Kapitlu 8
X’Jiġri Mal-Mewt?
1. In-nies taʼ spiss jistaqsu liema mistoqsijiet dwar il-mejtin?
FORSI int taf il-vojt li tħoss meta jmutlek xi ħadd li tħobb. Kemm tħossok imdejjaq u li ma tistaʼ tagħmel xejn! Hija ħaġa naturali li tistaqsi: X’jiġri meta wieħed imut? Għadu ħaj xi mkien? Il-ħajjin qatt xi darba se jkunu jistgħu jerġgħu jgawdu fuq l-art il-kumpanija taʼ dawk li issa huma mejtin?
2. Xi ġralu l-ewwel raġel, Adam, mal-mewt tiegħu?
2 Biex inwieġbu mistoqsijiet bħal dawn, ikun t’għajnuna għalina li nkunu nafu xi ġralu Adam meta miet. Meta dineb, Alla qallu: “Terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha int kont meħud. Għax trab int u lejn it-trab se terġaʼ lura.” (Ġenesi 3:19) Aħseb ftit x’ifisser dak. Qabel ma Alla ħalqu mit-trab, ma kien hemm ebda Adam. Ma kienx jeżisti. Mela, wara li miet, Adam mar lura għal dak l-istess stat taʼ bla eżistenza.
3. (a) X’inhi l-mewt? (b) Ekkleżjasti 9:5, 10 x’jgħid dwar il-kundizzjoni tal-mejtin?
3 Fi kliem sempliċi, il-mewt hija l-oppost tal-ħajja. Il-Bibbja turi dan f’Ekkleżjasti 9:5, 10. Skond l-Authorized jew il-King James Version, dawn il-versi jgħidu: “Għax il-ħajjin jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn, u m’hemmx iżjed ħlas għalihom; għax intesiet tifkirithom. Kulma ssib idek x’tagħmel, agħmlu bil-ħeġġa kollha tiegħek; għax m’hemmx ħidma, u la ħsieb, u la tagħlim, u la għerf fis-saltna taʼ l-imwiet fejn sejjer.”
4. (a) X’jiġrilha l-fakultà tal-ħsieb tal-bniedem mal-mewt? (b) Is-sensi kollha taʼ bniedem għala jieqfu jiffunzjonaw mal-mewt?
4 Dan ifisser li l-mejtin ma jistgħu jagħmlu xejn u ma jistgħu jħossu xejn. M’għandhomx iktar ħsibijiet, bħalma tistqarr il-Bibbja: “Tpoġġux il-fiduċja tagħkom fin-nobbli, lanqas f’bin il-bniedem taʼ l-art, li lilu ma tappartjeni ebda salvazzjoni. L-ispirtu tiegħu joħroġ, hu jerġaʼ lura lejn l-art tiegħu; f’dak il-jum ħsibijietu tassew jgħibu.” (Salm 146:3, 4) Mal-mewt, l-ispirtu tal-bniedem, il-forza tal-ħajja tiegħu, li hija sostnuta permezz tan-nifs, “joħroġ.” Ma jibqax jeżisti. Mela s-sensi tal-bniedem, is-smigħ, il-vista, il-mess, ix-xamm u t-togħma li jiddependu kollha mill-fakultà mentali, kollha jieqfu milli jiffunzjonaw. Skond il-Bibbja, il-mejtin jidħlu fi stat taʼ inkonoxxenza kompleta.
5. (a) Il-Bibbja kif turi li l-kundizzjoni tal-bnedmin mejtin u dik taʼ l-annimali mejtin hija l-istess? (b) X’inhu l-“[i]spirtu” li jżomm ħajjin kemm il-bnedmin u kemm l-annimali?
5 Meta jkunu mejtin, kemm il-bnedmin u kemm l-annimali jkunu f’dan l-istess stat taʼ inkonoxxenza kompleta. Innota kif il-Bibbja tagħmel dan il-punt: “Bħalma jmut wieħed, hekk imut l-ieħor; u lkoll għandhom biss spirtu wieħed, u għalhekk m’hemm ebda superjorità tal-bniedem fuq il-bhima, għax kollox frugħa. Kollha sejrin f’post wieħed. Kollha saru mit-trab, u kollha sejrin lura lejn it-trab.” (Ekkleżjasti 3:19, 20) L-“[i]spirtu” li jagħti l-ħajja lill-annimali huwa l-istess bħal dak li jagħti l-ħajja lill-bnedmin. Meta dan l-“[i]spirtu,” jew forza tal-ħajja inviżibbli, joħroġ, kemm il-bniedem u kemm il-bhima jerġgħu lura lejn it-trab li minnu saru.
