Kapitlu Sitta
Għin lill-Adolexxent Tiegħek Biex Jiffjorixxi
1, 2. Liema sfidi u liema ferħ jistgħu jġibu s-snin taʼ l-adolexxenza?
LI JKOLLOK adolexxent fid-dar huwa ferm differenti milli jkollok tifel jew tifla taʼ ħames jew saħansitra t’għaxar snin. Is-snin taʼ l-adolexxenza jġibu magħhom l-isfidi u l-problemi tagħhom stess, imma jistgħu jġibu wkoll ferħ u premji. Eżempji bħalma huma Ġużeppi, David, Ġosija, u Timotju juru li ż-żgħażagħ jistgħu jaġixxu b’mod responsabbli u jkollhom relazzjoni mill-aħjar maʼ Jehovah. (Ġenesi 37:2-11; 1 Samwel 16:11-13; 2 Slaten 22:3-7; Atti 16:1, 2) Ħafna adolexxenti llum jagħtu prova li huma bħalhom. X’aktarx li int taf lil xi wħud minnhom.
2 Madankollu, għal xi wħud is-snin taʼ l-adolexxenza huma mimlijin taqlib. L-adolexxenti jbatu bil-burdati. Subjien u bniet adolexxenti għandhom mnejn iridu jkunu iktar indipendenti, u jistgħu ma jiħdux pjaċir bil-limiti imposti fuqhom mill-ġenituri tagħhom. Madankollu, żgħażagħ bħal dawn għad m’għandhomx l-esperjenza meħtieġa u għandhom bżonn għajnuna bl-imħabba u bil-paċenzja mill-ġenituri tagħhom. Iva, is-snin taʼ l-adolexxenza jistgħu jkunu eċċitanti, imma jistgħu jkunu wkoll taʼ konfużjoni—kemm għall-ġenituri u kemm għall-adolexxenti. Iż-żgħażagħ kif jistgħu jiġu mgħejjunin matul dawn is-snin?
3. Il-ġenituri b’liema mod jistgħu jagħtu lill-ulied adolexxenti tagħhom opportunità mill-aħjar fil-ħajja?
3 Ġenituri li jsegwu l-pariri tal-Bibbja jagħtu lill-ulied adolexxenti tagħhom l-aqwa opportunità possibbli biex jgħaddu b’suċċess minn dawk il-provi għal stat t’adult responsabbli. Fil-pajjiżi kollha u matul kull perijodu taʼ żmien, il-ġenituri u l-adolexxenti li flimkien applikaw il-prinċipji tal-Bibbja ġew imberkin b’suċċess.—Salm 119:1.
KOMUNIKAZZJONI ONESTA U BIL-MIFTUĦ
4. Diskors kunfidenzjali għala huwa speċjalment importanti matul is-snin taʼ l-adolexxenza?
4 Il-Bibbja tgħid: “Tifsil taʼ xogħol [“diskors kunfidenzjali,” NW] bla ħsieb jisfa fix-xejn.” (Proverbji 15:22) Jekk diskors kunfidenzjali kien neċessarju meta t-tfal kienu iżgħar, dan huwa speċjalment vitali matul is-snin taʼ l-adolexxenza—meta ż-żgħażagħ x’aktarx li jqattgħu inqas ħin id-dar u iktar ħin mal-ħbieb taʼ l-iskola jew kumpanni oħrajn. Jekk m’hemm ebda diskors kunfidenzjali—ebda komunikazzjoni onesta u bil-miftuħ bejn it-tfal u l-ġenituri—l-adolexxenti jistgħu jsiru stranġieri fid-dar. Mela l-linji taʼ komunikazzjoni kif jistgħu jinżammu miftuħin?
