LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 7/1 pp. 13-16
  • “Bil-Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-Twiddib”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Bil-Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-Twiddib”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Liema Ħaġa “Ttaffi l-​Korla”?
  • “Ilsien l-​Għorrief Jagħmel it-​Tajjeb”
  • Nirċievu d-​Dixxiplina u ‘Nxerrdu l-​Għarfien’
  • “Qaddisin fil-​Kondotta”
  • Ħarsa Pożittiva
  • Il-Biżaʼ minn Alla—“Dixxiplina li Twassal għall-Għerf”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • “L-Għaqli Jagħmel Kollox bi Ħsieb”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • “Xofftejn is-Sewwa Jżommu Sħiħ għal Dejjem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 7/1 pp. 13-16

“Bil-​Għaqal Hu Min Jaf Jilqaʼ t-​Twiddib”

“RESSAQ qalbek lejn id-​dixxiplina u ’l widintek lejn kliem l-​għarfien,” jgħid Proverbji 23:12 (NW). F’din l-​iskrittura, id-​“dixxiplina,” jew it-​taħriġ morali, tinkludi kemm id-​dixxiplina persunali u kemm it-​twiddib li nirċievu minn oħrajn. Dixxiplina bħal din teħtieġ l-​għarfien dwar liema tip taʼ korrezzjoni hemm bżonn u dwar kif għandha tingħata. Għaldaqstant, “kliem l-​għarfien” minn sors taʼ min joqgħod fuqu huwa essenzjali.

Il-ktieb Bibliku tal-​Proverbji huwa sors eċċellenti taʼ qwiel għaqlin. Il-​proverbji dokumentati fih inkitbu “biex wieħed ikun jaf l-​għerf u d-​dixxiplina, . . . biex jirċievi d-​dixxiplina li tagħti d-​dehen, is-​sewwa u l-​ġustizzja u d-​dritt.” (Proverbji 1:​1-3, NW) Inkunu għaqlin jekk ‘nagħtu widnejna’ għalihom. Proverbji kapitlu 15 jagħti gwida f’lokha dwar kif tikkontrolla r-​rabja, tuża l-​ilsien, u xxerred l-​għarfien. Ejja nikkunsidraw xi ftit versi minn dan il-​kapitlu.

Liema Ħaġa “Ttaffi l-​Korla”?

Sabiex jiddeskrivi kif il-​kliem mitkellem jeffettwa l-​għadab jew il-​korla, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem jgħid: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla, kelma iebsa tqajjem l-​għadab.” (Proverbji 15:1) L-​“għadab” huwa terminu li jintuża biex jiddeskrivi emozzjoni qawwija jew reazzjoni għal xi ħaġa li ma togħġbokx. Il-​“korla” hija mfissra bħala “sentiment taʼ rabja estremament qawwi li huwa diffiċli ħafna biex tikkontrollah.” Dan il-​proverbju kif jistaʼ jgħinna nittrattaw maʼ l-​għadab taʼ xi ħaddieħor kif ukoll nikkontrollaw tagħna stess?

Kliem aħrax jistaʼ jweġġaʼ u jistaʼ jagħmel sitwazzjoni kerha agħar milli diġà tkun. Min-​naħa l-​oħra, tweġiba ħelwa tikkalma lil dak li jkun. Madankollu, m’huwiex dejjem faċli li twieġeb bil-​ħlewwa lil persuna rrabjata. Però, ikun t’għajnuna jekk nipprovaw nifhmu x’wassal lil dak li jkun biex jirrabja. Il-​Bibbja tgħid: “Bniedem bil-​għaqal idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-​offiża.” (Proverbji 19:11) Jistaʼ jkun li dik il-​persuna tinsab irrabjata għax ma tħosshiex ċerta minnha nfisha jew għax għandha bżonn l-​attenzjoni? Ir-​raġuni proprja jistaʼ ma jkollha xejn x’taqsam maʼ dak li stajna għedna jew għamilna aħna. Meta niltaqgħu maʼ xi ħadd irrabjat fil-​ministeru Kristjan, ħafna drabi ma jkunx dan minħabba li l-​inkwilin ma jkunx informat tajjeb dwar it-​twemmin tagħna jew għax ikun preġudikat minħabba xi fehma ħażina? Għandna niħduha b’mod persunali u nwieġbu lura bl-​aħrax? Saħansitra meta r-​raġuni għala persuna tkun irrabjata ma tkunx magħrufa, jekk inwieġbu bi kliem li jweġġaʼ jkun jindika nuqqas taʼ dixxiplina fuqna nfusna. Għandna nevitaw li nwieġbu lura b’dan il-​mod.

Il-parir biex nagħtu tweġiba ħelwa huwa imprezzabbli wkoll meta niġu biex nikkontrollaw ir-​rabja tagħna stess. Nistgħu napplikaw dan il-​parir billi nitgħallmu nesprimu l-​emozzjonijiet tagħna b’modi li ma joffendux lil min jismagħna. Meta nittrattaw mal-​membri tal-​familja tagħna, minflok ma nitkellmu bl-​aħrax jew ngħajru lil dak li jkun, aħna għandna nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nesprimu s-​sentimenti tagħna bil-​kalma. Il-​kliem bir-​rabja ġeneralment iġiegħel lil ħaddieħor jgħidlek xi ħaġa lura. Meta nesprimu dak li nkunu qed inħossu bil-​ħlewwa, dak li jkun ma jħossux daqshekk kritikat u jistaʼ jiġi motivat biex jagħmel aġġustamenti.

“Ilsien l-​Għorrief Jagħmel it-​Tajjeb”

Id-​dixxiplina fuqna nfusna teffettwa l-​mod kif nitkellmu kif ukoll dak li ngħidu. “Ilsien l-​għorrief jagħmel it-​tajjeb permezz taʼ l-​għarfien,” jgħid Salamun, “imma minn fomm l-​istupidi tgelgel il-​bluha.” (Proverbji 15:​2, NW) Meta rrabbu ġo fina xewqa biex ngħinu lil oħrajn u nitkellmu magħhom dwar l-​iskop t’Alla u l-​provvedimenti taʼ l-​għaġeb tiegħu, ma nkunux aħna qed ‘nagħmlu t-​tajjeb permezz taʼ l-​għarfien’? Persuna stupida ma tagħmilx dan minħabba li hija nieqsa mill-​għarfien.

Qabel ma jagħti iktar gwida dwar kif nużaw l-​ilsien, Salamun jagħmel kuntrast taʼ min jaħseb fuqu. “Kullimkien iħarsu għajnejn il-​Mulej, jgħassu fuq il-​ħżiena u fuq it-​tajbin.” (Proverbji 15:3) Aħna nistgħu nifirħu b’dan għax niġu żgurati: “Għajnejh jiġru fuq l-​art kollha, isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-​sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Alla jaf jekk inkunux qed nagħmlu dak li huwa tajjeb. Hu jinnota wkoll lil dawk li jkunu qed jagħmlu dak li hu ħażin u jżommhom responsabbli.

Salamun ikompli jagħmel enfasi fuq kemm hu taʼ valur ilsien ħelu, billi jgħid: “Lsien ħelu bħal siġra tal-​ħajja, imma lsien ħażin imewwet il-​qalb.” (Proverbji 15:4) Il-​frażi “siġra tal-​ħajja” ġġibilna f’moħħna fejqan u xi ħaġa li ssostni. (Rivelazzjoni 22:2) Il-​kliem ħelu taʼ persuna li għandha l-​għerf jagħti s-​saħħa lil dawk li jisimgħuh. Jappella għall-​kwalitajiet sbieħ tagħhom. Għall-​kuntrarju, ilsien qarrieqi u mħassar imewwet l-​ispirtu taʼ dawk li jisimgħuh.

