“Fejqan għal Żokortok”
HUWA maħsub li ħafna mill-mard tal-bniedem jibda minn kundizzjonijiet taʼ stress emozzjonali bħalma huma l-biżaʼ, in-niket, l-għira, is-sentimenti taʼ rabja li wieħed iżomm ġo fih, il-mibegħda, u s-sens taʼ ħtija. Meta tqis dan, kemm hija taʼ faraġ il-Bibbja meta tgħid li l-‘biżaʼ minn Jehovah’ hu “fejqan għal żokortok u serħan għal għadmek”!—Proverbji 3:7, 8, NW.
L-għadam huwa l-qafas li fuqu jistrieħ il-ġisem. Għalhekk, il-Bibbja tuża l-kelma ‘għadam’ b’mod simboliku, biex jirrappreżenta lill-bniedem innifsu—speċjalment meta dan jiġi effettwat minn emozzjonijiet u sentimenti profondi. Imma kif inhu li l-biżaʼ minn Jehovah hu “fejqan għal żokortok”?
L-istudjużi tal-Bibbja għandhom opinjonijiet differenti dwar it-tifsir taż-‘żokra’ f’dan il-vers. Wieħed minnhom jgħid li minħabba li din qegħda fil-“parti ċentrali tal-ġisem,” iż-‘żokra’ tistaʼ tirrappreżenta lill-organi vitali kollha. Studjuż ieħor jissuġġerixxi li l-kelma ‘żokra’ tistaʼ tirreferi għall-kurdun taż-żokra, bħalma hi wżata f’Eżekjel 16:4. Jekk dan hu minnu, Proverbji 3:8 jistaʼ jkun li qed jenfasizza l-ħtieġa li niddependu kompletament minn Alla, bħalma tarbija fil-ġuf tiddependi għalkollox minn ommha għall-ikel. Jerġaʼ idea oħra hi li ż-‘żokra’ hawnhekk tistaʼ tirreferi għall-muskoli u l-għeruq tal-ġisem. Meta wieħed jikkunsidra l-bqija taʼ dan il-vers, jistaʼ jkun li dawn il-partijiet qed jissemmew f’kuntrast maʼ l-“għadam,” li huwa iktar solidu.
Hi x’inhi t-tifsira eżatta, dwar dan m’hemm ebda dubju: Huwa għaqli li nuru biżaʼ riverenzjali minn Jehovah. Jekk ngħixu fi qbil mal-prinċipji t’Alla, dan jistaʼ jgħin biex inkunu b’saħħitna fiżikament issa. Iktar minn hekk, billi nagħmlu dan jistaʼ jkollna l-favur taʼ Jehovah. Dan se jwassal biex inkunu nistgħu ngawdu ħajja bla tmiem kif ukoll saħħa fiżika u emozzjonali perfetta fid-dinja l-ġdida tiegħu li ġejja.—Isaija 33:24; Apokalissi 21:4; 22:2.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Dr. G. Moscoso/SPL/Photo Researchers