5. L-adolexxenti kif huma inkuraġġiti biex iqisu l-kwistjoni taʼ li jikkomunikaw mal-ġenituri tagħhom?
5 Kemm l-adolexxenti u kemm il-ġenituri jridu jagħtu sehemhom f’dan. Veru, l-adolexxenti jistgħu jsibuha iktar diffiċli li jitkellmu mal-ġenituri tagħhom milli kienu jsibuha meta kienu iżgħar. Minkejja dan, ftakar li “fejn m’hemmx min imexxi sewwa [“direzzjoni bis-sengħa,” NW] jaqaʼ l-poplu; fejn hemm ħafna mexxejja tajba, hemm il-kwiet.” (Proverbji 11:14) Dan il-kliem japplika għal kulħadd, kemm żgħażagħ u kemm xjuħ. L-adolexxenti li jirrealizzaw dan se jifhmu li huma għadhom jeħtieġu direzzjoni bis-sengħa, ladarba qegħdin jiffaċċjaw kwistjonijiet iktar komplessi minn qabel. Għandhom jirrikonoxxu li l-ġenituri kredenti tagħhom huma kkwalifikati sewwa bħala wħud li jagħtu l-pariri għaliex għandhom iktar esperjenza fil-ħajja u wrew bil-provi t-tħassib bl-imħabba tagħhom matul is-snin. Għalhekk, f’dan l-istadju fil-ħajja tagħhom, adolexxenti għaqlin m’humiex se jinjoraw lill-ġenituri tagħhom.
6. Liema attitudni se jkollhom ġenituri għaqlin u li jħobbu inkwantu għal li jikkomunikaw maʼ l-adolexxenti tagħhom?
6 Komunikazzjoni bil-miftuħ tfisser li l-ġenitur se jagħmel ħiltu biex ikun disponibbli meta l-adolexxent iħoss il-bżonn li jitkellem. Jekk int ġenitur, kun ċert li l-komunikazzjoni hija miftuħa għall-inqas min-naħa tiegħek. Dan jistaʼ ma jkunx faċli. Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tiskot, u żmien li titkellem.” (Koħelet 3:7) Meta l-adolexxent tiegħek iħoss li huwa żmien li jitkellem, jistaʼ jkun iż-żmien tiegħek li tibqaʼ sieket. Forsi kont warrabt dak il-ħin għal studju persunali, mistrieħ, jew xogħol fid-dar. Xorta waħda, jekk l-adolexxent tiegħek irid ikellmek, ipprova aġġusta l-pjani tiegħek u agħti widen. Inkella, jistaʼ ma jerġax jipprova. Ftakar fl-eżempju taʼ Ġesù. Darba minnhom, kien ippjana ħin biex jistrieħ. Imma meta n-nies ġew jiffollaw madwaru biex jisimgħuh, hu ħalla l-mistrieħ għal ħin ieħor u beda jgħallimhom. (Mark 6:30-34) Il-biċċa l-kbira mill-adolexxenti jirrealizzaw li l-ġenituri tagħhom għandhom ħajja mgħaġġla, imma jeħtieġu assiguranza li l-ġenituri tagħhom qegħdin hemmhekk għalihom jekk ikun hemm bżonnhom. Għalhekk, kun disponibbli u kun komprensiv.
7. Il-ġenituri x’jeħtieġ li jevitaw?
7 Ipprova ftakar kif kont tħossok int meta kont adolexxent, u titlifx is-sens t’umoriżmu tiegħek! Il-ġenituri għandhom bżonn jieħdu gost li jkunu mat-tfal tagħhom. Meta jkun hemm xi ħin liberu disponibbli, il-ġenituri kif iqattgħuh? Jekk dejjem iridu jużaw il-ħin liberu tagħhom biex jagħmlu affarijiet li ma jinkludux lill-familja tagħhom, l-adolexxenti tagħhom malajr se jindunaw. Jekk l-adolexxenti jaslu għall-konklużjoni li l-ħbieb taʼ l-iskola jistmawhom iktar mill-ġenituri tagħhom, bil-fors li se jkollhom il-problemi.
X’GĦANDEK TIKKOMUNIKA
8. L-apprezzament lejn l-onestà, ix-xogħol iebes, u l-kondotta xierqa kif jistaʼ jiġi stampat fit-tfal?
8 Jekk il-ġenituri għadhom ma naqqxux fit-tfal tagħhom apprezzament għall-onestà u għax-xogħol iebes, għandhom ċertament jagħmlu dan matul is-snin taʼ l-adolexxenza. (1 Tessalonkin 4:11; 2 Tessalonkin 3:10) Huwa wkoll vitali għalihom li jaċċertaw ruħhom li t-tfal tagħhom jemmnu b’qalbhom kollha fl-importanza taʼ li jgħixu ħajja morali u nadifa. (Proverbji 20:11) Ġenitur jikkomunika ferm f’dawn l-oqsma permezz taʼ l-eżempju. Sewwa sew bħalma rġiel miżżewġin mhux kredenti jistgħu “jintrebħu, mhux bil-kliem, imma bl-imġiba tan-nisa tagħhom,” hekk ukoll l-adolexxenti jistgħu jitgħallmu prinċipji xierqa mill-kondotta tal-ġenituri tagħhom. (1 Pietru 3:1.) Xorta waħda, l-eżempju waħdu qatt m’huwa biżżejjed, ladarba t-tfal huma esposti wkoll għal ħafna eżempji ħżiena u għal viżibilju taʼ propaganda li tħajjar barra d-dar. Ġenituri li jimpurtahom, għalhekk, jeħtieġ li jkunu jafu kif jaħsbuha l-adolexxenti tagħhom fuq dak li jaraw u jisimgħu, u dan jirrikjedi konversazzjoni siewja.—Proverbji 20:5.
9, 10. Il-ġenituri għala għandhom ikunu ċerti li jistruwixxu lit-tfal tagħhom dwar kwistjonijiet sesswali, u dan kif jistgħu jagħmluh?
9 Dan huwa partikolarment minnu meta niġu għal kwistjonijiet sesswali. Ġenituri, tħossukom imbarazzati biex tiddiskutu s-sess mat-tfal tagħkom? Saħansitra jekk tkunu, agħmlu l-isforz biex tagħmluh dan, għax iż-żgħażagħ tagħkom żgur li se jsiru jafu dwar dan is-suġġett mingħand xi ħadd. Jekk ma jsirux jafuh mingħandkom, min jaf x’informazzjoni mħawda se jiksbu? Fil-Bibbja, Jehovah ma jevitax kwistjonijiet taʼ natura sesswali, u lanqas m’għandhom jevitawhom il-ġenituri.—Proverbji 4:1-4; 5:1-21.
10 Niżżu ħajr ’l Alla, il-Bibbja fiha gwida ċara fejn jikkonċerna l-kondotta sesswali, u l-Watchtower Society ippubblikat ħafna informazzjoni t’għajnuna li turi li din il-gwida għadha tapplika fid-dinja moderna. Għala ma tagħmilx użu minn din l-għajnuna? Per eżempju, għala ma tirrevedix maʼ ibnek jew bintek kapitli adattati fl-ewwel u t-tieni Volum tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work? Tistaʼ tissorprendi ruħek bir-riżultati.
11. Liema huwa l-iktar mod effettiv li bih il-ġenituri jgħallmu lit-tfal tagħhom kif jaqdu lil Jehovah?
11 Liema hu l-iktar suġġett importanti li l-ġenituri u t-tfal għandhom jiddiskutu? L-appostlu Pawlu rrefera għal dan meta kiteb: “Rabbuhom [lil uliedkom] fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.” (Efesin 6:4) It-tfal għandhom bżonn ikomplu jitgħallmu dwar Jehovah. B’mod partikulari, għandhom bżonn jitgħallmu jħobbuh, u għandhom ikunu jridu jaqduh. Hawnhekk, ukoll, ħafna jistaʼ jiġi mgħallem bl-eżempju. Jekk l-adolexxenti jaraw li l-ġenituri tagħhom iħobbu ’l Alla ‘b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha, u b’moħħhom kollu’ u li dan jipproduċi frott tajjeb fil-ħajjiet tal-ġenituri tagħhom, huma jistgħu b’mod xieraq jiġu influwenzati biex jagħmlu bħalhom. (Mattew 22:37) Bl-istess mod, jekk żgħażagħ jaraw li l-ġenituri tagħhom għandhom ħarsa raġonevoli lejn l-affarijiet materjali, billi jpoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel, huma se jiġu mgħejjunin biex jiżviluppaw l-istess attitudni mentali.—Koħelet 7:12; Mattew 6:31-33.
