; Kolossin 3:13, 14.
“Moħħ F’Loku” u r-Responsabbiltajiet Tal-Familja
7. (a) Pawlu kif inkuraġġixxa t-turija taʼ “moħħ f’loku” fi kwistjonijiet tal-ħajja taʼ kuljum? (b) Kristjani li huma miżżewġin liema attitudni għandhom ikollhom lejn ir-responsabbiltajiet domestiċi?
7 L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani ‘biex jgħixu bir-rażna [“b’moħħ f’loku,” NW].’ (Titus 2:12) Huwa taʼ interess li, fil-kuntest, Pawlu jwiddeb lin-nisa biex “iħobbu lil żwieġhom u lil uliedhom; ikunu meqjusa [“moħħhom f’loku,” NW], safja, nisa tad-dar.” (Titu 2:4, 5) Pawlu dak kitbu fis-snin 61-64 E.K., ftit snin qabel it-tmiem tas-sistema t’affarijiet Lhudija. Iżda, affarijiet tal-ħajja taʼ kuljum, bħalma huwa x-xogħol tad-dar, kienu għadhom importanti. Għalhekk kemm l-irġiel u kemm in-nisa miżżewġin għandhom iżommu ħarsa bnina u pożittiva dwar ir-responsabbiltajiet domestiċi tagħhom “ħalli l-kelma taʼ Alla ma titkasbarx.” Wieħed kap taʼ familja talab skuża lil viżitatur minħabba d-dehra taʼ mistħija taʼ daru. Spjega li kienet fi stat mitluq “għaliex hu kien pijunier.” Hija ħaġa taʼ min ifaħħarha meta nagħmlu sagrifiċċji għan-nom tas-Saltna, imma rridu noqogħdu attenti li ma nissagrifikawx il-benesseri tal-familji tagħna.
8. Kapijiet tal-familja kif jistgħu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-familji tagħhom b’mod ibbilanċjat?
8 Il-Bibbja tħeġġeġ lill-missirijiet biex jagħtu prijorità lill-familji tagħhom, billi tgħid li wieħed li jonqos li jipprovdi għall-familja tiegħu jkun “ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Il-livelli t’għajxien ivarjaw mad-dinja kollha, u tajjeb li żżomm l-istennijiet materjali modesti. “Tagħtinix la faqar u lanqas għana,” talab il-kittieb taʼ Proverbji 30:8. Madankollu, il-ġenituri m’għandhomx jinjoraw il-bżonnijiet materjali taʼ wliedhom. Ikun għaqli, per eżempju, li wieħed deliberatament iħalli lill-familja tiegħu mingħajr in-neċessitajiet bażiċi tal-ħajja biex isus wara privileġġi teokratiċi? Mhux sejjer dan iħarrax lit-tfal tiegħu? Mill-banda l-oħra, Proverbji 24:27 jgħid: ‘Qis li xogħlok ikun f’postu, u li jkollok kollox lest għal xogħol ir-rabaʼ; u mbagħad ibni darek.’ Iva, fil-waqt li tħassib għal affarijiet materjali għandu postu, ‘li tibni darek’—spiritwalment u emozzjonalment—huwa vitali.
9. Għala hu għaqli għal kapijiet tal-familja li jikkunsidraw il-possibbiltà li tiġi fuqhom il-mewt jew xi marda?
9 Għamilt int provvedimenti biex tieħu ħsieb tal-familja tiegħek f’każ li tiġi fuqek il-mewt għal għarrieda? Proverbji 13:22 jgħid: “Ġid it-tajjeb jgħaddi b’wirt għal ulied uliedu.” Minbarra wirt t’għarfien dwar Jehovah u relazzjoni miegħu, il-ġenituri għandhom ikunu interessati f’li jipprovdu materjalment għal uliedhom. F’ħafna pajjiżi kapijiet responsabbli tal-familja jipprovaw ikollhom xi ħaġa mfaddla, testment legali, u polza t’assigurazzjoni. Wara kollox, in-nies t’Alla m’humiex eżentati “[m]iż-żmien u ċ-ċirkustanzi” mhux mistennija. (Koħèlet 9:11) “Fihom kenn il-flus,” u ppjanar bir-reqqa jistaʼ taʼ spiss jevita t-tbatija. (Koħèlet 7:12) F’pajjiżi fejn kura medika ma titħallasx mill-gvern, xi wħud għandhom mnejn jiddeċiedu li jwarrbu fondi għal bżonnijiet taʼ saħħa jew jirranġaw għal xi tip t’assigurazzjoni.a
10. Ġenituri Kristjani kif jistgħu “jfaddlu” għal uliedhom?