IR–RUĦ TMUT
6. Il-Bibbja kif turi li l-annimali huma erwieħ?
6 Xi nies qalu li dak li jagħmel il-bniedem differenti mill-annimali huwa li l-bniedem għandu ruħ imma l-annimali m’għandhomx. Madankollu, Ġenesi 1:20 u 30 jgħid li Alla ħalaq “erwieħ ħajjin” biex jgħixu fl-ilmijiet, u li l-annimali għandhom il-“ħajja bħala ruħ.” F’dawn il-versi xi Bibbji jużaw il-kelmiet “ħlejjaq” u “ħajja” minflok “ruħ,” imma n-noti taʼ taħt li jidhru fihom jaqblu li fil-lingwa oriġinali l-kelma “ruħ” tintuża. Fost ir-referenzi mill-Bibbja għall-annimali bħala erwieħ hemm Numri 31:28. Hemmhekk jitkellem dwar “ruħ waħda minn ħames mija, taʼ l-ispeċi umana u tal-qatgħa tal-bhejjem u tal-ħmir u tal-merħla.”
7. X’tgħid il-Bibbja biex tagħti prova li l-erwieħ kemm tal-bnedmin u kemm taʼ l-annimali jmutu?
7 Ladarba l-annimali huma erwieħ, meta jmutu, l-erwieħ tagħhom imutu. Bħalma tgħid il-Bibbja: “Kull ruħ ħajja mietet, iva, l-affarijiet fil-baħar.” (Rivelazzjoni 16:3) Xi ngħidu dwar l-erwieħ umani? Bħalma tgħallimna fil-kapitlu taʼ qabel, Alla ma ħalaqx il-bniedem b’ruħ. Il-bniedem hu ruħ. Mela, hija ħaġa loġika li meta l-bniedem imut, ruħu tmut. Għal darba wara l-oħra l-Bibbja tgħid li dan huwa veru. Il-Bibbja qatt ma tgħid li r-ruħ hija mmortali jew li ma tistax tmut. “Dawk kollha li neżlin fit-trab se jmilu, u ħadd qatt ma se jżomm lil ruħu stess ħajja,” jgħid Salm 22:29. “Ir-ruħ li qiegħda tidneb—hija nfisha se tmut,” jispjega Eżekjel 18:4 u 20. U jekk tiftaħ Ġożwè 10:28-39, se ssib sebaʼ postijiet fejn jissemma li r-ruħ inqatlet jew inqerdet.
8. Kif nafu li r-ruħ umana, Ġesù Kristu, miet?
8 Fi profezija dwar Ġesù Kristu, il-Bibbja tgħid: “Hu ferraʼ ruħu sal-mewt . . . u hu nnifsu ġarr id-dnub stess taʼ ħafna nies.” (Isaija 53:12) It-tagħlim dwar ir-rahan jagħti prova li kienet ruħ (Adam) li dinbet, u li biex isservi taʼ rahan għall-bnedmin kellu jkun hemm ruħ (raġel) ugwali li tiġi ssagrifikata. Kristu, billi “ferraʼ ruħu sal-mewt,” ipprovda l-prezz tar-rahan. Ġesù, ir-ruħ umana, miet.
9. X’ifisser il-kliem, ‘l-ispirtu nnifsu jmur lura għand Alla li tah’?
9 Bħalma rajna, l-“[i]spirtu” huwa xi ħaġa differenti minn ruħna. L-ispirtu huwa l-forza tal-ħajja tagħna. Din il-forza tal-ħajja qiegħda f’kull ċellola tal-ġisem kemm tal-bnedmin u kemm taʼ l-annimali. Din hija sostnuta, jew miżmuma ħajja, permezz tan-nifs. X’ifisser, allura, meta l-Bibbja tgħid li mal-mewt “it-trab imur lura lejn l-art . . . u l-ispirtu nnifsu jmur lura lejn dak Alla veru li tah”? (Ekkleżjasti 12:7) Mal-mewt il-forza tal-ħajja eventwalment titlaq miċ-ċelloli kollha tal-ġisem u l-ġisem jibda jitħassar. Imma dan ma jfissirx li l-forza tal-ħajja tagħna litteralment tħalli l-art u tivvjaġġa fl-ispazju lejn Alla. Minflok, l-ispirtu jmur lura lejn Alla fis-sens li issa t-tama tagħna għall-ħajja futura tiddependi għalkollox minn Alla. Bil-qawwa tiegħu biss jistaʼ l-ispirtu, jew forza tal-ħajja, jingħata lura biex aħna ngħixu mill-ġdid.—Salm 104:29, 30.
LAŻŻRU—RAĠEL MEJJET GĦAL ERBAT IJIEM
10. Għalkemm Lażżru kien miet, x’qal Ġesù dwar il-kundizzjoni tiegħu?
10 Dak li ġara lil Lażżru, li għamel erbat ijiem mejjet, jgħinna nifhmu l-kundizzjoni tal-mejtin. Ġesù kien qal lid-dixxipli tiegħu: “Lażżru l-ħabib tagħna mar jistrieħ, imma jien sejjer hemmhekk biex inqajmu mill-irqad.” Madankollu, id-dixxipli wieġbu: “Mulej, jekk mar jistrieħ, se jgħaddilu.” Għal dak, Ġesù qalilhom ċar: “Lażżru miet.” Ġesù għala qal li Lażżru kien rieqed meta fil-fatt kien miet? Ejjew naraw.
11. X’għamel Ġesù għall-mejjet Lażżru?
11 Meta Ġesù qorob lejn ir-raħal fejn kien joqgħod Lażżru, iltaqgħet miegħu Marta, oħt Lażżru. Malajr huma, flimkien maʼ ħafna oħrajn, marru lejn il-qabar fejn kien ġie mqiegħed Lażżru. Kien għar, u kien hemm ġebla sserraħ miegħu. Ġesù qal: “Warrbu l-ġebla.” Peress li Lażżru kien ilu mejjet erbat ijiem, Marta pprotestat: “Mulej, s’issa żgur li jinten.” Imma l-ġebla tneħħiet, u Ġesù għajjat: “Lażżru, oħroġ!” U hekk għamel! Ħareġ ħaj, imgeżwer kif kien fil-ħwejjeġ tad-difna. “Ħolluh u ħalluh imur,” qal Ġesù.—Ġwann 11:11-44.
12, 13. (a) Għala nistgħu nkunu żguri li Lażżru ma kienx f’sensih meta kien mejjet? (b) Ġesù għala qal li Lażżru kien rieqed meta, fil-fatt, kien mejjet?
12 Issa aħseb ftit dwar dan: X’kienet il-kundizzjoni taʼ Lażżru matul dawk l-erbat ijiem li kien mejjet? Kien qiegħed fis-sema? Hu kien raġel tajjeb. Madankollu Lażżru ma qal xejn dwar li kien fis-sema, li żgur kien jgħid kieku kien hemmhekk. Le, Lażżru kien tassew mejjet, saħansitra bħalma kien qal Ġesù. Allura għala Ġesù għall-ewwel qal lid-dixxipli tiegħu li Lażżru kien biss rieqed?
13 Sewwa, Ġesù kien jaf li l-mejjet Lażżru ma kien konxju taʼ xejn, bħalma tgħid il-Bibbja: “[I]l-mejtin . . . m’huma konxji taʼ xejn affattu.” (Ekkleżjasti 9:5) Imma persuna ħajja tistaʼ tiġi mqajma minn raqda fil-fond. Mela Ġesù kien se juri li, permezz tal-qawwa mogħtija lilu minn Alla, ħabibu Lażżru setaʼ jiġi mqajjem mill-mewt.
14. Għarfien dwar il-qawwa taʼ Kristu li jqajjem il-mejtin x’għandu jqanqalna biex nagħmlu?
14 Meta xi ħadd ikun rieqed fil-fond, ma jiftakar xejn. L-istess il-mejtin. Ma jħossu xejn affattu. Ma jeżistux iktar. Imma, fiż-żmien maħtur minn Alla, il-mejtin li huma mifdijin minn Alla se jiġu mqajmin għall-ħajja. (Ġwann 5:28) Żgur li dan l-għarfien għandu jqanqalna biex inkunu rridu li naqilgħu l-favur t’Alla. Jekk nagħmlu dan, saħansitra jekk immutu, Alla se jiftakar fina u se jerġaʼ jġibna lura għall-ħajja.—1 Tessalonkin 4:13, 14.
[Stampa f’paġna 76]
ADAM—magħmul mit-trab . . . irritorna lejn it-trab
[Stampa f’paġna 78]
X’kienet il-kundizzjoni taʼ Lażżru qabel qajmu Ġesù?