Tiftakar Int?
Ħadt pjaċir taqra l-ħarġiet reċenti taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Jekk iva, se ssibu taʼ interess li tiftakar dan li ġej:
◻ Għala jistaʼ jkollna fiduċja fl-għażla li ssir minn Jehovah taʼ individwi biex jiggwidaw lill-poplu tiegħu?
Jehovah jagħżel għal ċerti responsabbiltajiet individwi li għandhom il-kwalitajiet partikulari meħtiġin biex jiggwidaw lill-poplu tiegħu fit-triq li jridhom imorru f’dak iż-żmien partikulari.—8/15, paġna 14.
◻ X’nistgħu nitgħallmu mill-esperjenza taʼ Ġona?
Ġona kien jaħseb wisq dwaru nnifsu u ftit ferm f’oħrajn. Nistgħu nitgħallmu minn Ġona billi nżommu lilna nfusna u s-sentimenti persunali tagħna fit-tieni post.—8/15, paġna 19.
◻ B’liema mod jistaʼ jingħad li “Isem il-Mulej [“Jehovah,” NW] hu torri qawwi”? (Proverbji 18:10)
Li nsibu l-kenn fl-isem t’Alla jfisser li jkollna fiduċja f’Jehovah nnifsu. (Salm 20:2 [Salm 20:1, NW]; Salm 122:4) Ifisser li wieħed jappoġġa s-sovranità tiegħu, jobdi l-liġijiet u l-prinċipji tiegħu, ikollu fidi fil-wegħdi tiegħu, u jagħtih devozzjoni esklużiva. (Isaija 50:10; Lhud 11:6)—9/1, paġna 10.
◻ Il-metodu t’għoti taʼ xiehda li Pawlu uża quddiem id-dinjitarji kif jipprovdilna eżempju tajjeb?
Pawlu uża d-diskrezzjoni meta tkellem mas-Sultan Agrippa billi enfasizza punti li kemm hu u kemm Agrippa kienu jaqblu fuqhom. Bl-istess mod, għandna nisħqu fuq l-aspetti pożittivi taʼ l-aħbar tajba, billi nenfasizzaw tamiet li kemm aħna u kemm is-semmiegħa naqblu fuqhom. (1 Korintin 9:22)—9/1, paġna 31.
◻ Min jibbenefika mill-paċenzja taʼ Jehovah?
Minħabba l-paċenzja taʼ Jehovah, miljuni oħrajn illum qed jingħataw l-opportunità li jiġu salvati minn “jum il-Mulej” li riesaq. (2 Pietru 3:9-15) Il-paċenzja tiegħu qiegħda tħalli wkoll lil kull wieħed u waħda minna ‘nħabirku għas-salvazzjoni tagħna bil-biżaʼ u t-tregħid.’ (Filippin 2:12)—9/15, paġna 20.
◻ Kemm kienet taʼ valur it-traduzzjoni tas-Settanta tal-Bibbja?
Din it-traduzzjoni kellha parti prominenti fit-tixrid taʼ l-għarfien dwar Alla Jehovah u Saltnatu b’Ġesù Kristu bħala Sultan. Permezz tas-Settanta, sar xogħol importanti biex tiġi ppreparata t-triq għall-Ġentili u l-Lhud li kienu jitkellmu bil-Grieg fl-ewwel seklu biex jaċċettaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—9/15, paġna 30.
◻ Il-parabbola taʼ l-iben il-ħali x’tgħallimna dwar Alla?
L-ewwel, li Jehovah “jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW] u l-fedeltà.” (Eżodu 34:6) It-tieni, hu ‘[“lest biex,” KŻ] jaħfer’ meta bidla fil-qalb tipprovdilu bażi biex jestendi l-ħniena. (Salm 86:5)—10/1, paġni 12, 13.
◻ Il-kundizzjonijiet paċifiċi mwegħdin f’Isaija 65:21-25 meta se jitwettqu?
Bħala adoraturi magħqudin taʼ Jehovah fil-ġenna spiritwali llum, il-midlukin u dawk min-“nagħaġ oħra” qegħdin issa jesperjenzaw paċi mogħtija minn Alla. (Ġwann 10:16) U paċi bħal din se testendi għal ġol-Ġenna fiżika, meta ‘r-rieda t’Alla se sseħħ maʼ l-art kollha, saħansitra bħalma sseħħ fis-sema.’ F’dak iż-żmien il-kliem tal-profeta Isaija se jitwettaq bis-sħiħ. (Mattew 6:10)—10/15, paġna 24.
◻ Il-Kristjani għala jiċċelebraw l-anniversarju tat-tieġ imma mhux għeluq sninhom?
Il-Bibbja ma tpinġihx ikrah iż-żwieġ. Hija kompletament kwistjoni persunali jekk uħud Kristjani jagħżlu li jagħtu kas taʼ l-anniversarju tat-tieġ billi jirriflettu fuq il-ferħ taʼ dik l-okkażjoni u fuq id-determinazzjoni tagħhom biex jaħdmu ħalli jirnexxu bħala koppja. Madankollu, l-uniċi ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-snin iddokumentati fil-Bibbja huma dawk taʼ nies pagani, u huma marbutin maʼ atti krudili.—10/15, paġni 30, 31.
◻ Fit-tixbieha taʼ Pawlu ddokumentata fl-1 Korintin 3:12, 13, in-“nar” x’jirrappreżenta, u l-Kristjani kollha taʼ xiex iridu jkunu konxji?
Hemm nar li lkoll kemm aħna niffaċċjaw fil-ħajja—provi fuq il-fidi tagħna. (Ġwann 15:20; Ġakbu 1:2, 3) Dawk kollha li qed ngħallmuhom il-verità se jiġu pprovati. Jekk ma ngħallmuhomx tajjeb, jistaʼ jkun hemm konsegwenzi taʼ swied il-qalb, bħalma wissa Pawlu. (1 Korintin 3:15)—11/1, paġna 11.
◻ Noè kif ‘kien jimxi m’Alla’? (Ġenesi 6:9)
Noè mexa m’Alla fis-sens li hu għamel dak li qallu Alla. Minħabba li ddedika ħajtu biex jagħmel ir-rieda t’Alla, Noè gawda relazzjoni intima u kordjali m’Alla.—11/15, paġna 10.
◻ Il-fatt li ma nafux il-waqt eżatt meta se tiġi esegwita l-vendetta t’Alla fuq il-ħżiena jiftħilna liema opportunitajiet?
Dan jagħtina l-opportunità li nuru li aħna verament inħobbu lil Jehovah u li rridu nimxu fil-mogħdijiet tiegħu għal dejjem. Dan juri wkoll li aħna leali lejn Alla u nafdaw fil-mod kif hu jmexxi l-affarijiet. Iktar minn hekk, dan jgħinna nibqgħu għassa u mqajmin spiritwalment. (Mattew 24:42-44)—11/15, paġna 18.
◻ X’ifisser li npoġġu fidi “fl-isem taʼ l-Iben taʼ Alla”? (1 Ġwann 5:13)
Ifisser li nobdu l-kmandamenti kollha taʼ Kristu, inkluż il-kmandament tiegħu li ‘nħobbu lil xulxin.’ (Ġwann 15:14, 17) L-imħabba tfittex li tagħmel il-ġid lil oħrajn. Din twarrab għalkollox kull preġudizzju razzjali, reliġjuż, u soċjali.—12/1, paġna 7.
◻ Ix-Xhieda taʼ Jehovah għala huma ‘mibgħudin’? (Mattew 10:22)
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jinbagħdu inġustament għall-istess raġunijiet li għalihom ġew ippersegwitati l-Kristjani bikrin. L-ewwel, ix-Xhieda taʼ Jehovah jaġixxu skond it-twemmin reliġjuż tagħhom b’modi li ma tantx jagħmluhom popolari m’oħrajn. It-tieni, huma kienu l-mira t’akkużi foloz—gideb sfaċċat u interpretazzjonijiet mgħawġin taʼ dak li jemmnu.—12/1, paġna 14.