12, 13. Liema punti għandu wieħed iżomm f’moħħu jekk l-istudju tal-familja għandu jkun suċċess?
12 Studju tal-Bibbja mal-familja kull ġimgħa huwa għajnuna li tispikka fl-ikkomunikar taʼ valuri spiritwali liż-żgħażagħ. (Salm 119:33, 34; Proverbji 4:20-23) Li jsir studju bħal dan regolarment huwa vitali. (Salm 1:1-3) Il-ġenituri u t-tfal tagħhom għandhom jirrealizzaw li l-affarijiet l-oħrajn iridu jiġu ppjanati madwar l-istudju tal-familja, mhux viċeversa. Iktar minn hekk, l-attitudni xierqa hija essenzjali jekk l-istudju tal-familja għandu jkun effettiv. Wieħed missier qal: “Is-sigriet huwa li min jikkonduċi jinkuraġġixxi atmosfera rilassata u madankollu taʼ rispett matul l-istudju tal-familja—informali imma mhix redikola. Il-bilanċ korrett jistaʼ ma jkunx dejjem faċli li jinkiseb, u ż-żgħażagħ taʼ spiss se jkollhom bżonn jaġġustaw l-attitudni tagħhom. Jekk l-affarijiet ma jmorrux sew għal darba jew tnejn, ippersevera u ħares ’il quddiem għad-darba li jmiss.” Dan l-istess missier qal li fit-talba tiegħu qabel kull studju, talab speċifikament l-għajnuna mingħand Jehovah għall-fehma korretta min-naħa taʼ dawk kollha involuti.—Salm 119:66.
13 Hija r-responsabbiltà taʼ ġenituri kredenti li jikkonduċu l-istudju tal-familja. Veru, xi ġenituri jistgħu ma jkunux maqtugħin bħala għalliema, u jistaʼ jkun diffiċli għalihom li jsibu modi kif l-istudju tal-familja jagħmluh interessanti. Minkejja dan, jekk int tħobb lill-adolexxenti tiegħek “bil-għemil u bil-verità,” int se tkun tixtieq li tgħinhom b’mod umli u onest biex javanzaw spiritwalment. (1 Ġwann 3:18) Għandhom mnejn igergru kultant, imma x’aktarx li se jindunaw bl-interess profond tiegħek fil-benesseri tagħhom.
14. Dewteronomju 11:18, 19 kif jistaʼ jiġi applikat meta jiġu kkomunikati affarijiet spiritwali lill-adolexxenti?
14 L-istudju tal-familja m’huwiex l-unika okkażjoni biex jiġu kkomunikati kwistjonijiet li huma spiritwalment importanti. Tiftakru int il-kmand li Jehovah ta lill-ġenituri? Hu qal: “Qiegħdu dawn il-kelmiet tiegħi f’qalbkom u f’moħħkom; orbtuhom b’sinjali maʼ idejkom u dendluhom bejn għajnejkom. Għallmuhom lill-uliedkom u tkellmu fuqhom meta tkun mistrieħ f’darek u miexi fit-triq; meta timtedd u meta tqum.” (Dewteronomju 11:18, 19; ara wkoll Dewteronomju 6:6, 7.) Dan ma jfissirx li l-ġenituri jridu l-ħin kollu jippridkaw lit-tfal tagħhom. Imma kap tal-familja li jħobb għandu dejjem ikun attent għal opportunitajiet biex jibni l-prospett spiritwali tal-familja tiegħu.
DIXXIPLINA U RISPETT
15, 16. (a) X’inhi d-dixxiplina? (b) Min hu responsabbli għall-amministrar tad-dixxiplina, u min għandu r-responsabbiltà li jassigura li dak li jkun se jagħti kasha?
15 Id-dixxiplina hija taħriġ li jikkorreġi, u tinkludi komunikazzjoni. Id-dixxiplina ġġorr il-ħsieb taʼ korrezzjoni iktar milli taʼ kastig—għalkemm kastig jistaʼ jkun neċessarju. Uliedek kienu jeħtieġu d-dixxiplina meta kienu iżgħar, u issa li huma adolexxenti, għadhom jeħtieġu xi forma tagħha, forsi saħansitra iktar. Adolexxenti għaqlin jafu li dan huwa veru.
16 Il-Bibbja tgħid: “L-iblah jistmell it-tagħlim taʼ missieru; bil-għaqal hu min jaf jilqaʼ t-twiddib.” (Proverbji 15:5) Aħna nitgħallmu ħafna minn din l-iskrittura. Din timplika li d-dixxiplina se tingħata. Adolexxent ma jistax “jilqaʼ t-twiddib” jekk dan ma jingħatax. Jehovah iqiegħed ir-responsabbiltà għall-amministrar tad-dixxiplina fuq il-ġenituri, partikolarment il-missier. Madankollu, ir-responsabbiltà li jagħti widen għal dik id-dixxiplina tappartjeni lill-adolexxent. Hu se jitgħallem iktar u jagħmel inqas żbalji jekk jagħti kas id-dixxiplina għaqlija taʼ missieru u ommu. (Proverbji 1:8) Il-Bibbja tgħid: “Faqar u għajb fuq min iwarrab it-tagħlim, imma ġieħ ikollu min jilqaʼ t-twiddib.”—Proverbji 13:18.
17. Il-ġenituri liema bilanċ għandhom bżonn jimmiraw għalih meta jkunu qegħdin jamministraw id-dixxiplina?
17 Meta jiddixxiplinaw lill-adolexxenti, il-ġenituri jeħtieġu li jkunu bbilanċjati. Għandhom jevitaw li jkunu tant stretti li jirritaw lil uliedhom, forsi billi saħansitra jagħmlu ħsara lill-fiduċja tat-tfal tagħhom fihom infushom. (Kolossin 3:21) U madankollu l-ġenituri ma jridux ikunu tant permissivi li t-tfal tagħhom jiġu mċaħħdin minn taħriġ vitali. Permissività bħal din tistaʼ tkun diżastruża. Proverbji 29:17 jgħid: “Widdeb lil ibnek, u hu jkun il-hena tiegħek; ikun il-faraġ taʼ qalbek.” Madankollu, vers 21 jgħid: “Min ifissed il-qaddej minn ċkunitu, fl-aħħar jispiċċa biex jidħol floku.” Għalkemm dan il-vers qiegħed jitkellem fuq qaddej, japplika bl-istess mod għal kwalunkwe tifel jew tifla fid-dar.
18. Id-dixxiplina hija evidenza taʼ liema ħaġa, u x’jiġi evitat meta l-ġenituri jamministraw dixxiplina konsistenti?
18 Fil-verità, dixxiplina xierqa hija prova taʼ l-imħabba li ġenitur għandu għal ibnu. (Lhud 12:6, 11) Jekk int ġenitur, taf li huwa diffiċli biex iżżomm dixxiplina konsistenti u raġonevoli. Biex iżżomm il-paċi, għandu mnejn jidher iktar faċli li tħalli adolexxent stinat jagħmel li jrid. Eventwalment, madankollu, ġenitur li jsegwi din il-korsa se jħallas b’dar li ma tistax tiġi kkontrollata.—Proverbji 29:15; Galatin 6:9.
XOGĦOL U LOGĦOB
19, 20. Il-ġenituri kif jistgħu jittrattaw bil-għaqal mal-kwistjoni taʼ rikreazzjoni għall-adolexxenti tagħhom?
19 Fi żminijiet iktar bikrin it-tfal kienu ġeneralment mistennijin li jgħinu fid-dar jew fir-rabaʼ. Illum ħafna adolexxenti għandhom partita ħin liberu mingħajr superviżjoni. Biex timla dak il-ħin, id-dinja kummerċjali tipprovdi abbundanza kbira taʼ materjal għad-divertiment. Żid maʼ dan il-fatt li d-dinja tpoġġi ftit ferm valur fuq il-livelli tal-Bibbja dwar il-moralità, u għandek l-ingredjenti għal diżastru potenzjali.
20 Għalhekk, il-ġenitur prudenti jżomm id-dritt li jagħmel id-deċiżjonijiet finali dwar ir-rikreazzjoni. Tinsiex, iżda, li l-adolexxent qiegħed jikber. Kull sena, hu jew hi x’aktarx li se jittamaw li jiġu ttrattati iktar bħala adulti. B’hekk, huwa għaqli għal ġenitur li jagħti iktar libertà fl-għażla taʼ rikreazzjoni hekk kif l-adolexxent ikun qiegħed jikber—sakemm dawk l-għażliet jirriflettu progress lejn maturità spiritwali. Kultant, l-adolexxent jistaʼ jagħmel għażliet mhux għaqlin f’dik li hija mużika, ħbieb, u affarijiet bħal dawn. Meta jiġri hekk, dan għandu jiġi diskuss maʼ l-adolexxent sabiex isiru għażliet aħjar fil-futur.
21. Ir-raġonevolezza fl-ammont taʼ ħin imqattaʼ fir-rikreazzjoni kif se tipproteġi lil adolexxent?
21 Kemm għandu jiġi mwarrab ħin għar-rikreazzjoni? F’xi pajjiżi l-adolexxenti jingħataw l-impressjoni li huma intitolati għal divertiment kontinwu. Għalhekk, adolexxent għandu mnejn jippjana l-iskeda tiegħu sabiex imur minn divertiment għal ieħor. Huwa kompitu tal-ġenituri li jwasslu t-tagħlima li xi ħin għandu jiġi mqattaʼ wkoll fuq affarijiet oħrajn, bħalma huma l-familja, l-istudju persunali, is-sħubija maʼ persuni maturi spiritwalment, il-laqgħat Kristjani, u l-faċendi fid-dar. Dan se jevita li “l-pjaċiri tal-ħajja” joħonqu l-Kelma t’Alla.—Luqa 8:11-15.
22. Ir-rikreazzjoni maʼ xiex għandha tiġi bbilanċjata fil-ħajja t’adolexxent?
22 Is-Sultan Salamun qal: “Hekk fhimt li għall-bnedmin m’hemmx aħjar milli jkunu ferħana u jgawdu ġidhom f’ħajjithom. Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don t’Alla.” (Koħelet 3:12, 13) Iva, li wieħed jithenna huwa parti minn ħajja bbilanċjata. Imma hekk ukoll huwa x-xogħol iebes. Ħafna adolexxenti llum ma jsirux jafu s-sodisfazzjon li jiġi minn xogħol iebes jew is-sentiment taʼ rispett lejhom infushom li jiġi milli jiffaċċjaw xi problema u jsolvuha. Xi wħud ma jingħatawx l-opportunità biex jiżviluppaw xi sengħa jew mistier li bih imantnu lilhom infushom iktar ’il quddiem fil-ħajja. Hawnhekk għandna sfida reali għall-ġenitur. Se taċċerta ruħek int li l-adolexxent tiegħek ikollu opportunitajiet bħal dawn? Jekk jirnexxilek tgħallem lill-adolexxent tiegħek biex japprezza u saħansitra jieħu gost b’xogħol iebes, hu jew hi se jiżviluppaw attitudni tajba li se ġġib għomor mimli benefiċċji.
MINN ADOLEXXENT GĦAL ADULT
23. Il-ġenituri kif jistgħu jinkuraġġixxu lill-adolexxenti tagħhom?
23 Saħansitra meta jkollok problemi maʼ l-adolexxent tiegħek, xorta tgħodd l-iskrittura: “L-imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:8) Qatt tieqaf milli turi l-imħabba li int bla dubju tħoss. Staqsi lilek innifsek, ‘Nikkumplimenta jien lil kull tifel u tifla għas-suċċessi tagħhom f’li jittrattaw mal-problemi u f’li jsolvu l-ostakli? Naħtaf jien opportunitajiet biex nesprimi l-imħabba u l-apprezzament tiegħi lejn it-tfal tiegħi, qabel ma jintilfu dawk l-opportunitajiet?’ Għalkemm kultant jistaʼ jkun hemm nuqqas taʼ ftehim, jekk l-adolexxenti jħossuhom assigurati minn imħabbtek għalihom, x’aktarx li jkunu iktar lesti li jirreċiprokaw dik l-imħabba.
24. Liema prinċipju Skritturali japplika bħala regola ġenerali fit-trobbija tat-tfal, imma wieħed x’għandu jżomm f’moħħu?
24 M’għandniex xi ngħidu, hekk kif it-tfal jikbru u jsiru adulti, huma eventwalment se jieħdu deċiżjonijiet ibsin ferm għalihom infushom. F’xi każi lill-ġenituri jistgħu ma jogħġbuhomx dawk id-deċiżjonijiet. Xi ngħidu jekk xi ħadd mit-tfal jiddeċiedi li ma jkomplix jaqdi lil Alla Jehovah? Dan jistaʼ jiġri. Saħansitra xi wħud mill-ulied spirti taʼ Jehovah stess irrifjutaw il-parir tiegħu u saru ribellużi. (Ġenesi 6:2; Ġuda 6) It-tfal m’humiex kompjuters, li jistgħu jiġu pprogrammati biex jaġixxu kif irridu aħna. Huma ħlejjaq bir-rieda ħielsa, responsabbli quddiem Jehovah għad-deċiżjonijiet li jieħdu. Xorta waħda, Proverbji 22:6 japplika bħala regola ġenerali: “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.”
25. Liema huwa l-aħjar mod għall-ġenituri biex juru gratitudni lejn Jehovah għall-privileġġ taʼ l-irwol taʼ ġenitur?
25 Mela allura, uri lit-tfal tiegħek ħafna mħabba. Agħmel l-aħjar tiegħek biex issegwi l-prinċipji tal-Bibbja f’li trabbihom. Agħti eżempju mill-aħjar taʼ kondotta devota. B’hekk se tagħti lit-tfal tiegħek l-aqwa opportunità biex jikbru u jsiru adulti responsabbli li jibżgħu minn Alla. Dan huwa l-aħjar mod li bih il-ġenituri juru l-gratitudni lejn Jehovah għall-privileġġ taʼ l-irwol taʼ ġenitur.
DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILL-ĠENITURI BIEX IRABBU LILL-ADOLEXXENTI TAGĦHOM?
Il-komunikazzjoni hija meħtieġa.—Proverbji 15:22.
Għandna nikkunsidraw regolarment il-Kelma t’Alla.—Salm 1:1, 2.
Bniedem għaqli jagħti widen għad-dixxiplina. —Proverbji 15:5.
Kemm ix-xogħol u kemm il-logħob għandhom il-post tagħhom.—Koħelet 3:12, 13.
[Stampa f’paġna 67]
Kun disponibbli meta l-adolexxent tiegħek ikollu bżonn jitkellem
[Stampa f’paġna 69]
Studju tal-Bibbja regulari huwa essenzjali għall-familja
[Stampa f’paġna 70]
Esprimi mħabba u apprezzament għat-tfal tiegħek