LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 27-p. 32 para. 3
  • L-Istudju Hu Premjanti

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Istudju Hu Premjanti
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tipprepara lil Moħħok
  • Kif Tistudja
  • X’Se Tistudja
  • ‘Ibni lil taʼ Darek’
  • Taħsad il-​Benefiċċji
  • Tejjeb il-mod kif tistudja!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Studjaw Regolarment il-Kelma t’Alla Bħala Familja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Familji, Faħħru ’l Alla Bħala Parti mill-Kongregazzjoni Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Segwi l-Mudell Irjali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 27-p. 32 para. 3

L-​Istudju Hu Premjanti

ĠIELI rajt in-​nies jagħżlu l-​frott? Ħafna joqogħdu jħarsu lejn il-​kulur u d-​daqs biex jaraw kemm hu misjur. Xi wħud ixommu l-​frotta. Oħrajn imissuha, u saħansitra jagħfsuha. Jerġaʼ oħrajn jiżnuha, iqiegħdu frotta f’kull id biex jaraw liema waħda fiha l-​iktar meraq. X’għandhom f’moħħhom dawn in-​nies? Huma qed janalizzaw id-​dettalji, iqisu d-​differenzi, jiftakru f’dak li għażlu qabel, u jqabblu dak li qed jaraw issa maʼ dak li jafu diġà. Minħabba li jagħtu attenzjoni bir-​reqqa lill-​kwistjoni għandhom premju delizzjuż jistenniehom.

M’għandniex xi ngħidu, il-​premjijiet li niksbu meta nistudjaw il-​Kelma taʼ Alla huma ħafna akbar. Meta studju bħal dan jokkupa post importanti f’ħajjitna, il-​fidi tagħna ssir iktar b’saħħitha, l-​imħabba tagħna ssir iktar qawwija, il-​ministeru tagħna jsir iktar produttiv, u d-​deċiżjonijiet li nieħdu jagħtu evidenza akbar li għandna d-​dehen u l-​għerf divin. Dwar dawn il-​premjijiet, Proverbji 3:15 jgħid: “L-​affarijiet l-​oħrajn kollha li titgħaxxaq bihom ma jiswewx daqsu.” Qiegħed int tesperjenza dawn il-​premjijiet? Fattur li jeffettwa jekk tesperjenzahomx jew le hu l-​mod kif tistudja.—Kol. 1:9, 10.

Stampa f’paġna 30

Ħu l-ħin biex timmedita

X’inhu l-​istudju? Mhuwiex sempliċi qari taʼ fuq fuq. Jinvolvi li tuża l-​abbiltajiet tiegħek biex tirraġuna ħalli tikkunsidra s-​suġġett bir-​reqqa jew iktar fil-​fond. Dan jinkludi li tanalizza dak li taqra, tqabblu maʼ dak li taf diġà, u tagħti kas ir-​raġunijiet li jingħataw għall-​istqarrijiet li jsiru. Meta tistudja, aħseb fil-​fond dwar kwalunkwe idea li tiġi espressa u li tistaʼ tkun ġdida għalik. Ikkunsidra wkoll kif tistaʼ tapplika personalment xi parir Skritturali iktar bis-​sħiħ. Bħala Xhud taʼ Ġeħova jkun tajjeb li taħseb ukoll dwar opportunitajiet biex tuża l-​materjal ħalli tgħin lil oħrajn. Ovvjament, l-​istudju jinkludi l-​meditazzjoni.

Kif Tipprepara lil Moħħok

Stampa f’paġna 30

Ħejji qalbek biex tibbenefika bis-sħiħ mill-istudju persunali tiegħek

Meta tipprepara biex tistudja, int toħroġ l-​affarijiet li jkollok bżonn bħall-​Bibbja tiegħek, kwalunkwe pubblikazzjoni li tkun qed tippjana li tuża, lapes jew bajrow, u forsi ktieb fejn tieħu n-​noti. Imma tipprepara wkoll lil qalbek? Il-​Bibbja tgħidilna li Esdra “ħejja qalbu biex ifittex fil-​liġi taʼ Ġeħova u jobdiha u jgħallem f’Israel ir-​regolamenti u l-​ġustizzja.” (Esd. 7:10) X’jinvolvi li tipprepara qalbek b’dan il-​mod?