Nirċievu d-​Dixxiplina u ‘Nxerrdu l-​Għarfien’

“L-​iblah jistmell [“id-​dixxiplina taʼ,” “NW”] missieru,” ikompli s-​sultan għaref, “bil-​għaqal hu min jaf jilqaʼ t-​twiddib.” (Proverbji 15:5) Kif jistaʼ xi ħadd “jilqaʼ t-​twiddib” jekk ħadd ma jagħtihulu? Ma turix din l-​iskrittura li d-​dixxiplina li tikkoreġi lil dak li jkun għandha tingħata meta jkun hemm bżonn? Fil-​familja, hija r-​responsabbiltà tal-​ġenituri​—b’mod partikulari l-​missier​—li jipprovdu d-​dixxiplina, u huwa d-​dmir taʼ l-​ulied li jilqgħuha. (Efesin 6:​1-3) Madankollu, il-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova jirċievu d-​dixxiplina b’xi mod jew ieħor. “Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb,” jgħid Ebrej 12:​6, “fil-​fatt, isawwat lil kulmin jilqaʼ bħala ibnu.” Il-​mod kif inwieġbu għad-​dixxiplina jikxef jekk aħniex għaqlin jew boloh.

Salamun jagħmel kuntrast ieħor meta jgħid: “Xofftejn l-​għorrief ikomplu jxerrdu l-​għarfien, imma qalb l-​istupidi mhix hekk.” (Proverbji 15:​7, NW) It-​tixrid taʼ l-​għarfien huwa bħal meta xxerred iż-​żrieragħ. Fil-​qedem, il-​bidwi ma kienx jiżraʼ ż-​żrieragħ kollha fl-​istess post. Minflok, hu kien ixerred, jew jitfaʼ, ftit żrieragħ kull darba maʼ l-​għalqa kollha. L-​istess jiġri bit-​tixrid taʼ l-​għarfien. Per eżempju, meta niltaqgħu maʼ xi ħadd fil-​ministeru, ma jkunx għaqli li nxerrdu dak kollu li nafu dwar il-​Bibbja f’darba. Minflok, individwu għaqli huwa dixxiplinat fi kliemu. Hu ‘jxerred’ l-​għarfien hekk kif kull darba bil-​mod il-​mod jitkellem dwar verità waħda mill-​Bibbja u jibni fuqha, filwaqt li jagħti kas ir-​reazzjoni taʼ min jisimgħu. Ix-​Xempju tagħna, Ġesù Kristu, hekk għamel meta tkellem mal-​mara Samaritana.​—Ġwanni 4:​7-​26.

L-għoti taʼ l-​għarfien jinvolvi kliem istruttiv u taʼ benefiċċju. Hemm bżonn tal-​ħsieb biex tgħid kliem li jagħti għarfien u inkuraġġiment. Għaldaqstant, “moħħ il-​ġust jaħsibha qabel iwieġeb.” (Proverbji 15:28) Kemm huwa vitali li kliemna jkun bħal xita traxxax li tinxtorob mill-​art u tagħmel il-​ġid, mhux bħal xita bil-​qliel li tkaxkar kollox magħha!

“Qaddisin fil-​Kondotta”

Meta nxerrdu l-​għarfien dwar Ġeħova u l-​iskop tiegħu u noffrulu “l-​frott tax-​xufftejn” bħala “sagrifiċċju taʼ tifħir” bla dubju hija t-​triq għaqlija. (Ebrej 13:15) Madankollu, sabiex sagrifiċċju bħal dan ikun aċċettabbli għal Ġeħova għandna nkunu ‘qaddisin fil-​kondotta kollha tagħna.’ (1 Pietru 1:​14-16) Billi juża żewġ proverbji b’kuntrast maʼ xulxin, Salamun jiġbdilna l-​attenzjoni għal din il-​verità vitali. Hu jgħid: “Il-​Mulej jistkerrah is-​sagrifiċċju tal-​ħżiena, imma jitgħaxxaq bit-​talba tat-​tajbin. Il-​Mulej jistkerrah l-​imġiba tal-​ħżiena, imma jħobb ’il min ifittex is-​sewwa.”​—Proverbji 15:​8, 9.

Kif iħarsu lejn it-​twiddib dawk li jitilqu t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u x’hemm jistenniehom? (Mattew 7:​13, 14) “Dixxiplina ħarxa hemm għal min iħalli triqtu: u min jobgħod it-​twiddib imut.” (Proverbji 15:​10, KŻ) Minflok ma jaċċettaw il-​parir taʼ korrezzjoni minn uħud responsabbli fil-​kongregazzjoni Kristjana u jindmu ġenwinament, xi wħud li qed isegwu triq ħażina jagħżlu li jitilqu mit-​triq tas-​sewwa. Xi bluha!

Xi ngħidu jekk xi ħadd ikun jidher minn barra li qed jaċċetta t-​twiddib, imma fil-​fatt ikun jobogħdu? Dan ukoll m’huwiex għaqli. “Qiegħ l-​Art u l-​Imwiet quddiem għajnejn il-​Mulej,” jgħid is-​sultan taʼ Iżrael. “Kemm aktar qlub il-​bnedmin.” (Proverbji 15:11) B’mod figurattiv, xejn ma jistaʼ jkun imbiegħed minn Alla l-​ħaj iktar minn Qiegħ l-​Art, jew Xeol, post il-​mejtin. Madankollu, dan qiegħed quddiem għajnejh. Hu jaf l-​identità u l-​personalità taʼ dawk kollha li qegħdin hemm u kapaċi jirxoxtahom. (Salm 139:8; Ġwanni 5:​28, 29) Kemm huwa faċli għal Ġeħova biex ikun jaf x’hemm f’qalb il-​bniedem! “M’hemm l-​ebda ħolqien li hu moħbi quddiemu, imma kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Ebrej 4:13) Min juri wiċċ b’ieħor ikun qed jidħaq bil-​bnedmin imma mhux b’Alla.

Persuna li tiċħad id-​dixxiplina mhux biss tobgħod it-​twiddib imma wkoll tiddisprezza lil min iwiddeb. “L-​insolenti ma jħobbx lil min iwiddbu,” jgħid Salamun. Sabiex ikompli jenfasizza dan il-​ħsieb, hu mbagħad isemmi ħsieb ieħor simili għal dan: “Ma jmurx għand l-​għorrief.” (Proverbji 15:12) Kemm huwa żgħir iċ-​ċans li t-​triq taʼ persuna bħal din titwitta!

Ħarsa Pożittiva

Ir-​referenza li ssir għall-​kelma “qalb” tgħaqqad it-​tliet proverbji li jmiss taʼ Salamun. Hekk kif jiddeskrivi l-​effett taʼ kif inħossuna fuq kif nidhru, is-​sultan għaref jgħid: “Il-​qalb ferħana tagħmel il-​wiċċ daħkan, imma l-​qalb imnikkta tmewwet ir-​ruħ.”​—Proverbji 15:13.

X’jistaʼ jnikket il-​qalb? “L-​inkwiet ikiddha qalb il-​bniedem,” tgħid il-​Bibbja. (Proverbji 12:25) Kif nistgħu nevitaw li l-​aspetti negattivi tal-​ħajja jsewdulna qalbna? Minflok ma noqogħdu nħallu ’l moħħna jhewden il-​ħin kollu fuq ċirkustanzi li forsi ma nkunux nistgħu nbiddlu, nistgħu nimmeditaw fuq il-​ħafna barkiet spiritwali li Ġeħova tana issa u fuq dak li se jagħmel għalina fil-​futur. Dan se jressaqna iktar qrib tiegħu. Iva, meta nersqu qrib taʼ “l-​Alla l-​hieni” dan se jġib ferħ lill-​qalb imnikkta tagħna.​—1 Timotju 1:​11.

Iktar minn hekk, il-​messaġġ tal-​Bibbja huwa sors eċċellenti biex nitfarrġu u nitgħaxxqu. Is-​salmista sejjaħ hieni lil dak ir-​raġel li “fil-​liġi tal-​Mulej hi l-​għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-​liġi tiegħu.” (Salm 1:​1, 2) Anki meta nesperjenzaw in-​niket f’qalbna, jekk naqraw mill-​Bibbja u naħsbu fil-​fond fuq dak li tgħid, aħna se niġu inkuraġġiti. Għandna wkoll il-​ministeru li tana Alla. Aħna aċċertati li “dawk li jiżirgħu fid-​dmugħ jaħsdu bl-​għana taʼ ferħ.”—Salm 126:5.

“Il-​qalb li tifhem tfittex l-​għarfien,” jgħid Salamun, “imma fomm l-​istupidi jixtieq jilħaq il-​bluha.” (Proverbji 15:​14, NW) Dan il-​proverbju jiġbdilna l-​attenzjoni għall-​kuntrast kbir li hemm bejn il-​parir taʼ wieħed għaqli u dak taʼ xi ħadd stupidu. Qabel jagħti parir, wieħed li għandu qalb li tifhem ifittex l-​għarfien. Hu jismaʼ sew u jiġbor fehma tajba tal-​fatti. Hu jfittex fl-​Iskrittura biex jara x’inhuma l-​liġijiet u l-​prinċipji li japplikaw għas-​sitwazzjoni. Il-​parir tiegħu huwa bbażat fis-​sod fuq il-​Kelma t’Alla. Madankollu, wieħed stupidu ma joqgħodx iħabbel rasu biex isir jaf il-​fatti tas-​sitwazzjoni u jgħid dak li jiġih f’moħħu. Għalhekk, huwa għaqli li meta nfittxu parir immorru għand uħud li għandhom l-​għarfien u li huma maturi minflok għand dawk li għandhom iktar ċans jgħidulna dak li nixtiequ nisimgħu. Kemm huwa tajjeb li jkollna “rġiel bħala għotjiet” fil-​kongregazzjoni Kristjana li ‘jfittxu l-​għarfien’ qabel jagħtu parir!​—Efesin 4:8.

Il-proverbju li jmiss jistqarr benefiċċju eċċellenti taʼ meta jkollna ħarsa pożittiva. Is-​sultan taʼ Iżrael jgħid: “L-​imsejken għomru kollu fid-​dwejjaq, imma qalb il-​hieni dejjem festa.” (Proverbji 15:15) Il-​ħajja għandha mumenti sbieħ kif ukoll oħrajn taʼ dwejjaq, ferħ, u biki. Jekk dejjem noqogħdu naħsbu fin-​negattiv, id-​dwejjaq se jaħkmulna l-​ħsibijiet tagħna, u ħajjitna se tkun waħda taʼ swied il-​qalb. Madankollu, jekk inħallu l-​barkiet persunali li nirċievu u t-​tama tagħna li jagħtina Alla jiddominaw il-​ħsibijiet tagħna, l-​aspetti tal-​ħajja li jinkwetawna se jisfumaw fl-​isfond u se nesperjenzaw ferħ ġewwieni. Ħarsa pożittiva se tagħmilha possibbli għalina biex inkunu “dejjem festa.”

Għalhekk, jalla nagħtu valur kbir lid-​dixxiplina. Ejja nħalluha teffettwalna mhux biss l-​emozzjonijiet, il-​kliem, u dak li nagħmlu, imma wkoll il-​ħarsa tagħna lejn il-​ħajja.

[Stampa f’paġna 13]

“Tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla”

[Stampa f’paġna 15]

Hija r-​responsabbiltà tal-​ġenituri li jagħtu d-​dixxiplina

[Stampa f’paġna 15]

“Xofftejn l-​għorrief ikomplu jxerrdu l-​għarfien”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja