“Aqsam L-art”
“Aqsam l-art minn tulha u mill-wisaʼ tagħha.”—Ġenesi 13:17.
1. Alla liema istruzzjoni interessanti ta lil Abraham?
TIEĦU pjaċir tivvjaġġa fil-kampanja, forsi meta tmur xi dawra bil-karozza fi tmiem il-ġimgħa? Hemm min jippreferi jsuq ir-rota ħalli jagħmel daqsxejn eżerċizzju u jgawdi l-veduti iktar fit-tul. U hemm oħrajn li jagħżlu li jmorru mixja biex isiru familjari maʼ post u jgawduh. Ġeneralment vjaġġi bħal dawn ma tantx idumu. Imma immaġina kif ħassu Abraham meta Alla qallu: “Qum u aqsam l-art minn tulha u mill-wisaʼ tagħha, għax lilek se nagħtiha”!—Ġenesi 13:17.
2. Wara li Abraham telaq mill-Eġittu, fejn mar?
2 Ikkunsidra l-kuntest taʼ dan il-kliem. Abraham għammar għal xi żmien fl-Eġittu flimkien mal-mara tiegħu u oħrajn. Ġenesi kapitlu 13 jgħidilna li huma ħallew l-Eġittu u ħadu l-imrieħel tagħhom lejn “in-Negeb.” Imbagħad Abraham “raġaʼ lura fuq triqtu min-Negeb sa Betel.” Meta qamet problema bejn ir-rgħajja tiegħu u dawk taʼ neputih Lot, u kien jidher li t-tnejn li huma kellhom isibu mergħat differenti, Abraham bil-ġenerożità kollha ħalla lil Lot jagħżel l-ewwel. Lot għażel “l-inħawi kollha madwar il-Ġordan,” wied għammiel “bħall-ġnien tal-Mulej,” u maż-żmien beda jgħammar f’Sodoma. Alla qal lil Abraham: “Arfaʼ għajnejk u ħares mill-post fejn int qiegħed, lejn it-tramuntana u n-nofsinhar, lejn il-lvant u l-punent.” Probabbilment minn għolja ħdejn Betel, Abraham setaʼ jara partijiet oħra taʼ l-art. Madankollu, kien hemm iktar xi jsir. Alla stiednu ‘jaqsam l-art’ u jsir familjari maʼ l-ambjent u r-reġjuni tagħha.
3. Għala jistaʼ jkun diffiċli li jkollna stampa f’moħħna tal-vjaġġi li għamel Abraham?
3 Ivvjaġġa kemm ivvjaġġa Abraham qabel ma wasal Ħebron, hu żgur li kien sar iktar familjari maʼ l-Art Imwiegħda minn ħafna minna. Aħseb ftit dwar il-postijiet imsemmijin f’dan ir-rakkont—in-Negeb, Betel, l-inħawi kollha madwar il-Ġordan, Sodoma, u Ħebron. Tissielet int biex tipprova ġġib stampa f’moħħok taʼ fejn kienu dawn l-inħawi? Għal ħafna wħud dan hu diffiċli, għaliex ftit huma dawk mill-poplu taʼ Ġeħova li żaru l-postijiet li qraw dwarhom fil-Bibbja, li vvjaġġaw it-tul u l-wisaʼ taʼ l-art. Xorta waħda, hemm raġuni valida għala għandu jinteressana li nkunu nafu xi affarijiet dwar il-postijiet Bibliċi. Għala?
4, 5. (a) Proverbji 18:15 kif inhu konness maʼ lgħarfien u l-fehma dwar l-artijiet Bibliċi? (b) X’juri Sofonija kapitlu 2?
4 Il-Kelma t’Alla tgħid: “Il-qalb taʼ min jifhem tikseb l-għarfien, u l-widna taʼ l-għorrief tfittex biex issib l-għarfien.” (Proverbji 18:15, NW) Hemm ħafna suġġetti li individwu jistaʼ jikseb l-għarfien dwarhom, imma l-għarfien eżatt konness m’Alla Ġeħova u l-mod kif jaġixxi huma l-iktar importanti. M’għandniex xi ngħidu, dak li naqraw fil-Bibbja huwa importanti ħafna biex niksbu dan it-tip t’għarfien. (2 Timotju 3:16) Però, innota li hija involuta l-fehma. Din hija l-abbiltà li teżamina kwistjoni u li tifhem kif il-fatti jorbtu wieħed maʼ l-ieħor u jingħaqdu flimkien. Dan hu minnu anki dwar il-fatti li jinvolvu postijiet imsemmijin fil-Bibbja. Per eżempju, ħafna minna nafu fejn jinsab l-Eġittu, imma sa liema punt nifhmu l-kumment li Abraham telaʼ mill-Eġittu “lejn in-Negeb,” imbagħad lejn Betel, u mbagħad lejn Ħebron? Taf x’konnessjoni hemm bejn dawn il-postijiet?
5 Jew forsi segwejt skeda tal-qari tal-Bibbja li kienet tinkludi Sofonija kapitlu 2. Hemmhekk iltqajt maʼ l-ismijiet taʼ bliet, popli, u artijiet. Gaża, Askalon, Asdod, Għekron, Sodoma, u Ninwè kif ukoll Mowab, Għammon, u l-Assirja kollha jissemmew f’dan il-kapitlu biss. Kemm irnexxielek timmaġina dawn il-postijiet fejn għexu nies reali, nies involuti fit-twettiq tal-profeziji minn Alla?
6. Xi Kristjani għala jirrealizzaw kemm hu importanti li jużaw il-mapep? (Ara l-kaxxa.)
6 Ħafna studenti tal-Kelma t’Alla bbenefikaw bil-kbir minħabba li fittxew f’mapep taʼ l-artijiet tal-Bibbja. Dan jagħmluh, mhux għax sempliċement huma affaxxinati mill-mapep, imma għaliex jirrealizzaw li billi jużaw il-mapep huma jistgħu jkabbru l-għarfien tagħhom dwar il-Kelma t’Alla. Il-mapep jistgħu wkoll jgħinuhom iżidu l-fehma tagħhom meta jaraw kif il-fatti li kienu diġà jafuhom huma marbutin maʼ informazzjoni oħra. Hekk kif nikkunsidraw xi eżempji, probabbilment anki int se tkabbar l-apprezzament tiegħek lejn Ġeħova u se jkollok iktar dehen dwar ir-rakkonti fil-Kelma tiegħu.—Ara l-kaxxa f’paġna 14.
Id-Distanza Tagħmel Differenza
7, 8. (a) Liema ħaġa taʼ l-għaġeb għamel Sansun li tinvolvi lil Gaża? (b) Liema informazzjoni tistaʼ turi kemm hu impressjonanti dak li għamel Sansun? (ċ) Kif jistaʼ jgħinna l-fatt li nkunu nafu u nifhmu r-rakkont li jinvolvi lil Sansun?
7 Fi Mħallfin 16:2, tistaʼ taqra dwar l-Imħallef Sansun li kien jinsab f’Gaża. Illum, l-isem Gaża spiss jidher fl-aħbarijiet, allura forsi għandek idea ġenerali taʼ fejn kien Sansun, fit-territorju Filisti max-Xatt tal-Mediterran. [11] Issa innota x’naqraw fi Mħallfin 16:3: “Sansun baqaʼ rieqed sa nofs il-lejl; f’nofs il-lejl qam, qabad il-battenti tal-bieb tal-belt u ż-żewġ waqqafiet, qalagħhom bl-istanga b’kollox, għabbiehom fuq spallejh, u talaʼ bihom fuq il-quċċata taʼ l-għolja biswit Ħebron.”
8 Żgur li l-bibien u l-waqqafiet taʼ post b’saħħtu bħal Gaża kienu kbar u tqal. Immaġina kieku kellek iġġorrhom! Sansun hekk għamel, imma fejn mar bihom, u x’tip taʼ vjaġġ kellu jagħmel? Tajjeb, Gaża qiegħda mal-kosta, kważi mal-livell tal-baħar. [15] Madankollu, Ħebron kważi qiegħda direttament fil-lvant, f’għoli taʼ xi 900 metru—jiġifieri kien hemm telgħa li ma bħalha! Għalkemm ma nafux eżatt fejn kienet “l-għolja biswit Ħebron,” il-belt tinsab xi 60 kilometru ’l bogħod minn Gaża u minbarra dan kienet għat-telgħa! Ladarba tkun taf x’distanza hija involuta, ma tibdiex int tħares lejn dak li għamel Sansun minn lenti differenti? U ftakar għala Sansun setaʼ jagħmel xi ħaġa bħal din—“lilu ħakmu l-ispirtu tal-Mulej.” (Mħallfin 14:6, 19; 15:14) Bħala Kristjani llum, ma nistennewx li l-ispirtu t’Alla jagħtina xi qawwa fiżika taʼ barra minn hawn. Però, l-istess spirtu qawwi jistaʼ jgħinna nifhmu aħjar l-affarijiet spiritwali li huma profondi u jagħmilna qawwijin fil-bniedem li aħna minn ġewwa. (1 Korintin 2:10-16; 13:8; Efesin 3:16; Kolossin 1:9, 10) Iva, jekk nifhmu sew ir-rakkont taʼ Sansun se jispikka l-fatt li l-ispirtu t’Alla jistaʼ jgħinna.
9, 10. (a) X’kien hemm involut fir-rebħa taʼ Gidgħon fuq il-Midjanin? (b) Il-fatt li jkollna għarfien dwar il-postijiet involuti kif jagħti iktar tifsir lil dan ir-rakkont?
9 Ir-rebħa taʼ Gidgħon fuq il-Midjanin hija rakkont ieħor li jenfasizza kemm hu importanti li tifhem id-distanzi involuti. Ħafna qarrejja tal-Bibbja jafu li l-Imħallef Gidgħon u l-armata tiegħu taʼ 300 ruħ għelbu grupp taʼ 135,000 invażur li kienu miftiehma bejniethom—il-Midjanin, l-Għamalekin, u oħrajn li kienu kkampjati fil-wita taʼ Ġeżragħel, ħdejn l-għolja Mori. [18] L-irġiel taʼ Gidgħon daqqew it-trombi, kissru l-ġarar biex kixfu t-torċi, u għajtu: “Xabla għall-Mulej u għal Gidgħon!” Dan ħawwad u beżżaʼ lill-għedewwa tagħhom li spiċċaw biex bdew joqtlu lil xulxin. (Mħallfin 6:33; 7:1-22) Dak kollox? Seħħet din il-ġrajja malajr malajr fis-satra tal-lejl? Kompli aqra Mħallfin kapitlu 7 u 8. Se tara li Gidgħon kompla l-attakk. Mill-ħafna postijiet imsemmijin, xi wħud ma jistgħux jiġu identifikati llum maʼ postijiet magħrufa, allura forsi ma jidhrux fuq mapep Bibliċi. Xorta waħda, hemm biżżejjed postijiet identifikati sabiex inkunu nistgħu nsegwu dak li għamel Gidgħon.
10 Gidgħon ġera wara l-fdal taʼ dawk li ngħaqdu kontrihom u għadda lil Bet-sitta u mbagħad baqaʼ sejjer lejn Abel-meħola fin-nofsinhar, ħdejn il-Ġordan. (Mħallfin 7:22-25) Ir-rakkont jgħid: “Gidgħon wasal ħdejn il-Ġordan, u qasam, hu u t-tliet mitt raġel li kellu miegħu, [“li għalkemm kienu għajjenin, baqgħu jiġru wara l-għadu,” “Karm Żammit”].” Meta qasmu għan-naħa l-oħra, l-Iżraelin ġrew wara l-għadu lejn in-nofsinhar f’Sukkot u Penuwel, ħdejn Ġabbok, u mbagħad fuq l-għoljiet lejn Ġogħba (ħdejn Amman taʼ llum, fil-Ġordan). Dan kien jinvolvi xi 80 kilometru taʼ ġiri u ġlied. Gidgħon ħataf u qatel żewġ slaten Midjanin; imbagħad mar lura f’beltu, Għofra, ħdejn il-post fejn beda l-ġlied. (Mħallfin 8:4-12, 21-27, korsiv tagħna.) Jidher ċar li dak li għamel Gidgħon kien ħafna iktar minn sempliċi ftit minuti taʼ daqq tat-trombi, tixjir bit-torċi, u għajat. U aħseb dwar kemm jagħmel effett iżjed qawwi l-kumment dwar l-irġiel taʼ fidi: “Qatt ma nispiċċa kieku kelli nkompli nirrakkonta dwar Gidgħon [u oħrajn li] minn dgħajfin intgħamlu qawwijin, saru qalbenin fil-gwerer.” (Ebrej 11:32-34) Bħala Kristjani aħna wkoll għandna mnejn negħjew fiżikament, imma m’huwiex vitali li nkomplu nagħmlu r-rieda t’Alla?—2 Korintin 4:1, 16; Galatin 6:9.
In-Nies Kif Jaħsbu u Jirreaġixxu?
11. Fejn kellhom jivvjaġġaw l-Iżraelin qabel u wara li waslu Kades?
11 Xi wħud jistgħu jirreferu għall-mapep tal-Bibbja biex isibu xi postijiet, imma taħseb li l-mapep jistgħu juruna kif jaħsbu n-nies? Ejja nieħdu bħala eżempju lill-Iżraelin li mill-Muntanja Sinaj imxew lejn l-Art Imwiegħda. Waqfu diversi drabi fi triqithom u fl-aħħar waslu Kades (jew, Kades-barnegħa). [9] Dewteronomju 1:2 jgħid li dan kien vjaġġ taʼ 11-il jum, distanza taʼ xi 270 kilometru. Minn hawnhekk, Mosè bagħat 12-il spija fl-Art Imwiegħda. (Numri 10:12, 33; 11:34, 35; 12:16; 13:1-3, 25, 26) L-ispiji marru lejn it-tramuntana min-Negeb, probabbilment għaddew minn Birsaba, imbagħad minn Ħebron, u laħqu l-limiti tat-tramuntana taʼ l-Art Imwiegħda. (Numri 13:21-24) Minħabba li aċċettaw ir-rapport negattiv taʼ l-għaxar spiji, l-Iżraelin kellhom jiġġerrew fid-deżert għal 40 sena. (Numri 14:1-34) X’juri dan dwar il-fidi tagħhom u dwar kemm kienu lesti jafdaw f’Ġeħova?—Dewteronomju 1:19-33; Salm 78:22, 32-43; Ġuda 5.
12. X’nistgħu nikkonkludu dwar il-fidi taʼ l-Iżraelin, u din għala hija xi ħaġa li għandna naħsbu fuqha?
12 Aħseb dwar dan minn ħarsa ġeografika. Kieku l-Iżraelin segwew il-parir taʼ Ġożwè u Kaleb kienu huma se jkollhom distanza twila sakemm jaslu fl-Art Imwiegħda? Kades kienet xi 16-il kilometru ’l bogħod minn Bir-laħaj-roj, fejn għexu Iżakk u Rebekka. [7] Kien hemm biss xi 95 kilometru għal Birsaba, li hija msemmija bħala n-naħa tan-nofsinhar taʼ l-Art Imwiegħda. (Ġenesi 24:62; 25:11; 2 Samwel 3:10) Wara li vvjaġġaw mill-Eġittu lejn il-Muntanja Sinaj u mbagħad 270 kilometru lejn Kades, kienu bħallikieku fuq l-għatba taʼ l-Art Imwiegħda. Fil-każ tagħna, aħna ninsabu fuq l-għatba tal-Ġenna taʼ l-art imwiegħda. X’inhi t-tagħlima għalina? L-appostlu Pawlu rabat is-sitwazzjoni taʼ l-Iżraelin mal-parir: “Għalhekk, ħa nagħmlu l-almu tagħna biex nidħlu f’dak il-mistrieħ, li ma jmurx xi ħadd jaqaʼ fl-istess mudell taʼ diżubbidjenza.”—Ebrej 3:16–4:11.
13, 14. (a) Il-Gibgħonin f’liema sitwazzjoni ħadu pass deċiżiv? (b) X’inhu li jurina x’kienet l-attitudni tal-Gibgħonin, u x’tagħlima għandna nieħdu minn dan?
13 Attitudni differenti—waħda taʼ fiduċja li Alla kapaċi jwettaq ir-rieda tiegħu—tidher ċara mill-episodju Bibliku li jinvolvi l-Gibgħonin. Wara li Ġożwè mexxa lill-Iżraelin għan-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan, fl-art li Alla wiegħed lill-familja t’Abraham, kien il-waqt li jitkeċċew il-Kangħanin. (Dewteronomju 7:1-3) Dan inkluda l-Gibgħonin. L-Iżraelin ħarbtu lil Ġeriko u lil Għaj u kkampjaw fil-qrib f’Gilgal. Il-Gibgħonin ma ridux imutu bħala Kangħanin misħuta, allura bagħtu r-rappreżentanti tagħhom lil Ġożwè f’Gilgal. Huma għamluha taʼ bir-ruħhom li ġejjin minn territorju barra Kangħan sabiex ikunu jistgħu jagħmlu trattat taʼ paċi maʼ l-Ebrej.
14 Dawn ir-rappreżentanti qalu: “Aħna qaddejja tiegħek ġejjin minn art imbiegħda ħafna, u ġejna minħabba l-fama tal-Mulej, Alla tiegħek.” (Ġożwè 9:3-9, korsiv tagħna.) Bil-ħwejjeġ u l-ikel li kellhom dehru li kienu tabilħaqq ġejjin mill-bogħod, imma fil-fatt Gibgħon kien xi 30 kilometru ’l bogħod minn Gilgal. [19] Peress li ħassewhom konvinti, Ġożwè u l-kapijiet għamlu trattat taʼ paċi maʼ Gibgħon u mal-bliet fil-viċin u konnessi maʼ Gibgħon. Kienet il-makakkerija tal-Gibgħonin sempliċi skuża biex ma jinqerdux? Mhux talli ma kienx hekk, talli huma għamlu dan għaliex urew ix-xewqa li jkollhom il-favur taʼ l-Alla taʼ Iżrael. Ġeħova ppermetta li l-Gibgħonin jibdew “jaqtgħu l-[ħatab u jġorru] l-ilma għall-ġemgħa u għall-artal tal-Mulej,” u jipprovdu l-ħatab għall-artal tas-sagrifiċċji. (Ġożwè 9:11-27) Il-Gibgħonin komplew juru li kienu lesti jagħmlu xogħlijiet umli fis-servizz taʼ Ġeħova. Probabbilment xi wħud minnhom kienu fost in-Netinim, jew l-ilsiera tat-tempju, li rritornaw minn Babilonja u qdew fil-bini mill-ġdid tat-tempju. (Esdra 2:1, 2, 43-54; 8:20) Nistgħu nimitaw l-attitudni tagħhom billi nagħmlu l-aħjar tagħna ħalli nkunu fis-sliem m’Alla u nkunu lesti nagħmlu saħansitra inkarigi umli fis-servizz tiegħu.
Noħorġu Barra minn Triqitna
15.Għala għandha tinteressana l-ġeografija li tinvolvi l-Iskrittura Griega Kristjana?
15 Il-ġeografija taʼ l-artijiet tal-Bibbja hija involuta wkoll fl-Iskrittura Griega Kristjana, bħall-vjaġġi u l-ministeru taʼ Ġesù u taʼ l-appostlu Pawlu. (Marku 1:38; 7:24, 31; 10:1; Luqa 8:1; 13:22; 2 Korintin 11:25, 26) Fir-rakkonti li ġejjin, ipprova immaġina l-vjaġġi involuti.
16. Il-Kristjani f’Berea kif urew l-apprezzament tagħhom lejn Pawlu?
16 Fit-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu (linja vjola fuq il-mappa), Pawlu wasal Filippi, li issa tinsab fil-Greċja. [33] Hemmhekk, hu ta xiehda, ġie arrestat, u mbagħad inħeles u baqaʼ sejjer Tessalonika. (Atti 16:6–17:1) Meta xi Lhud qajmu rewwixta, l-aħwa f’Tessalonika ħeġġew lil Pawlu biex imur f’Berea, xi 65 kilometru ’l bogħod. Pawlu rnexxa fil-ministeru tiegħu f’Berea, imma ġew il-Lhud u sfrattaw lill-poplu. Allura, “minnufih l-aħwa bagħtu lil Pawlu lejn id-direzzjoni tal-baħar,” u “dawk li kienu qed jakkumpanjaw lil Pawlu wassluh sa Ateni.” (Atti 17:5-15) Milli jidher, xi wħud li kienu għadhom kif ikkonvertew kienu lesti jimxu 40 kilometru lejn il-Baħar Eġew, iħallsu l-vjaġġ fuq il-vapur, u jbaħħru xi 500 kilometru. Vjaġġ bħal dan setaʼ kien riskjuż, imma l-aħwa daħlu għal dawn ir-riskji, u b’hekk damu iktar f’kuntatt mar-rappreżentant li jivvjaġġa t’Alla.
17. X’nistgħu napprezzaw iktar ladarba nifhmu d-distanza li hemm bejn Miletu u Efesu?
17 Fit-tielet vjaġġ tiegħu (linja ħadra fuq il-mappa), Pawlu wasal fil-port taʼ Miletu. Hu bagħat għall-anzjani tal-kongregazzjoni f’Efesu, xi 50 kilometru ’l bogħod. Immaġina dawk l-anzjani jitilqu kollox minn idejhom biex imorru għand Pawlu. Probabbilment huma u mexjin bdew jitkellmu b’eċċitament kbir dwar il-laqgħa li kien se jkollhom. Wara li ltaqgħu maʼ Pawlu u semgħuh jitlob, “infexxew jibku u nxteħtu fuq għonq Pawlu u bisuh b’tenerezza.” Imbagħad, huma “wassluh sal-ġifen” biex jibqaʼ sejjer Ġerusalemm. (Atti 20:14-38) Kellhom ħafna fuqiex jaħsbu u jitkellmu fi triqithom lura lejn Efesu. M’intix impressjonat bl-apprezzament li wrew billi mxew dik id-distanza kollha ħalli jkunu maʼ ministru li jivvjaġġa li setaʼ jinformahom u jinkuraġġihom? Qiegħed tinnota xi ħaġa f’dan ir-rakkont li tistaʼ tapplikaha f’ħajtek u fl-attitudni tiegħek?
Tgħallem dwar l-Art Imwiegħda u X’Hemm Lest fil-Futur
18. X’nistgħu nkunu determinati li nagħmlu dwar il-postijiet Bibliċi?
18 L-eżempji li għadna kif semmejna juru kemm hu taʼ valur li nsiru familjari maʼ l-art li Alla ta lill-Iżraelin u li kienet l-isfond taʼ ħafna rakkonti Bibliċi. (U billi nitgħallmu wkoll dwar l-artijiet taʼ madwarha li jissemmew fir-rakkonti Bibliċi nistgħu nkabbru l-istampa mentali tagħna.) Hekk kif inkabbru l-għarfien u l-fehma tagħna b’mod partikulari dwar l-Art Imwiegħda, nistgħu nżommu f’moħħna xi ħaġa fundamentali li kellhom bżonn l-Iżraelin biex jidħlu u jgawdu l-art li tnixxi “ħalib u għasel.” Din kienet li jibżgħu minn Ġeħova u jżommu l-kmandamenti tiegħu.—Dewteronomju 6:1, 2; 27:3.
19. Liema żewġ ġenniet jixraq li dejjem inżommuhom f’moħħna?
19 Bl-istess mod illum, irridu nagħtu sehemna billi nibżgħu minn Ġeħova u nibqgħu fi triqatu. Billi nagħmlu hekk, se ngħinu biex intejbu u nsebbħu l-ġenna spiritwali tagħna li teżisti bħalissa fil-kongregazzjoni Kristjana madwar id-dinja. Se nkunu iktar informati dwar il-karatteristiċi u l-barkiet taʼ din il-ġenna. U aħna nafu li għad hemm iktar barkiet lesti għalina. Ġożwè mexxa lill-Iżraelin għan-naħa l-oħra tal-Ġordan f’art għammiela u li tissodisfa lil dak li jkun. Issa għandna tassew għalxiex inħarsu ’l quddiem b’fiduċja sħiħa lejn il-Ġenna fiżika, l-art tajba li tinsab quddiemna.
Tiftakar Int?
• Għala għandna nixxennqu biex inżidu l-għarfien u l-fehma tagħna dwar l-artijiet Bibliċi?
• Liema dettall ġeografiku kunsidrat f’dan l-artiklu kien speċjalment t’għajnuna għalik?
• Liema lezzjoni dehret ċara ferm għalik hekk kif tgħallimt iktar dwar il-ġeografija involuta f’xi ġrajja?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]
Ara l-Art Tajba’’
Fil-konvenzjonijiet taʼ l-2003 u l-2004, ix-Xhieda taʼ Ġeħova ferħu bil-kbir meta rċivew il-browxer “See the Good Land” (Ara l-Art Tajba). Din il-pubblikazzjoni ġdida, li hi disponibbli b’xi 80 lingwa, hija mimlija b’mapep bil-kulur u tabelli li juru nħawi differenti tad-dinja fiż-żmien li nkitbet il-Bibbja, b’mod partikulari taʼ l-Art Imwiegħda matul diversi perijodi.
Dan l-artiklu jirreferi għal mapep speċifiċi permezz tan-numru tal-paġni b’tipa grassa, bħal per eżempju [15]. Jekk għandek dan il-browxer il-ġdid, qattaʼ xi ftit tal-ħin biex issir familjari mad-diversi aspetti partikulari li fih jistgħu jgħinuk iżżid l-għarfien u l-fehma tiegħek dwar il-Kelma t’Alla.
(1) Ħafna mill-mapep jinkludu kaxxa b’lista li tispjega s-simboli speċjali jew il-marki fuq il-mappa [18]. (2) Ħafna mill-mapep jinkludu skala jew kejl bil-mili u l-kilometri li se jgħinek tifhem id-daqs jew id-distanzi involuti [26]. (3) Ġeneralment ikun hemm vleġġa tipponta lejn it-tramuntana li se tgħinek tifhem id-direzzjoni [19]. (4) Spiss il-mapep huma kuluriti biex jindikaw l-għoli ġenerali [12]. (5) Fil-ġnub, xi mapep għandhom ittri/numri biex tkun tistaʼ ssib il-post eżatt tal-bliet jew l-ismijiet [23]. (6) Fl-indiċi taʼ żewġ paġni bl-ismijiet tal-postijiet [34-5], tistaʼ tara n-numru tal-paġna b’tipa grassa, u spiss wara jkun hemm kif issib il-post fuq il-mappa, bħal per eżempju E2. Wara li tuża dawn l-aspetti għal diversi drabi, se tissorprendi ruħek kemm jgħinuk biex tkabbar l-għarfien tiegħek u tifhem il-Bibbja iżjed fil-fond.
[Tabella/Mappa f’paġna 16]
TABELLA TAR-REĠJUNI NATURALI
(Ghall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
A. Ix-Xatt tal-Baħar il-Kbir
B. Witat fil-Punent tal-Ġordan
1. Il-Wita taʼ Aser
2. Il-Wita taʼ Dor maʼ Xatt il-Baħar
3. Il-Mergħat taʼ Saron
4. Il-Wita tal-Filistja
5. Il-Wied Ċentrali mil-Lvant għall-Punent
a. Il-Wita taʼ Megiddu
b. Il-Wied taʼ Ġeżragħel
Ċ. Muntanji fil-Punent tal-Ġordan
1. L-Għoljiet tal-Galilija
2. L-Għoljiet tal-Karmel
3. L-Għoljiet tas-Samarija
4. Sefela (għoljiet żgħar)
5. Ir-Reġjun Muntanjuż taʼ Ġuda
6. Ix-Xagħri taʼ Ġuda
7. Negeb
8. Ix-Xagħri taʼ Faran
D. Għaraba (Wied bl-Irdumijiet)
1. L-Għadira taʼ Ħula
2. L-Inħawi tal-Baħar tal-Galilija
3. Il-Wied tal-Ġordan
4. Il-Baħar il-Mielaħ (Il-Baħar il-Mejjet)
5. Għaraba (fin-nofsinhar tal-Baħar il-Mielaħ)
E. Muntanji/Pjanuri fl-Għoli fil-Lvant tal-Ġordan
1. Basan
2. Gilgħad
3. Għammon u Mowab
4. Il-Pjanura fuq il-Muntanji taʼ Edom
F. Il-Muntanji tal-Libanu
[Mappa]
Il-Muntanja Ħermon
Morija
Abel-meħola
Sukkot
Ġogħba
Betel
Gilgal
Gibgħon
Ġerusalemm
Ħebron
Gaża
Birsaba
Sodoma?
Kades
[Mappa/Stampa f’paġna 15]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara publikazzjoni)
KANGĦAN
Megiddu
GILGĦAD
Dotan
Sikem
Betel (Luż)
Għaj
Ġerusalemm (Salem)
Betlehem (Efrata)
Mamri
Ħebron (Makfela)
Gerar
Birsaba
Sodoma?
NEGEB
Reħobot?
[Muntanji]
Morija
[Ilmijiet]
Il-Baħar il-Mielaħ
[Xmajjar]
Ġordan
[Stampa]
Abraham qasam l-art
[Mappa f’paġna 18]
Troas
SAMOTRAĊJA
Neapoli
Filippi
Amfipoli
Tessalonika
Berea
Ateni
Korintu
Efesu
Miletu
RODI