It-​talb jippermettilna nibdew l-​istudju tal-​Kelma taʼ Alla bl-​attitudni xierqa. Aħna rridu li qalbna, l-​iktar parti ġewwinija tagħna, tkun lesta twieġeb għall-​istruzzjoni li jagħtina Ġeħova. Fil-​bidu taʼ kull sessjoni taʼ studju, itlob lil Ġeħova għall-​għajnuna tal-​ispirtu tiegħu. (Lq. 11:13) Itolbu jgħinek tifhem it-​tifsir taʼ dak li tkun se tistudja, kif inhu marbut mal-​iskop tiegħu, kif jistaʼ jgħinek tagħraf it-​tajjeb mill-​ħażin, kif għandek tapplika l-​prinċipji tiegħu f’ħajtek, u kif il-​materjal jeffettwa r-​relazzjoni tiegħek miegħu. (Prov. 9:10) Int u tistudja, ‘ibqaʼ itlob lil Alla’ għall-​għerf. (Ġak. 1:5) Eżamina lilek innifsek bl-​onestà skont dak li titgħallem hekk kif tfittex l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex teħles minn ħsibijiet żbaljati jew xewqat taʼ ħsara. Dejjem ‘wieġeb lil Ġeħova b’radd il-​ħajr’ għall-​affarijiet li jurik. (Salm 147:7) Meta titlob matul l-​istudju b’dan il-​mod ikollok l-​intimità maʼ Ġeħova, ladarba dan jippermettilna nwieġbu għal dak li jgħidilna permezz tal-​Kelma tiegħu.—Salm 145:18.

Il-​fatt li l-​poplu taʼ Ġeħova jwieġeb b’dan il-​mod għall-​istudju jagħmlu differenti min-​nies tad-​dinja. Fost dawk li m’għandhomx devozzjoni lejn Alla, hija ħaġa komuni li dak li hemm miktub jiġi dubitat u sfidat. Imma aħna m’għandniex din l-​attitudni. Aħna nafdaw f’Ġeħova. (Prov. 3:5-​7) Jekk ma nifhmux xi ħaġa, ma nkunux prużuntużi billi nikkonkludu li żgur hemm żball. Waqt li nfittxu u nħaffru għat-​tweġibiet, aħna nistennew lil Ġeħova. (Mik. 7:7) Bħal Esdra, għandna l-​mira li naġixxu fuq dak li nitgħallmu u li ngħallmuh lil oħrajn. B’attitudni bħal din f’qalbna, għandna l-​prospett li naħsdu barkiet għonja mill-​istudju tagħna.

Kif Tistudja

Minflok ma sempliċement tibda mill-​ewwel paragrafu u tibqaʼ għaddej sakemm tispiċċa, l-​ewwel ħu l-​ħin biex tara x’fih l-​artiklu kollu kemm hu jew il-​kapitlu fil-​materjal. Ibda billi tanalizza kif ġie mqiegħed il-​kliem fit-​titlu. Din hija t-​tema li se tistudja dwarha. Imbagħad eżamina kif is-​sottitli huma marbutin mat-​tema. Eżamina kwalunkwe stampa, tabella, jew kaxxa tat-​tagħlim li jkun hemm mal-​artiklu. Staqsi lilek innifsek: ‘Minn dan li rajt sa issa, x’qed nistenna li nitgħallem? Kif se jkun taʼ valur għalija?’ Dan jagħti direzzjoni lill-​istudju tiegħek.

Stampa f’paġna 30

Sir midħla tal-għodod tar-riċerka disponibbli bil-lingwa tiegħek jew b’lingwa li tifhem

Issa iġbor il-​fatti. L-​artikli tal-​istudju tat-​Torri tal-​Għassa u xi kotba jinkludu mistoqsijiet stampati. Int u taqra kull paragrafu, ikun taʼ benefiċċju li timmarka t-​tweġibiet. Anki jekk ma jkunx hemm mistoqsijiet tal-​istudju, xorta tistaʼ timmarka punti importanti li trid tiftakar. Jekk ikun hemm ħsieb li hu ġdid għalik, qattaʼ ftit iktar ħin fuqu biex tkun ċert li tifhmu sew. Oqgħod attent għat-​tixbihat jew għall-​irraġunar li se jkun utli għalik fil-​ministeru tal-​għalqa jew li tistaʼ tużah f’inkarigu taʼ taħdita li se tagħti dalwaqt. Aħseb dwar individwi speċifiċi li l-​fidi tagħhom tistaʼ tissaħħaħ jekk taqsam magħhom dak li qed tistudja. Immarka l-​punti li trid tuża, u rrivedihom meta tlesti l-​istudju tiegħek.

Hekk kif tikkunsidra l-​materjal, fittex l-​iskritturi ċitati. Eżamina kif kull skrittura hi marbuta mal-​ħsieb ġenerali tal-​paragrafu.

Tistaʼ tiltaqaʼ maʼ punti li ma tifhimhomx mill-​ewwel jew li tixtieq tfittex dwarhom iktar bir-​reqqa. Minflok ma tħallihom itellfuk, ħu nota tagħhom u kompli fittex dwarhom iktar tard. Il-​punti spiss jiġu ċċarati hekk kif tkompli tistudja l-​kumplament tal-​materjal. Jekk le, tistaʼ tagħmel iktar riċerka. Liema affarijiet tistaʼ tieħu nota tagħhom biex tfittex iktar dwarhom? Forsi hemm skrittura kwotata li ma tifhimhiex sew. Jew forsi ma tarax mill-​ewwel kif tapplika għas-​suġġett li jkun qed jiġi diskuss. Forsi tħoss li tifhem ċertu ħsieb fil-​materjal imma li ma tifhmux biżżejjed biex tispjegah lil xi ħadd ieħor. Minflok ma sempliċement tibqaʼ għaddej, jistaʼ jkun għaqli li tagħmel riċerka dwarhom wara li tkun lestejt dak li bdejt tistudja.

Stampa f’paġna 30

Kun ċert li tfittex l-iskritturi

Meta l-​appostlu Pawlu kiteb l-​ittra dettaljata tiegħu lill-​Kristjani Ebrej, hu waqaf f’nofsha u qal: “Dan hu l-​punt prinċipali.” (Ebr. 8:1) Tfakkar lilek innifsek b’dan il-​mod minn ħin għall-​ieħor? Ikkunsidra għala Pawlu għamel dan. Fil-​kapitli taʼ qabel tal-​ittra ispirata tiegħu, hu kien diġà wera li Kristu, bħala l-​aqwa Qassis il-​Kbir taʼ Alla, kien daħal fis-​sema stess. (Ebr. 4:14–5:10; 6:20) Però, minħabba li ffoka l-​attenzjoni fuq dak il-​punt prinċipali u enfasizzah fil-​bidu taʼ kapitlu 8, Pawlu ħejja l-​imħuħ tal-​qarrejja tiegħu biex jaħsbu fil-​fond dwar kif dan hu konness maʼ ħajjithom. Hu semma li Kristu kien deher quddiem il-​persuna taʼ Alla għan-​nom tagħhom u kien fetaħ it-​triq biex huma stess jidħlu f’dak il-​“post qaddis” fis-​sema. (Ebr. 9:24; 10:19-​22) Minħabba li t-​tama tagħhom kienet garantita kienu se jitqanqlu biex japplikaw il-​pariri l-​oħrajn f’din l-​ittra dwar il-​fidi, is-​sabar, u l-​imġiba Kristjana. B’mod simili, meta nistudjaw, jekk niffokaw fuq il-​punti prinċipali se niġu megħjunin nagħrfu kif qed tiġi żviluppata t-​tema u dan se jnaqqax sew f’moħħna r-​raġunijiet validi għala għandna naġixxu fi qbil maʼ dak li qed nistudjaw.

Se jqanqlek taġixxi l-​istudju persunali tiegħek? Din hija mistoqsija vitali. Meta titgħallem xi ħaġa, staqsi lilek innifsek: ‘Dan kif għandu jeffettwa l-​attitudni u l-​miri tiegħi f’ħajti? Kif nistaʼ napplika din l-​informazzjoni meta nsolvi problema, nieħu deċiżjoni, jew inkun irrid nilħaq mira? Kif nistaʼ nużaha mal-​familja tiegħi, fil-​ministeru, fil-​kongregazzjoni?’ Ikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet bit-​talb, billi taħseb dwar sitwazzjonijiet reali li fihom tistaʼ tħaddem l-​għarfien tiegħek.

Wara li tlesti kapitlu jew artiklu, ħu l-​ħin biex tagħmel reviżjoni qasira. Ara jekk tistax tiftakar il-​punti prinċipali u l-​irraġunar li jappoġġahom. Dan il-​pass se jgħinek tibqaʼ tiftakar l-​informazzjoni biex tużaha fil-​futur.

X’Se Tistudja

Bħala l-​poplu taʼ Ġeħova, aħna għandna ħafna x’nistudjaw. Imma minn fejn għandna nibdew? Nagħmlu tajjeb li kuljum nistudjaw il-​vers u l-​kummenti mill-​ktejjeb Neżaminaw l-​Iskrittura Kuljum. Kull ġimgħa, aħna nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u l-​istudju li nagħmlu biex nippreparaw għalihom se jgħinna nibbenefikaw iktar bis-​sħiħ. Minbarra dan, xi wħud b’mod għaqli jinvestu l-​ħin biex jistudjaw xi pubblikazzjonijiet Kristjani tagħna li ġew stampati qabel ma tgħallmu l-​verità. Oħrajn jagħżlu xi silta mill-​qari tal-​Bibbja tagħhom taʼ kull ġimgħa u jistudjaw dawn il-​versi iktar fil-​fond.

Xi ngħidu jekk iċ-​ċirkustanzi tiegħek ma jippermettulekx tistudja bir-​reqqa l-​informazzjoni kollha li tkun se tiġi kunsidrata fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni taʼ kull ġimgħa? Evita n-​nassa li tgħaddi l-​materjal taʼ malajr sempliċement biex teħilsu jew, agħar minn hekk, li ma tistudja xejn minnu minħabba li ma tistax tagħmlu kollu. Minflok, ara kemm tistaʼ tistudja, u studjah sew. Agħmel dan kull ġimgħa. Maż-​żmien, stinka biex iżżid il-​preparazzjonijiet tiegħek ħalli jinkludu l-​laqgħat l-​oħrajn ukoll.

‘Ibni lil taʼ Darek’

Ġeħova jirrikonoxxi li l-​kapijiet tal-​familji jridu jaħdmu iebes biex jipprovdu għall-​għeżież tagħhom. “Ipprepara xogħlok barra u ħejjih għalik fl-​għalqa,” jgħid Proverbji 24:27. Madankollu, ma tistax tinsa l-​bżonnijiet spiritwali tal-​familja tiegħek. Għalhekk, il-​vers ikompli: “Imbagħad ibni wkoll lil taʼ darek.” Kif jistgħu l-​kapijiet tal-​familja jagħmlu dan? Proverbji 24:3 jgħid: “Bid-​dixxerniment [dar] tkun stabbilita fis-​sod.”

Kif jistaʼ d-​dixxerniment ikun taʼ benefiċċju għal dawk taʼ darek? Id-​dixxerniment hu l-​abbiltà mentali li ma tarax biss dak li hu ovvju. Nistgħu ngħidu li studju tal-​familja effettiv jibda billi int teżamina lill-​membri tal-​familja tiegħek stess. Kif sejrin spiritwalment il-​membri tal-​familja tiegħek? Ismaʼ b’attenzjoni matul il-​konversazzjonijiet tiegħek magħhom. Iħobbu jilmentaw? Qed iżommu f’qalbhom? Huwa l-​ġiri wara affarijiet materjali l-​iktar ħaġa importanti? Meta tkun fil-​ministeru tal-​għalqa maʼ wliedek, iħossuhom komdi jidentifikaw lilhom infushom maʼ dawk tamparhom bħala Xhieda taʼ Ġeħova? Jieħdu gost bil-​programm tal-​familja tagħkom taʼ qari u studju tal-​Bibbja? Qegħdin tassew jagħmlu l-​mogħdijiet taʼ Ġeħova l-​mod taʼ ħajja tagħhom? Jekk tosserva bir-​reqqa se tkun tistaʼ tara, bħala l-​kap tal-​familja, x’għandek bżonn tagħmel biex tgħin lil kull membru tal-​familja jitgħallem u jibni kwalitajiet spiritwali.

Iċċekkja fir-​rivisti It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! għal artikli li jittrattaw dwar bżonnijiet speċifiċi. Imbagħad għid lill-​familja minn qabel x’se jiġi studjat ħalli jkunu jistgħu jaħsbu dwar l-​informazzjoni. Żomm atmosfera taʼ mħabba matul l-​istudju. Mingħajr ma tikkoreġi bl-​aħrax jew tikser lil xi membru tal-​familja, enfasizza l-​valur tal-​materjal li jkun qed jiġi kunsidrat, billi tapplikah b’mod speċifiku għall-​bżonnijiet tal-​familja tiegħek. Żomm lil kull membru involut. Għin lil kull membru jara kif il-​Kelma taʼ Ġeħova hi “perfetta” biex tipprovdi eżatt dak li hu meħtieġ fil-​ħajja.—Salm 19:7.

Taħsad il-​Benefiċċji

Nies li josservaw imma li m’għandhomx fehma spiritwali jistgħu jistudjaw l-​univers, il-​ġrajjiet dinjin, u anki lilhom infushom imma jonqsu li jifhmu t-​tifsir veru taʼ dak li qed jaraw. Mill-​banda l-​oħra, bl-​għajnuna tal-​ispirtu taʼ Alla, nies li jistudjaw il-​Kelma taʼ Alla regolarment, jistgħu jaraw l-​id taʼ Alla f’dawn l-​affarijiet, it-​twettiq tal-​profeziji Bibliċi, u t-​twettiq tal-​iskop taʼ Alla biex ibierek lill-​umanità ubbidjenti.—Mk. 13:4-​29; Rum. 1:20; Riv. 12:12.

Hu kemm hu tal-​għaġeb, dan m’għandux jagħmilna kburin. Minflok, jekk neżaminaw il-​Kelma taʼ Alla kuljum niġu megħjunin nibqgħu umli. (Dt. 17:18-​20) Dan jipproteġina wkoll mill-​“qawwa qarrieqa tad-​dnub” għaliex meta l-​Kelma taʼ Alla tkun ħajja f’qalbna, il-​ġibda tad-​dnub għandha inqas ċans li tegħleb id-​determinazzjoni tagħna biex nirreżistuha. (Ebr. 2:1; 3:13; Kol. 3:5-​10) Għalhekk, se ‘nkunu nistgħu nimxu kif jixraq lil Ġeħova bl-​għan li nogħġbuh għalkollox hekk kif inkomplu nagħtu l-​frott f’kull għemil tajjeb.’ (Kol. 1:10) Din hija l-​mira tagħna meta nistudjaw il-​Kelma taʼ Alla, u meta naslu f’dan il-​punt niksbu l-​akbar premju.

SABIEX TAĦSAD L-​AKBAR BENEFIĊĊJI

  • Ħejji qalbek

  • Ara x’fih il-​materjal tal-​istudju

  • Iffoka l-​attenzjoni fuq il-​fatti importanti

  • Ikkunsidra kif l-​iskritturi jipprovdu raġunijiet għall-​istqarrijiet li jkunu saru

  • Irrivedi l-​punti prinċipali

  • Immedita dwar kif ħajtek stess għandha tiġi influwenzata minn dak li tistudja

  • Fittex opportunitajiet biex tuża l-​materjal ħalli tgħin lil oħrajn

KIF TARA X’FIH IL-​MATERJAL TAL-​ISTUDJU

  • Analizza kif ġie mqiegħed il-​kliem fit-​titlu

  • Ikkunsidra kif kull sottitlu jintrabat mat-​titlu

  • Eżamina kwalunkwe stampa, tabella, jew kaxxa tat-​tagħlim

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja