“Li Tibżaʼ mill-Mulej Hu l-Għerf”
“HAWN hu l-qofol tad-diskors wara li nstamaʼ kollox: ‘Ħobb lil Alla u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax f’dan jinġabar il-bniedem kollu.’” (Koħèlet 12:13) Kemm kienet profonda din il-konklużjoni li s-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem wasal għaliha bl-ispirazzjoni divina! Il-patrijarka Ġob ukoll apprezza l-valur tal-biżaʼ t’Alla, għax qal: “Ara, li tibżaʼ mill-Mulej hu l-għerf, li titbiegħed mill-ħażen, l-għaqal.”—Ġob 28:28.
Il-Bibbja titfaʼ importanza kbira fuq li jkollna l-biżaʼ taʼ Ġeħova. Li nikkultivaw biżaʼ riverenzjali minn Alla għala huwa l-aħjar triq għall-għerf? B’liema mod jistaʼ l-biżaʼ t’Alla jibbenefikana—individwalment u bħala grupp taʼ qaddejja veri? Versi 26 sa 35 taʼ Proverbji kapitlu 14 iwieġbu dawn il-mistoqsijiet.a
Sors taʼ “Tama Qawwija”
Salamun jgħid: “Tama qawwija jkollu min għandu l-biżaʼ tal-Mulej, u wliedu wkoll isibu l-kenn.” (Proverbji 14:26) Is-sors taʼ fiduċja taʼ wieħed li għandu l-biżaʼ t’Alla huwa ħadd ħlief l-Alla leali u li Jistaʼ Kollox, Ġeħova. Mhux taʼ b’xejn li raġel bħal dan jiffaċċja dak li jkollu quddiemu b’tama qawwija! Il-futur tiegħu huwa wieħed twil u mbierek.
Madankollu, x’jistaʼ jingħad dwar il-futur taʼ dawk li jittamaw fid-dinja—il-pjanijiet, l-organizzazzjonijiet, l-ideoloġiji, u l-affarijiet materjali tagħha? Hu x’inhu l-futur li jixtiequ dawn huwa wieħed qasir, għax il-Bibbja tgħid: “Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Għalhekk, hemm xi raġuni għalina biex ‘inħobbu id-dinja u dak li hemm fid-dinja’?—1 Ġwanni 2:15.
Il-ġenituri li għandhom il-biżaʼ t’Alla x’jistgħu jagħmlu biex ikunu ċerti li ‘wliedhom se jsibu kenn’? Is-salmista kanta: “Ejjew uliedi, isimgħu lili: jiena l-biżaʼ tal-Mulej ngħallimkom.” (Salm 34:12 [34:11, NW]) Meta t-tfal jiġu mgħallmin il-biżaʼ t’Alla bl-eżempju u bl-istruzzjoni tal-ġenituri, hemm iktar probabbiltà li huma se jikbru biex isiru rġiel u nisa li jkollhom tama qawwija f’Ġeħova.—Proverbji 22:6.
Salamun ikompli: “Il-biżaʼ tal-Mulej hu għajn tal-ħajja, bih wieħed jeħles mix-xibka tal-mewt.” (Proverbji 14:27) Il-biżaʼ taʼ Ġeħova huwa “għajn tal-ħajja” għax l-Alla veru huwa “l-għajn taʼ l-ilma ġieri.” (Ġeremija 2:13) Li nieħdu l-għarfien dwar Ġeħova u Ġesù Kristu jistaʼ jfisser ħajja taʼ dejjem għalina. (Ġwanni 17:3) Il-biżaʼ t’Alla jbegħedna wkoll min-nases tal-mewt. Kif? Proverbji 13:14 jgħid: “Tagħlim l-għaref hu għajn il-ħajja għal min irid jeħles mix-xibka tal-mewt.” Meta jkollna l-biżaʼ taʼ Ġeħova, nobdu l-liġi tiegħu, u nħallu l-Kelma tiegħu tiggwidalna l-passi tagħna, ma niġux aħna protetti mill-prattiċi u l-emozzjonijiet taʼ ħsara li jistgħu jwassluna biex immutu qabel il-waqt?
“Tiżjin għal Sultan”
Tul il-biċċa l-kbira miż-żmien li dam jaħkem, Salamun kien sultan li kellu l-biżaʼ t’Alla u kien jobdi lil Ġeħova. Dan ikkontribwixxa għal ħakma taʼ suċċess. X’jiddetermina kemm sultan kien isaltan tajjeb? Proverbji 14:28 (NW) iwieġeb: “Fil-kotra tan-nies hemm tiżjin taʼ sultan, imma fin-nuqqas taʼ popolazzjoni hemm ir-rovina t’uffiċjal għoli.” Is-suċċess taʼ sultan jitkejjel mill-istat li jkunu fih il-qaddejja tiegħu. Jekk kotra kbira taʼ nies jixtiequ li jibqgħu taħt it-tmexxija tiegħu, dan juri li hu sultan tajjeb. Salamun kellu qaddejja ‘mill-baħar [l-Aħmar] sal-baħar [Mediterran], u mix-Xmara [Ewfrat] sa truf l-art.’ (Salm 72:6-8) Is-saltna tiegħu kienet immarkata minn paċi u prosperità li qatt ma kien hemm bħalhom qabel. (1 Slaten 4:24, 25) Il-ħakma taʼ Salamun kienet suċċess. Mill-banda l-oħra, nuqqas t’approvazzjoni mill-poplu jindika diżunur għal uffiċjal għoli.
X’jistaʼ jingħad fuq din il-ħaġa dwar il-glorja taʼ Salamun Akbar, is-Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu? Aħseb dwar il-qaddejja li għandu anki llum. Madwar id-dinja kollha, iktar minn sitt miljun raġel u mara li għandhom biżaʼ t’Alla diġà għażlu li jgħixu taħt il-ħakma taʼ Kristu. Huma jeżerċitaw fidi f’Ġesù u huma magħqudin fil-qima vera taʼ l-Alla l-ħaj. (Ġwanni 14:1) Sat-tmiem tal-Ħakma Millennjali, dawk kollha fil-memorja t’Alla se jkunu ġew irxoxtati. Imbagħad l-art magħmula ġenna se tkun mimlija b’nies ferħanin u b’nies ġusti li wrew apprezzament għas-Sultan tagħhom. X’xiehda se tkun dik għall-ħakma b’suċċess taʼ Kristu! Ejja nżommu sod mat-tama meraviljuża tagħna tas-Saltna.
Benefiċċji Spiritwali u Fiżiċi
Biżaʼ riverenzjali t’Alla se jagħtina paċi tal-qalb u tal-moħħ. Dan minħabba li l-aspetti differenti taʼ l-għerf jinkludu li nużaw id-dehen u nuru d-dixxerniment. Proverbji 14:29 jgħid: “Min għandu s-sabar jimxi b’għaqal kbir [“b’dixxerniment,” “NW”], min jisbel malajr bluhat kbar jagħmel.” Id-dixxerniment jgħinna nirrealizzaw li r-rabja mhix kontrollata għandha effetti devastanti fuq l-ispiritwalità tagħna. “Il-mibegħda, il-ġlied, l-għira, l-għadab, [u] it-tilwim” huma mniżżlin fost ix-xogħlijiet li jistgħu jtellfuna milli ‘nirtu s-saltna t’Alla.’ (Galatin 5:19-21) Aħna mwissijin kontra li nżommu ġo fina anki rabja li hi ġustifikata. (Efesin 4:26, 27) U meta ma nurux il-paċenzja nistgħu ngħidu kliem bla sens u naġixxu b’tali mod li iktar tard jiddispjaċina.
Meta pponta lejn l-effetti fiżiċi tar-rabja, is-sultan taʼ Iżrael qal: “Mistrieħ il-moħħ hu ħajja għall-ġisem, imma l-għira tħassarlu l-għadam.” (Proverbji 14:30) Mard li jirriżulta mir-rabja u d-dagħdigħa jinkludi problemi respiratorji, pressjoni għolja, problemi fil-fwied, u ħsara lill-frixa. It-tobba jsemmu wkoll ir-rabja u d-dagħdigħa bħala emozzjonijiet li jiggravaw, jew saħansitra jikkaġunaw mard bħall-ulċeri, l-urtikarja, l-ażżma, il-mard tal-ġilda, u problemi diġestivi. Mill-banda l-oħra, il-“paċi tal-qalb tagħti ħajja lill-ġisem.” (Proverbji 14:30, New International Version) Għalhekk, inkunu għaqlin jekk “niġru wara l-affarijiet li jġibu l-paċi u l-affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.”—Rumani 14:19.
Il-Biżaʼ t’Alla Jgħinna Nkunu Imparzjali
“Min jgħakkes il-fqir imaqdar lil min ħalqu,” jgħid Salamun, “imma min iħenn għall-imsejken iweġġħu.” (Proverbji 14:31) Raġel li għandu l-biżaʼ t’Alla jirrealizza li l-bnedmin kollha għandhom l-istess Ħallieq, Alla Ġeħova. Għalhekk, il-wieħed fqir huwa bniedem bħalna, u kif jiġi trattat jirrifletti fuq il-Ħallieq taʼ l-umanità. Biex nagħtu glorja lil Alla, għandna naġixxu b’mod ġust u imparzjali m’oħrajn. Il-Kristjan li huwa fqir għandu jirċievi attenzjoni spiritwali mingħajr parzjalità. Għandna nilħqu lill-fqar u lill-għonja bl-istess mod bl-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.
Billi rrefera għal benefiċċju ieħor tal-biżaʼ t’Alla, is-sultan għaref qal: “Il-ħażin jiġġarraf bi ħżunitu, it-tajjeb jistkenn fi tjubitu [“fl-integrità tiegħu,” “NW”].” (Proverbji 14:32) Il-wieħed il-ħażin kif jiġġarraf? Huwa suġġerit li dan ifisser li m’għandu l-ebda possibbiltà li jirkupra meta jesperjenza kalamità. Mill-banda l-oħra, meta tolqtu l-avversità, il-wieħed li għandu l-biżaʼ t’Alla jsib kenn fl-integrità tiegħu f’Alla. Billi jkollu fidi sħiħa f’Ġeħova saħansitra sal-mewt, juri l-istess determinazzjoni li wera Ġob, li qal: “Ma jkun qatt li nagħtikom raġun, insostni sa ma mmut is-sewwa [“l-integrità,” NW] tiegħi.”—Ġob 27:5.
Li żżomm l-integrità jirrikjedi għerf u li jkollok il-biżaʼ t’Alla. U l-għerf fejn jistaʼ jinsab? “Fil-qalb taʼ dak li qed jifhem hemm jistrieħ l-għerf, u f’nofs l-istupidi dan isir magħruf,” iwieġeb Proverbji 14:33 (NW). Iva, l-għerf jistaʼ jinsab fil-qalb taʼ raġel li jifhem. Madankollu, b’liema mod isir magħruf f’nofs l-istupidi? Skond xogħol taʼ referenza, “l-istupidu, li jixtieq jidher għaref, jgħid dak li jaħseb li hu l-għerf iżda matul dan il-proċess jispiċċa biex jgħid bluhat.”
“Ikabbar Ġieħ il-Poplu”
Billi jdawwar l-attenzjoni tagħna minn kif individwu huwa effettwat mill-biżaʼ t’Alla għal kif jeffettwa poplu sħiħ, is-sultan taʼ Iżrael jgħid: “Is-sewwa jkabbar ġieħ il-poplu, imma d-dnub iwaqqgħu fl-għajb.” (Proverbji 14:34) Kemm deher ċar dan il-prinċipju fil-każ tal-ġens taʼ Iżrael! Meta mexa mal-prinċipji għoljin t’Alla, Iżrael ġie eżaltat fuq in-nazzjonijiet l-oħra. Madankollu, atti ripetuti taʼ diżubbidjenza wasslu għal diżunur, u eventwalment Iżrael ġie rifjutat minn Ġeħova. Dan il-prinċipju japplika għall-poplu t’Alla llum. Il-kongregazzjoni Kristjana hija differenti mid-dinja għax hi tobdi u żżomm mal-prinċipji ġusti t’Alla. Madankollu, biex inżommu din il-pożizzjoni għolja għandna nżommu ħajja safja individwalment. Jekk nipprattikaw id-dnub dan iġib biss diżunur għalina personalment kif ukoll isem ħażin fuq il-kongregazzjoni u fuq Alla.
Meta esprima dak li jġib l-hena lil wieħed sultan, Salamun qal: “Is-sultan jinġibed lejn il-qaddej bil-għaqal, imma jistmerr il-qaddej bla ħila.” (Proverbji 14:35) U Proverbji 16:13 jgħid: “Kliem il-ġust jogħġob lis-slaten; huma jħobbu lil min jgħid is-sewwa.” Iva, Ġesù Kristu, il-Ħakkiem u s-Sultan tagħna, ikun ferħan ħafna meta naġixxu b’mod ġust u bil-għaqal u meta nużaw xofftejna fl-ippridkar tas-Saltna u fl-attività taʼ li nagħmlu dixxipli. Tabilħaqq, ejja nibqgħu beżlin f’dan ix-xogħol hekk kif ingawdu l-barkiet li jiġu milli jkollna l-biżaʼ taʼ l-Alla l-veru.
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni taʼ Proverbji 14:1-25, ara t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 2004, paġni 26-9, u tal-15 taʼ Lulju, 2005, paġni 17-20.
[Stampa f’paġna 15]
Il-biżaʼ t’Alla jistaʼ jiġi mgħallem