10 L-Iskrittura tgħid ukoll: “Mhux sewwa li l-ulied ifaddlu għall-ġenituri, iżda l-ġenituri jfaddlu għal uliedhom.” (2 Korintin 12:14) Fid-dinja huwa komuni li l-ġenituri jfaddlu l-flus għall-edukazzjoni futura u għaż-żwieġ tat-tfal tagħhom sabiex jagħtuhom bidu tajjeb fil-ħajja. Ħsibt int biex tfaddal għall-futur spiritwali tat-tfal tiegħek? Nassumu, per eżempju, li ibnek (jew bintek) li hu adult qed jaħdem fil-ministeru full-time. Fil-waqt li qaddejja full-time m’għandhomx jitolbu u lanqas jistennew appoġġ finanzjarju mingħand oħrajn, ġenituri taʼ mħabba jistgħu jagħżlu li ‘jaqsmu miegħu skond il-bżonn tiegħu’ sabiex jgħinuh jibqaʼ fis-servizz full-time.—Rumani 12:13; 1 Samwel 2:18, 19; Filippin 4:14-18.
11. Li jkollok ħarsa realistika tal-flus jindika nuqqas taʼ fidi? Spjega.
11 Li jkollok ħarsa realistika dwar il-flus ma jindikax nuqqas taʼ fidi li s-sistema mill-agħar taʼ Satana tinsab qrib tmiemha. Hi sempliċement kwistjoni taʼ li turi “għaqal u l-qjies.” (Proverbji 2:7; 3:21) Ġesù darba qal li “[w]lied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl” fil-mod kif jużaw il-flus. (Luqa 16:8) Mhux taʼ b’xejn, allura, li xi wħud raw il-bżonn li jagħmlu xi aġġustamenti fil-mod kif jużaw ir-riżorsi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb aħjar il-bżonnijiet tal-familji tagħhom.
“Moħħ F’Loku” Fil-Ħarsa Tagħna Taʼ L-Edukazzjoni
12. Ġesù kif għallem lid-dixxipli tiegħu biex jaddattaw irwieħhom għal ċirkostanzi ġodda?
12 “Is-sura taʼ din id-dinja għad tgħaddi,” u bidliet ekonomiċi estensivi u żviluppi teknoloġiċi qegħdin iseħħu b’mod mgħaġġel. (1 Korintin 7:31) Madankollu, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex ikunu addattabbli. Hu qalilhom meta bagħathom fuq l-ewwel kampanja taʼ ppridkar tagħhom: “Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu.” (Mattew 10:9, 10) F’okkażjoni iktar tard, iżda, Ġesù qal: “Min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll.” (Luqa 22:36) X’kien inbidel? Iċ-ċirkostanzi. L-ambjent reliġjuż kien sar iżjed ostili, u issa riedu jaħsbu biex jipprovdu għalihom infushom.
13. X’inhu l-għan ewlieni taʼ l-edukazzjoni, u l-ġenituri kif jistgħu jappoġġjaw ’l uliedhom f’dan ir-rigward?
13 Bl-istess mod illum, il-ġenituri għandhom mnejn ikollhom bżonn jagħtu kas tar-realtajiet ekonomiċi taʼ żmienna. Per eżempju, qiegħed int tieħu ħsieb li wliedek qegħdin jieħdu edukazzjoni adegwata? L-għan ewlieni taʼ l-edukazzjoni għandu jkun li tgħammar żagħżugħ biex ikun ministru effettiv taʼ Jehovah. U l-iktar edukazzjoni importanti minnhom kollha hi l-edukazzjoni spiritwali. (Isaija 54:13) Il-ġenituri huma kkonċernati wkoll dwar l-abbiltà taʼ wliedhom li jmantnu lilhom infushom finanzjarjament. Allura agħti ’l uliedek gwida, għinhom jagħżlu suġġetti skolastiċi xierqa, u ddiskuti magħhom jekk huwiex għaqli li jsegwu xi edukazzjoni supplimentari jew le. Deċiżjonijiet bħal dawn huma responsabbiltà tal-familja, u oħrajn m’għandhomx jikkritikaw il-korsa li tittieħed. (Proverbji 22:6) Xi ngħidu dwar dawk li għażlu li jedukaw lil uliedhom id-dar?b Fil-waqt li ħafna għamlu biċċa xogħol taʼ min ifaħħarha, xi wħud sabu dan iżjed diffiċli milli immaġinaw, u wliedhom marru ħażin. Mela jekk qed tikkunsidra li tgħallem it-tfal id-dar, kun ċert li tqis in-nefqa, billi realistikament tiżen jekk int għandekx kemm il-kapaċità u kemm id-dixxiplina fuqek innifsek meħtieġa biex tibqaʼ sa l-aħħar.—Luqa 14:28.
‘Tfittixx Affarijiet Kbar’
14, 15. (a) Bàruk kif tilef il-bilanċ spiritwali tiegħu? (b) Għala kienet bluha min-naħa tiegħu li ‘jfittex affarijiet kbar’?
14 Ladarba t-tmiem taʼ din is-sistema għadu ma ġiex, xi wħud għandhom mnejn ikunu inklinati li jfittxu dak li d-dinja għandha x’toffri—karrieri prestiġjużi, impjiegi mħallsin tajjeb, u għana. Ikkunsidra lil Bàruk, is-segretarju taʼ Ġeremija. Hu lmenta: “Jaħasra għalija, li qiegħed iżidli l-Mulej l-għali man-niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma nistax insib mistrieħ.” (Ġeremija 45:3) Bàruk kien għajjien. Li jaqdi bħala s-segretarju taʼ Ġeremija kien xogħol diffiċli u stressanti. (Ġeremija 36:14-26) U ma kien jidher li hemm ebda tmiem għall-istress. Kellhom jgħaddu 18-il sena oħra qabel kellha tinqered Ġerusalemm.
15 Jehovah qal lil Bàruk: “Arani, dak li jiena bnejt, nħottu, u dak li jiena ħawwilt, naqilgħu, jiġifieri l-art kollha. Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx.” Bàruk kien tilef il-bilanċ. Kien beda ‘jfittex ħwejjeġ kbar għalih innifsu,’ forsi għana, prominenza, jew sigurtà materjali. Ladarba Jehovah kien se ‘jaqlaʼ saħansitra l-art kollha,’ x’sens kien jagħmel li wieħed ifittex affarijiet bħal dawn? Jehovah għalhekk ta lil Bàruk din it-tfakkira serja: “Se nġib il-ħsara fuq kull bniedem, . . . imma lilek inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-gwerra, kull fejn tmur.” Il-ġid materjali ma kellux jeħles mill-qerda taʼ Ġerusalemm! Jehovah ggarantixxa biss is-salvazzjoni taʼ ‘ħajtu bħallikieku priża tal-gwerra.’—Ġeremija 45:4, 5.
16. In-nies taʼ Jehovah llum liema lezzjoni jistgħu jitgħallmu mill-esperjenza taʼ Bàruk?
16 Bàruk ta kas tal-korrezzjoni mingħand Jehovah, u, fi qbil mal-wegħda taʼ Jehovah, Bàruk salva ħajtu. (Ġeremija 43:6, 7) X’lezzjoni qawwija għan-nies taʼ Jehovah llum! Dan m’huwiex iż-żmien biex ‘infittxu ħwejjeġ kbar għalina nfusna.’ Għala? Għaliex “[i]d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi.”—1 Ġwanni 2:17.
Nużaw Il-Bqija Taż-Żmien Bl-Aqwa Mod
17, 18. (a) Ġona kif irreaġixxa meta n-Nineviti nidmu? (b) Jehovah liema lezzjoni għallmu lil Ġona?
17 Kif, allura, nistgħu nużaw il-bqija taż-żmien bl-aqwa mod? Tgħallem mill-esperjenza tal-profeta Ġona. Hu “mar f’Ninwè . . . ixandar u jgħid: ‘Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!’” B’sorpriża għal Ġona, in-Nineviti wieġbu għall-messaġġ tiegħu u nidmu! Jehovah żamm lura milli jeqred il-belt. Ir-reazzjoni taʼ Ġona? “Mulej, ħudli ħajti, nitolbok, għax għali[j]a aħjar im[m]ut milli nibqaʼ ħaj!”—Ġona 3:3, 4; 4:3.
18 Jehovah mbagħad għallem lil Ġona lezzjoni importanti. Hu “ordna li titlaʼ siġra tar-riġnu għal Ġona, biex ikollu d-dell fuq rasu . . . Ġona feraħ wisq bis-siġra.” Il-ferħ taʼ Ġona kien għomru qasir, madankollu, minħabba li l-pjanta malajr nixfet. Ġona sar ‘inkorlat’ minħabba l-iskumdità tiegħu. Jehovah enfasizza l-punt Tiegħu, billi qal: “Inti ġietek ħasra mis-siġra tar-riġnu, . . . Mela jiena ma kellix tiġini ħasra minn Ninwè, il-belt il-kbira fejn hemm aktar minn mija u għoxrin elf ruħ li ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom, u fejn hemm ukoll ħafna bhejjem?”—Ġona 4:6, 7, 9-11.
19. Liema linja taʼ ħsieb egoċentriku għandna nevitaw?
19 Kemm kien egoċentriku r-raġunar taʼ Ġona! Hu ddispjaċieh għal pjanta, imma ma ħass ebda xrara taʼ kumpassjoni għan-nies taʼ Ninwè—nies li, spiritwalment, ‘ma kinux jafu jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom.’ Aħna nistgħu bl-istess manjiera nixxennqu għall-qerda taʼ din id-dinja mill-agħar u bir-raġun! (2 Tessalonikin 1:8) Waqt li nistennew, madankollu, għandna r-responsabbiltà li ngħinu lil nies taʼ qalb onesta li, spiritwalment, “ma jafux jagħżlu bejn il-lemin u x-xellug tagħhom.” (Mattew 9:36; Rumani 10:13-15) Se tuża int iż-żmien qasir li baqaʼ biex tgħin lil kemm jistaʼ jkun nies possibbli jiksbu l-għarfien prezzjuż taʼ Jehovah? Liema xogħol jistaʼ qatt jitqabbel mal-ferħ li tgħin lil xi ħadd jaqlaʼ l-ħajja?
Ibqaʼ Għix B’“Moħħ F’Loku”
20, 21. (a) Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru “moħħ f’loku” matul il-jiem li ġejjin? (b) Liema barkiet se jiġu billi ngħixu b’“moħħ f’loku”?
20 Hekk kif is-sistema taʼ Satana tkompli dieħla sewwa lejn il-qerda, żgur li se nħabbtu wiċċna maʼ sfidi ġodda. It-Tieni Timotju 3:13 ibassar: “[I]n-nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra jmorru mill-ħażin għall-agħar.” Imma “tgħejewx u . . . taqtgħux qalbkom.” (Lhud 12:3) Strieħ fuq Jehovah għas-saħħa. (Filippin 4:13) Tgħallem kif tkun flessibbli, kif taddatta għal ċirkostanzi li jistgħu jeħżienu, minflok ma thewden fuq il-passat. (Koħèlet 7:10) Uża għerf prattiku, billi żżomm mad-direzzjoni li “l-qaddej fidil u għaqli” jipprovdi.—Mattew 24:45-47.
21 Kemm baqaʼ ħin ma nafux. Madankollu, nistgħu ngħidu b’fiduċja li “qrib hu t-tmiem taʼ kollox.” Sakemm jasal dak it-tmiem, ejjew ngħixu b’“moħħ f’loku” fil-mod kif nittrattaw maʼ xulxin, fil-mod kif nieħdu ħsieb tal-familja, u fir-responsabbiltajiet sekulari tagħna. Billi nagħmlu hekk, lkoll kemm aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li finalment se ninstabu “fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub”!—2 Pietru 3:14.
(w97 8/15)
[Noti taʼ taħt]
a Fl-Istati Uniti, per eżempju, ħafna għandhom polza t’assigurazzjoni medika, għalkemm din tkun x’aktarx għolja. Xi familji tax-Xhieda sabu li ċerti tobba huma iktar lesti li jikkunsidraw alternattivi mingħajr demm meta l-familji huma assigurati medikament. Ħafna tobba jaċċettaw l-ammont taʼ ħlas permess minn poloz t’assigurazzjoni limitati jew ħlas mediku mill-gvern.
b Jekk wieħed jgħallimx l-iskola lil uliedu d-dar jew le hija deċiżjoni persunali. Ara l-artiklu “Home Schooling—Is It for You?” (Tagħlim Skolastiku Fid-Dar—Jgħodd Għalik?), li deher fil-ħarġa taʼ l-Awake!, tat-8 t’April, 1993.
Punti Għal Reviżjoni
◻ Kif nistgħu nuru “moħħ f’loku” fir-relazzjonijiet persunali tagħna?
◻ Kif nistgħu nuru bilanċ f’li nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħna tal-familja?
◻ Il-ġenituri għala għandhom jieħdu interess fl-edukazzjoni sekulari taʼ wliedhom?
◻ X’lezzjonijiet nitgħallmu minn Bàruk u Ġona?
[Stampa f’paġna 11]
Meta raġel u mara miżżewġin jittrattaw ħażin lil xulxin, huma jdgħajfu r-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 13]
Il-ġenituri għandhom jieħdu interess fl-edukazzjoni taʼ wliedhom